Tumas More
San Tumas More | |
---|---|
Tumas More, ritratt ta' Hans Holbein iż-żgħir (1527) | |
Twelid |
7 ta' Frar 1478 Londra |
Mewt |
6 ta' Lulju 1535 Londra |
Kanonizzazzjoni | 1935, Ruma minn Piju XI |
L-ikbar santwarju | Knisja ta' San Dunstan, Canterbury |
Festa |
22 ta' Ġunju (Kattoliċi) 6 ta' Lulju (Anglikani) |
Attributi | palma |
Patrun/a | avukati, politiċi |
Sir Thomas More (Londra, 7 ta' Frar 1478 - Londra, 6 ta' Lulju 1535) kien avukat, filosfu umanista tar-Rinaxximent, kittieb, u politiku Ingliż. Huwa wkoll qaddis tal-Knisja Kattolika.
Studji u Karriera
[immodifika | immodifika s-sors]Wara li studja ħafna r-reliġjon u l-istudji klassiċi, daħal l-Università ta' Oxford biex jistudja l-liġi. Meta spiċċa l-università beda karriera ta' avukat li wasslitu sal-Parlament. Fl-1505 iżżewweġ lil Jane Colt li tatu erbat itfal, u meta mietet f'età żgħira iżżewweġ armla, Alice Middleton, biex tkun omm għal uliedu żgħar. Tumas More kien bniedem għaref u ta' kultura kbira, ħabib ta' isqfijiet u studjużi kbar. Fl-1516 kiteb il-ktieb famuż mad-dinja kollha, Utopia.
Sfond storiku
[immodifika | immodifika s-sors]Is-seklu sittax bil-kemm kien għadu beda meta fil-Ġermanja, qam il-moviment tar-riforma ta’ Luteru, il-Protestantiżmu. Hekk kellu jkun, moviment ta’ riforma, riforma tal-Knisja Kattolika, imma wassal biex iġġieled u nqata’ minnha. Għall-ewwel fl-Ingilterra, l-influwenza tal-protestanti ftit li xejn ħakmet l-imħuħ. Fil-bidu tas-seklu sittax, dan il-pajjiż kien qiegħed igawdi żmien ta’ paċi u progress, żmien li kien ilu ħafna ma jkollu bħalu. Kien għadu kif inħeles minn gwerra ċivili qerrieda għat-tron.
Għall-bidu tas-seklu sittax, tela’ fuq it-tron Enriku Tudor li sar ir-Enriku VII. Ma’ dan ir-re waslet il-paċi. Bil-paċi beda żmien mill-aqwa għall-Ingilterra. Il-pajjiż beda jissaħħaħ u jieħu r-ruħ. Il-paċi minbarra qawmien ekonomiku ġabet ukoll qawmien intelletwali. Kien f’dan iż-żmien li l-Ingilterra tat lid-dinja t-teatru ta’ Shakespeare u l-filosofija ta’ Francis Bacon. Bla dubju ta’ xejn ma’ dawn wieħed mill-aqwa imħuħ li tat l-Ingilterra fil-bidu tas-seklu sittax kien Thomas More.
Tumas More u Enriku VIII
[immodifika | immodifika s-sors]More kien avukat mill-aqwa u minħabba l-għerf tiegħu kien magħruf bħala Socrates ta’ l-Ingilterra. Il-fama ta’ More sa ġibdet l-attenzjoni ta’ Enriku VIII, bin Enriku VII. Għalhekk ma damitx ma waslet l-istedina biex More jidħol fis-servizz irjali. Stedina tar-re dak iż-żmien ma kontx tista’ twarrabha kif ġieb u laħaq. Thomas More aċċetta.
Fil-bidu tar-renju tiegħu, Enriku ltaqa’ ma’ saram. Martu, Katarina ta’ Aragona, l-armla ta’ ħuh, ma setgħetx tagħtih iben. Kien importanti li r-re jkollu iben; x’jiswa li Katarina tagħtu tifla? L-Ingilterra qatt ma kienet aċċettat nisa bħala suċċessuri għat-tron. X’ser isir issa mit-Tudors? Kien hemm il-biża’ li t-tron imur għand familja oħra. Għalhekk hemm bżonn li Enriku jerġa’ jiżżewweġ biex ikollu tifel.
More isir Kanċillier tar-Re
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kardinal Wolsey, il-kanċillier tar-re, l-iktar bniedem influenti fl-Ingilterra, kellu biċċa xogħol iebsa li jġib il-permess mingħand il-Papa biex Enriku jkun jista’ jerġa’ jiżżewweġ. Għalhekk talab l-għajnuna ta’ Sir Thomas biex jgħinu f’din il-biċċa xogħol. Enriku kien jisħaq li jrid jerġa’ jiżżewweġ. Ried li l-Papa jħassarlu l-ewwel żwieġ. “Mhux sew tiżżewweġ l-armla ta’ ħuk…l-iskrittura tgħid dan” kien itambar lir-re. Imma l-knisja kienet tagħtu dispensa – permess biex iż-żwieġ jista’ jsir.
Issa Enriku ried dispensa oħra, biex jerġa’ jieħu mara u din id-darba, lil Ann Bolejn. Imma l-Papa ma ħariġx din id-dispensa u l-ewwel żwieġ baqa’ jgħodd. Għalxejn ma swiet id-diplomazija tal-Kardinal Wolsey ma’ Ruma. Għalhekk Wolsey tkeċċa minn kanċillier u minfloku Enriku poġġa lil Sir Thomas More. More sar l-aktar bniedem prominenti fl-Ingilterra.
Dak iż-żmien Enriku kien fl-aqwa tiegħu. Kien sabiħ u kellu manjieri li jħolluk. Kien mimli talenti, studjuż u għaref, kapaċi ħafna fl-atletika u fil-logħob tat-tennis, żeffien u mużiċista. Ta’ tmintax kien diġà re. Kien imrobbi fi fsied li ħassru u mdorri jagħmel ta’ rasu. Kien jogħġbu l-ftaħir u moħħu biex ikun l-aqwa u l-ewwel f’kollox.
Bdiet issir aktar ċara li l-Papa ma kienx se jħoll iż-żwieġ tar-re għalhekk daħħal fin-nofs lil Thomas Cromwell, is-segretarju ta’ Enriku li ħejja pjan biex tgħaddi tas-sultan tiegħu. L-isqfijiet tar-renju ġegħlhom jaċċettaw lil Enriku bħala l-kap tal-knisja u b’hekk Ruma u l-Papa ma baqgħu ifissru xejn iżjed għall-Ingilterra. Ir-riforma protestanta nibtet f’dan il-pajjiż ukoll.
More jirriżenja minn kanċillier
[immodifika | immodifika s-sors]Fuq din Thomas More irriżenja minn kanċillier. Ma ħassux li seta jaħdem iktar mar-re. Ma kienx qed jaqbel ma dak li kien qed isir. Ħaġa iebsa tirriżenja minn kanċillier. Tfisser titlef id-dħul tal-flus. Tfisser tiksirha mar-re li ma jħobbx li jitilquh nies jekk ma jkunx ordnalhom hu. Tfisser ikollok tissaporti t-tgergir tal-familjari tiegħek li ma jkunux fehmu għalfejn għandek titlaq dan il-ġid u l-unuri kollha.
Bħala kap tal-knisja fl-Ingilterra, r-re seta’ jagħmel li jrid fi ħwejjeġ ekkleżjastiċi. Poġġa lil Thomas Cramner bħala Arċisqof ta’ Canterbury. Cramner mill-ewwel qeda lir-re mill-koxxa. Ħabbar li ż-żwieġ irjali ma’ Katarina ma kienx kif kellu jkun u mbagħad wara ftit żewweġ lil Enriku ma’ Ann Bolejn. More ma marx għaċ-ċerimonja taż-żwieġ. Għal ħafna Ingliżi u barranin dan kien ifisser li Thomas More ma kienx jaqbel ma’ dak li kien qed isir.
Thomas Cromwell ingħata l-inkarigu li jew jibdel il-fehma ta’ More jew jeħles minnu. Biex jilħaq dan l-iskop, Cromwell sab l-għajnuna ta’ Richard Rich, żagħżugħ b’kilba li jilħaq u dejjem lest biex għal dan l-iskop jagħmel kollox.
Ann Bolejn kien ser ikollha tarbija. Enriku ttama li jkun tifel. Hu ried li s-suċċessur tiegħu ma jkunx it-tifla ta’ Katarina imma t-tarbija tal-mara ġdida tiegħu u għalhekk, Cromwell poġġa quddiem il-parlament l-att ta’ suċċessjoni li kien jgħid: “Ann hi l-mara propja tar-re. It-tarbija ta’ Ann għandha d-dritt għat-tron. Il-Papa m’għandux dritt jindaħal fil-ħwejjeġ tal-knisja fl-Ingilterra. Min jiġi mitlub jieħu ġurament biex jikkonferma dan l-att u ma jeħdux, jitlef ġidu kollu u jintbagħat il-ħabs għal għomru.’’
More issa sar jaf li wasal iż-żmien li jitlef ġidu u l-kumpanija tal-familja tiegħu. Il-ġurament u l-kastigi li kien hemm marbutin miegħu kienu ntiżi għal nies prominenti bħalu biex iġegħulhom jaqblu ma dak li kien qed isir.
Wara ftit taż-żmien More ġie msejjaħ biex imur Lambeth Palace sabiex jieħu l-ġurament. Kien jaf li sejjer biex ma jerġax lura. Qabel mar, sellem lill-familja. F’Lambeth Palace More la ħa l-ġurament u lanqas ma nħela f’argumenti. Talab biss li jħalluh bi kwietu mal-kuxjenza tiegħu.
More fil-ħabs
[immodifika | immodifika s-sors]Min hemm ittieħed lejn it-torri ta’ Londra biex jiskonta s-sentenza ta’ ħabs għal għomru. Imma l-inkwiet ma kienx spiċċa għal More. Il-ħalfa tar-re u s-segretarju tiegħu li jġegħluh iċedi jew jeqirduh ma ntesietx. Mill-Parlament Cromwell għadda l-att ta’ supremanzija li jgħid li r-re kien il-kap suprem tal-knisja fl-Ingilterra. Cromwell kompla “Min bil-kelma jew bil-kitba iċaħħad lill- Majestà tiegħu minn dan it-titlu ikun ħati ta’ tradiment u ħaqqu l-mewt.’’
More ittella’ quddiem kummissjoni biex jiġi eżaminat fuq kliemu u kitbietu, imma nstab li la bil-kitba u lanqas bil-kliem ma qatt ċaħad dan it-titlu lir-re. Ma kkummenta xejn jekk jaqbilx jew le li r-re kien il-kap suprem tal-knisja. Xejn. Żamm is-skiet, għalhekk ma setgħux jikkundannawh, More kien intelliġenti wisq għalihom.
Il-Proċess
[immodifika | immodifika s-sors]F’Ġunju ta’ l-1535, More ittieħed għall-ġuri l-qorti. “Thomas More, int akkużat li ttradejt ir-re billi żammejt silenzju malinn. Akkużat ukoll li f’ittri li għaddew bejnek u bejn it-traditur l-isqof Fischer, inti wettaqt l-istess tradiment u mbagħad b’ħażen kbir ħraqt dawn l-imsemmija ittri.’’
More xorta xejjen dawn l-akkużi faċilment. “Kif għidtu intom stess, l-ittri huma maħruqa u ma jistgħux ikunu ta’ xhieda. Naħilifilkom li ma kienx fihom tradiment. Dwar is-silenzju tiegħi fuq x’jgħidu l-atti, ma tafux li l-liġi tinkiser meta wieħed jitkellem kontra u mhux meta ma jgħid xejn. L-aktar li tistgħu tgħidu hu li bis-silenzju tiegħi qbilt magħhom u mhux ċħadthom. Il-pjan ta’ Cromwell u Rich kien ser jerġa’ jiġi fix-xejn. More kien ser jerġa’ jeħlisha.
Għalhekk Rich tela’ bħala xhud. Ħalef u xehed li quddiemu fit-torri, More kien ċaħad bil-kelma s-supremazija ta’ Enriku fuq il-knisja fl-Ingilterra. Din id-darba l-għedewwa nqdew bil-ħalf falz. More ċaħad din ix-xhieda. Imma issa kien f’idejn il-ġurija biex temmen lilu jew lil Rich. Il-ġurija damet ħmistax-il minuta biex waslet għall-verdett. Iddeċidiet li Rich kien qal is-sewwa u li More kien ħati ta’ tradiment.
Issa Thomas More kien jaf x’hemm lest għalih. Qabel ma l-imħallfin temmew is-sentenza, More talab biex jitkellem. Fl-aħħar kiser is-silenzju u stqarr fhemtu dwar is-supremazija tar-re fuq il-knisja fl-Ingilterra.
Ċaħad bl-aktar mod ċar u sod li r-re hu l-kap tal-knisja. Qal li din kienet kontra l-liġi t’Alla. Fakkar li skond il-Magna Carta u l-ġurament tar-re waqt l-inkoronazzjoni tiegħu, dan l-att qatt ma seta’ għadda mill-parlament. Thomas More ġie kkundannat għall-mewt.
Fil-5 ta’ Lulju, kiteb ittra lil bintu l-maħbuba Margaret. Kienet ittra ta’ tislijiet lil qrabatu. “Saħħiet binti u itlob għalija u jien għad nitlob għalik u għal ħbiebek biex niltaqgħu flimkien fil-hena tal-ġenna.’’
L-għada wasallu l-messaġġ li kellu jmut dak in-nhar stess. Ir-re talbu biex fuq il-forka jitkellem mill-inqas. More kien il-qaddej fidil tar-re. Dejjem obda fit-tajjeb. Il-ftit kelmiet li lissen qabel ma ġie maqtul kienu: “Ser imut il-qaddej fidil tar-re imma fuq kollox il-qaddej fidil ta’ Alla!’’
Maqtul
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-6 ta' Lulju 1535, meta ħaduh għall-forka, niżel għarkubbtejh jitlob is-salm Miserere u kif spiċċa beda jiċċajta mal-bojja. Tah xi ħaġa tal-flus, għannqu u qallu biex jaqdi dmiru. Baxxa rasu u lestiha għall-mewt u biex jiċċajta qal lill-bojja, “Mument wieħed, ħallini nqiegħed sewwa l-leħja, dnub li tinqata': hi ma ttradiet lil ħadd” u lil dawk li kienu qed jarawh qalilhom, “Ser imut il-qaddej leali tar-Re, imma fuq kollox il-qaddej leali ta' Alla” (the King's good servant - but God's first).
Il-ġisem ta' More indifen fi knisja żgħira maġenb il-ħabs stess iżda rasu ġiet imwaħħla fil-Pont ta' Londra mal-irjus tan-nies ħżiena li kienu jitqiegħdu hemm biex ibeżżgħu lin-nies. Imma bintu Margaret irnexxielha teħodha u żammitha bħala fdal ta' għożża kbira tul ħajjitha kollha.
Fl-1886, ġie ddikjarat beatu, u fl-1935 qaddis mill-Papa Piju XI.
San Thomas More huwa wieħed mill-qaddisin patruni tal-avukati u tal-politiċi.