Aqbeż għall-kontentut

Torri ta' Erkole

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Torri ta’ Erkole)
It-Torri ta' Erkole

It-Torri ta' Erkole (bl-Ispanjol: Torre de Hércules) huwa l-iktar fanal antik li għadu jeżisti fid-dinja. Għandu oriġini Rumana antika u jinsab f'peniżola xi 2.4 km miċ-ċentru ta' A Coruña, fil-Galizja, fil-Majjistral ta' Spanja. Sas-seklu 20, il-fanal kien magħruf bħala Farum Brigantium. Il-kelma bil-Latin farum toriġina mill-Grieg Φάρος, Pharos, li kienet tintuża għall-Fanal ta' Lixandra. It-Torri ta' Erkole huwa għoli 55 metru u jinsab fix-xifer tal-kosta Atlantika tat-Tramuntana ta' Spanja. Inbena fl-ewwel seklu W.K. u ġie rinnovat għalkollox fl-1791.[1][2]

Qribu hemm ġnien pubbliku bl-iskulturi ta' Pablo Serrano u Francisco Leiro. It-Torri ta' Erkole huwa Monument Nazzjonali ta' Spanja u fis-27 ta' Ġunju 2009 sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3] Dan it-torri huwa t-tieni l-itwal fanal fi Spanja wara l-Faro de Chipiona. Illum il-ġurnata sar attrazzjoni turistika u kull sena jżuruh madwar 150,000 ruħ.[4]

Kostruzzjoni u storja

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-ġebla tax-xewka bl-iskrizzjoni dwar l-arkitett tal-fanal

It-torru ilu jeżisti mill-ewwel seklu W.K. u nbena, jew forsi reġa' nbena mill-ġdid, taħt Trajanu, possibbilment fuq pedamenti li kienu jsegwu d-disinn b'oriġini tal-Feniċi. Jingħad li nbena skont il-pjanijiet oriġinali tal-Fanal ta' Lixandra, wieħed mis-Seba' Għeġubijiet tad-Dinja Antika. Fil-bażi tat-Torri ta' Erkole, hemm ġebla tax-xewka bl-iskrizzjoni MARTI AUG.SACR C.SEVIVS LVPVS ARCHTECTVS AEMINIENSIS LVSITANVS.EX.VO, li permezz tagħha nistgħu ngħidu fiċ-ċert li t-torri tal-fanal oriġinali kien inbena skont id-disinn tal-arkitett Gaius Sevius Lupus, minn Aeminium (li llum il-ġurnata hija Coimbra, fil-Portugall) fl-eks provinċja tal-Lusitanja, bħala offerta ddedikata lill-alla Ruman tal-gwerra, Mars. It-torri baqa' jintuża b'mod kostanti mit-tieni seklu W.K. u jitqies bħala l-iktar fanal antik li għadu jeżisti fid-dinja. It-torri oriġinali kien iqsar u usa', u l-qofol tiegħu li għadu jeżisti f'dan it-torri, fl-imgħoddi kien imdawwar b'rampa spirali. It-traċċi ta' din ir-rampa għadhom jidhru fil-parti esterna tat-torri li ġiet restawrata. X'aktarx li l-aħħar sular tat-torri oriġinali kellu qisu koppla fuqu.

L-iktar referenza bikrija tal-fanal fBrigantium kienet ta' Paulus Orosius fHistoriae adversum Paganos li nkiteb bejn l-415 u l-417:[5]

Ritratt tal-fanal mill-viċin li minnu tidher ir-rampa spirali oriġinali

Secundus angulus circium intendit, ubi Brigantia Gallaeciae civitas sita altissimum farum et inter pauca memorandi operis ad speculam Britanniae erigit

("Fit-tieni anglu taċ-ċirkwit mad-dawra ta' Hispania, fejn tinsab il-belt Galizjana ta' Brigantia, inbena fanal għoli ħafna flimkien ma' xi xogħlijiet kommemorattivi, li wieħed jista' jħares minnu lejn il-Britannia".)

Fl-1788, il-qalba tat-torri oriġinali Ruman b'għoli ta' 34 metru nżammet u ngħatat restawr Neoklassiku. Barra minn hekk, ġie miżjud sular ieħor ġdid, ir-raba' wieħed, li żied l-għoli tat-torri b'21 metru oħra. Ir-restawr twettaq mill-inġinier navali Eustaquio Giannini matul ir-renju ta' Karlu III ta' Spanja, u tlesta fl-1791. L-UNESCO faħħret dan ix-xogħol antik ta' restawr bħala wieħed eżemplari, li pproteġa l-qofol ċentrali tal-monument Ruman oriġinali filwaqt li rrestawra l-funzjonijiet tekniċi tiegħu. Meta wieħed jidħol ġot-Torri ta' Erkole, hu u tiela' l-234 tarġa tal-fanal, jista' faċilment jinnota x-xogħol fil-ġebla li jmur lura għal żmien ir-Rumani u żmien il-Medju Evu.[3]

Ir-Rumani, li kienu ħakmu dan ir-reġjun ta' Spanja, kienu jemmnu li figurattivament kien l-aħħar tad-dinja, u għalhekk kien magħruf bħala Finisterra. Dan ir-reġjun huwa wkoll magħruf għan-nawfraġji, u b'hekk ix-xtajtiet tiegħu ngħataw il-laqam ta' Costa da Morte, jiġifieri "Kosta tal-Mewt".[3]

L-istatwa ta' Breogán ħdejn it-Torri ta' Erkole
L-istemma ta' A Coruña

Tul il-millenji ġew irrakkontati ħafna ġrajjiet ta' miti dwar l-oriġini tal-fanal. Skont mit minnhom li jħallat elementi Ċeltiċi ma' elementi Griegi u Rumani, l-eroj Erkole qatel il-ġgant tirann Geryon wara battalja ta' tlett ijiem u tlett iljieli bla heda. Imbagħad, Erkole b'ġest Ċeltiku difen ras il-ġgant flimkien mal-armi tiegħu u ordna li tinbena belt f'dak is-sit. Fil-fatt fl-istemma araldika tal-belt ta' A Coruña jidher il-fanal fuq kranju u żewġ għadmiet kontra xulxin li jirrappreżentaw ir-ras midfuna taħt l-art tal-għadu maqtul ta' Erkole.[6]

Leġġenda oħra tinsab fil-kompilazzjoni Irlandiża tal-11-il seklu Lebor Gabála Érenn, jiġifieri l-"Ktieb tal-Invażjonijiet". Ir-Re Breogán, il-fundatur tan-nazzjon Ċeltika Galizjana, bena torri kbir li tant kien għoli, li uliedu subien minn fuqu setgħu jaraw xatt aħdar fil-bogħod ħafna. Malli lemħu dik l-art ħadra fil-bogħod, tħajru jbaħħru lejn it-Tramuntana sa ma waslu l-Irlanda. Skont il-leġġenda, id-dixxendenti ta' Breogán baqgħu l-Irlanda u huma l-antenati Ċeltiċi tal-poplu Irlandiż attwali. Ħdejn it-Torri ta' Erkole hemm statwa moderna ta' Breogán biex tfakkar din il-leġġenda.[6]

Id-deskrizzjonijiet ġeografiċi bikrin dwar fejn kienet tinsab Brigantia jindikaw li l-belt setgħet effettivament tinsab f'A Coruña jew fil-belt moderna ta' Betanzos. M'hemmx qbil dwar dan, peress li ċ-ċittadini ta' Betanzos baqgħu jiddikjaraw li l-belt tagħhom hija "l-eks belt ta' Brigancia" sas-17 il-seklu, kemm fir-rakkonti letterarji kif ukoll fil-mapep, u jsostnu wkoll li l-isem Betanzos huwa evoluzzjoni fonetika minn Brigantium > Breganzo > Betanzos. Madankollu, dan il-ħsieb jaf ma għandux bażi etimoloġika.[7]

Veduta panoramika tal-"Kosta tal-Mewt"

It-tradizzjoni ta' Betanzos issostni li l-port ta' Betanzos kien sar żgħir wisq għall-bastimenti Medjevali l-kbar, u li r-Re Alfonso IX ta' León kien iddeċieda li joħloq port ikbar fil-qrib għall-ħabta tas-seklu 13. Il-post li għażel kien post mhux abitat imsejjaħ Clunia, li iktar 'il quddiem sar Cruña u mbagħad Coruña. L-isem Clunia jingħad li ġej mill-għerq Proto-Ċeltiku *klou̯ni (mill-Irlandiż antik cluain), li tfisser mergħa.

Madankollu, it-tradizzjoni ta' A Coruña ssostni li l-port ta' Betanzos (li huwa wieħed fluvjali minn xmara żgħira) kien wisq żgħir biex il-bastimenti tal-gwerra Rumani jirmiġġaw fih, pereżempju meta Ġulju Ċesri żar iż-żona bil-bastimenti Rumani. Intwera li A Coruña kienet sit Ruman importanti, fejn instabu oqbra u fdalijiet oħra Rumani fiċ-ċentru tal-belt li juru li s-sit kien abitat fil-perjodu Ruman, u kien mhux abitat biss fil-Medju Evu minħabba l-attakki tal-Vikingi, meta l-abitanti tal-belt marru jgħixu iktar 'il ġewwa fejn O Burgo (li llum il-ġurnata hija Culleredo). It-tradizzjoni ta' A Coruña ssostni li l-bidla fl-isem minn Brigantia għall-isem attwali seħħet fil-Medju Evu, u tisħaq li l-fanal li nbena jinsab minn tal-inqas 25 km 'il bogħod (ġurnata mixi) minn Betanzos. Barra minn hekk, fl-imgħoddi f'A Coruña kien hemm it-tribù ta' Brigantes, filwaqt li f'Betanzos kien hemm it-tribù ta' Nemeti. Il-biċċa l-kbira tal-istoriċi jaqblu li Brigantia hija A Coruña (flimkien ma' A Laracha u Carballo fir-reġjun ta' Bergantiños).[7]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

It-Torri ta' Erkole sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2009. Il-valur universali straordinarju tiegħu ġie rikonoxxut abbażi tal-kriterju (iii) tal-għażla tal-UNESCO: "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet", ladarba t-torri huwa xhieda tal-użu tal-fanali fil-qedem. It-Torri ta' Erkole huwa prova wkoll tal-kontinwità tar-rotta Atlantika minn meta ġiet organizzata għall-ewwel darba mir-Rumani, tul il-biċċa l-kbira tal-Medju Evu, sal-iżvilupp konsiderevoli fiż-żminijiet moderni u kontemporanji.[3]

  1. ^ "Las leyendas de la Torre de Hércules". La Vanguardia (bl-Ispanjol). 2020-07-03. Miġbur 2021-03-10.
  2. ^ "Comarca de Coruña - Escudo y Bandera de Coruña - Apoya a la Torre como Patrimonio de la Humanidad de la UNESCO!". www.bandeiragalega.com. Miġbur 2021-03-10.
  3. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Tower of Hercules". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-10.
  4. ^ "As visitas á Torre de Hércules incrementáronse en 20.000 persoas durante o ano pasado - Torre de Hércules A Coruña". www.torredeherculesacoruna.com. Miġbur 2021-03-10.
  5. ^ Paulus Orosius, Historiae adversum Paganos, i.2.71.
  6. ^ a b "The legend of Breogan - Torre de Hércules A Coruña". www.torredeherculesacoruna.com. Miġbur 2021-03-10.
  7. ^ a b Haydon, F. S. (2012-11-15). Eulogium (Historiarum Sive Temporis) (in Latin). Cambridge University Press. ISBN 978-1-108-04260-4.