Aqbeż għall-kontentut

Tikal

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
It-Tempju I ta' Tikal huwa għoli 47 metru (154 pied).

Tikal (/tiˈkɑːl/; Tik’al bl-ortografija moderna tal-Maja) hija l-fdal ta' belt antika, li x'aktarx kienet tissejjaħ Yax Mutal[1], u li tinsab f'foresta tropikali fil-Gwatemala.[2] Hija wieħed mill-ikbar siti arkeoloġiċi u ċentri urbani taċ-ċivilizzazzjoni tal-Maja pre-Kolumbjana. Tinsab fir-reġjun arkeoloġiku tal-Baċir ta' Petén fit-territorju attwali tat-Tramuntana tal-Gwatemala. Is-sit jinsab fid-dipartiment ta' El Petén u huwa parti mill-Park Nazzjonali ta' Tikal. Fl-1979 sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]

Tikal kienet il-belt kapitali ta' stat ħakkiem li sar wieħed mill-iżjed renji setgħana tal-Maja tal-qedem.[4] Għalkemm l-arkitettura monumentali tas-sit tmur lura saħansitra tas-seklu 4 Q.K., Tikal laħqet il-quċċata tagħha matul il-Perjodu Klassiku, għall-ħabta tal-200 sad-900. Matul dak iż-żmien, il-belt iddominat il-biċċa l-kbira tar-reġjun tal-Maja politikament, ekonomikament u militarment, filwaqt li interaġixxiet ma' żoni fil-Mesoamerka kollha, bħall-metropoli l-kbira ta' Teotihuacan fil-Wied tal-Messiku daqstant 'il bogħod. Hemm evidenza li Tikal inħakmet minn Teotihuacan fis-seklu 4 W.K.[5] Wara t-tmiem tal-Perjodu Klassiku Aħħari, ma nbena l-ebda monument maġġuri f'Tikal u hemm evidenza li l-palazzi tal-elit ingħataw in-nar. Dan l-avvenimenti mexew id f'id ma' tnaqqis gradwali fil-popolazzjoni, u laħqu l-qofol tagħhom fl-abbandun tas-sit sal-aħħar tas-seklu 10.

Tikal hija l-iżjed belt mifhuma minn kwalunkwe waħda mill-bliet tal-Maja l-kbar fl-artijiet baxxi, b'lista twila ta' mexxejja dinastiċi, bl-iskoperta tal-oqbra ta' bosta mill-mexxejja fuq din il-lista u bl-investigazzjoni tal-monumenti, tat-tempji u tal-palazzi tagħhom.[6]

Glifiċi emblematiċi ta' isem Tikal

L-isem Tikal jaf oriġina minn ti ak'al fil-lingwa tal-Maja tal-Yucatan; jingħad li huwa isem relattivament modern li jfisser "f'ġibjun". Milli jidher l-isem ingħata lil wieħed mill-ġibjuni antiki tas-sit mill-kaċċaturi u mill-vjaġġaturi fir-reġjun.[7] Interpretazzjoni oħra tal-isem hi li jfisser "il-post tal-vuċijiet" fil-lingwa tal-Maja ta' Itza. Madankollu, Tikal mhuwiex l-isem antik tas-sit iżda pjuttost l-isem li ġie adottat ftit wara l-iskoperta tas-sit fis-snin 40 tas-seklu 19.[8] Il-kitbiet ġeroglifiċi fil-fdalijiet jirreferu għall-belt antika bħala Yax Mutal jew Yax Mutul, li tfisser "l-ewwel Mutal". Tikal jaf bdiet tissejjaħ hekk minħabba li Dos Pilas beda juża l-istess glifiċi emblematiċi; il-mexxejja tal-belt x'aktarx li riedu jiddistingwu bejn il-bliet b'dan il-mod.[9] Ir-renju kollu kien jissejjaħ sempliċement Mutul, li huwa l-interpretazzjoni tal-glifiċi emblematiċi tal-"qatta' xagħar" fir-ritratt fuq il-lemin. It-tifsira preċiża għadha mhux ċerta.[10]

Mappa taż-żona tal-Maja fir-reġjun Mesoamerikan. Kemm Tikal kif ukoll Calakmul jinsabu qrib iċ-ċentru taż-żona.

L-eqreb insedjamenti kbar moderni huma Flores u Santa Elena, bejn wieħed u ieħor xi 64 kilometru (40 mil) bogħod bit-triq lejn il-Lbiċ.[11] Tikal tinsab xi 303 kilometri (188 mil) fit-Tramuntana tal-Belt tal-Gwatemala. Tinsab 19-il kilometru (12-il mil) fin-Nofsinhar tal-belt tal-Maja kontemporanja ta' Uaxactun u 30 kilometru (19-il mil) fil-Majjistral ta' Yaxha.[12] Il-belt tinsab 100 kilometru (62 mil) fix-Xlokk tar-rivali l-kbira tagħha tal-Perjodu Klassiku, Calakmul, u 85 kilometru (53 mil) fil-Majjistral tal-alleat ta' Calakmul, Caracol, li issa tinsab fil-Belize.[13]

Il-belt ġiet immappjata għalkollox u kienet tkopri erja ikbar minn 16-il kilometru kwadru (6.2 mili kwadri) li kienet tinkludi madwar 3,000 struttura.[14] It-topografija tas-sit tikkonsisti minn sensiela ta' rdumijiet paralleli tal-ġebla tal-ġir 'il fuq minn artijiet baxxi u mtajna. L-arkitettura maġġuri tas-sit hija raggruppata f'żoni iktar għoljin li huma kkollegati b'toroq olzati minn naħa għall-oħra tal-artijiet bassasa.[15] Iż-żona madwar Tikal ġiet iddikjarata bħala l-Park Nazzjonali ta' Tikal u ż-żona ppreservata tkopri 570 kilometru kwadru (220 mil kwadru).[16] Dan il-park inħoloq fis-26 ta' Mejju 1955 taħt il-patroċinju tal-Instituto de Antropología e Historia u kien l-ewwel żona protetta fil-Gwatemala.[17]

Il-fdalijiet jinsabu fost il-foresti tropikali tat-Tramuntana tal-Gwatemala li kienu jiffurmaw in-nieqa taċ-ċivilizzazzjoni tal-Maja fl-artijiet baxxi. Il-belt stess kienet tinsab qalb art għammiela abbundanti, u jaf iddominat rotta kummerċjali naturali mil-Lvant għall-Punent tul il-Peniżola tal-Yucatan. Fost is-siġar il-kbar tal-Park Nazzjonali ta' Tikal hemm il-kapok ġgantesk (Ceiba pentandra) li kienet is-siġra sagra tal-Maja; iċ-ċedru tropikali (Cedrela odorata), u l-kawba tal-Ħonduras (Swietenia macrophylla). Fir-rigward tal-fawna, wieħed jista' jara regolarment l-aguti, il-koati ta' mnieħru abjad, il-volpi griż, ix-xadin ta' Geoffroy, ix-xadin li jgħajjat, l-ajkla arpija, il-falkun, id-dundjan tal-foresti, il-gwan, it-tukan, il-pappagall aħdar u n-nemel li jaqta' l-weraq. Jingħad ukoll li l-ġagwar, l-ocelot u l-cougar jgħixu fil-park.[18]

Tikal ma kellha l-ebda ilma għajr dak li kien jinġabar mill-ilma tax-xita u jinħażen f'għaxar ġibjuni. L-arkeologi li ħadmu f'Tikal matul is-seklu 20 sewwew wieħed minn dawn il-ġibjuni antiki biex jaħżnu l-ilma għalihom stess.[19] Ix-xita annwali medja li tinżel f'Tikal tammonta għal 1,945 millimetru (76.6 pulzier). Madankollu, ix-xita ġieli tinżel għal għarrieda, u perjodi twal ta' nixfa setgħu jseħħu qabel ma l-għelejjel isiru, li kienet theddida serja għall-abitanti tal-belt antika.[20]

L-istimi tal-popolazzjoni ta' Tikal ivarjaw minn 10,000 sa saħansitra 90,000 abitant. Il-popolazzjoni ta' Tikal bdiet kurva kontinwa ta' tkabbir mill-bidu tal-Perjodu Preklassiku (bejn wieħed u ieħor fl-2000 Q.K. – 200 W.K.), bl-eqqel livell fil-Perjodu Klassiku Aħħari, fejn il-popolazzjoni kibret b'mod rapidu mis-700 W.K. sat-830, u mbagħad kien hemm deklin qawwi. Għaż-żona ta' 120 kilometru kwadru (46 mil kwadru) fi ħdan id-difiżi bit-tajn tal-periferija, l-ogħla popolazzjoni hija stmata li kienet 517-il persuna għal kull kilometru kwadru (1,340 persuna għal kull mil kwadru). F'żona fi ħdan raġġ ta' 12-il kilometru (7.5 mili) tal-qalba tas-sit, l-ogħla popolazzjoni hija stmata li kienet tlaħħaq il-120,000 ruħ; id-densità tal-popolazzjoni hija stmata li kienet 265 persuna għal kull kilometru kwadru (689 persuna għal kull mil kwadru). F'reġjun fi ħdan raġġ ta' 25 kilometru (16-il mil) mill-qalba tas-sit u inkluż xi siti anċillari, l-ogħla popolazzjoni hija stmata li kienet tlaħħaq l-425,000 ruħ b'densità ta' 216-il persuna għal kull kilometru kwadru (515-il persuna għal kull mil kwadru). Dawn iċ-ċifri rigward il-popolazzjoni huma ferm iktar impressjonanti minħabba l-artijiet bassasa estensiva li ma kinux adattati għall-abitazzjoni jew għall-agrikoltura. Madankollu, xi arkeologi, bħal David Webster, jemmnu li dawn iċ-ċifri huma wisq għoljin.[21]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali ta' Tikal ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO bħala sit kulturali u naturali mħallat: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[3]

Maskra tal-Maja li nstabet f'Tikal

Hemm traċċi ta' biedja bikrija fis-sit li jmorru lura saħansitra sal-1000 Q.K., fil-Preklassiku Nofsani.[22] Ġabra ta' bċejjeċ taċ-ċeramika ta' Mamon li jmorru lura għal madwar is-700 u l-400 Q.K. instabu f'chultun issiġillat, jiġifieri f'kompartiment taħt l-art b'għamla ta' flixkun.[23]

Fil-perjodu Preklassiku Aħħar f'Tikal diġà kienet qed issir kostruzzjoni maġġuri, u l-ewwel binjiet tfaċċaw għall-ħabta tal-400 u t-300 Q.K., inkluż il-kostruzzjoni ta' piramidi u pjattaformi maġġuri, għalkemm il-belt kienet għadha ferm iżgħar minn siti oħra iktar fin-Nofsinhar bħal El Mirador u Nakbe.[24] F'dak iż-żmien, Tikal ipparteċipat fil-kultura mifruxa ta' Chikanel li ddominat iż-żoni Ċentrali u tat-Tramuntana tal-Maja dak iż-żmien – reġjun li kien jinkludi l-Peniżola tal-Yucatan kollha inkluż it-Tramuntana u l-Lvant tal-Gwatemala u l-Belize kollu.[25]

Żewġ tempji li jmorru lura għaż-żminijiet aħħarin ta' Chikanel kellhom superstrutturi b'ħitan bix-xogħol fil-ġebel li jaf kienu bil-volti apposta li jħallu arkata jew spazju vojt fi ħdanhom, għalkemm ma nstabux provi ta' dan. Wieħed minnhom kellu affreski elaborati mal-ħitan ta' barra li juru figuri umani fuq sfond ta' tiżjin ripetut bl-isfar, bl-iswed, bir-roża u bl-aħmar.[26]

Fl-ewwel seklu W.K. tfaċċaw l-ewwel oqbra għonja u Tikal iffjorixxiet politikament u kulturalment, filwaqt li l-ġirien ġganteski tagħha fit-Tramuntana majnaw. Lejn l-aħħar tal-Preklassiku Aħħari, l-istil tal-arti u tal-arkitettura Izapan mill-Kosta Paċifika beda jinfluwenza lil Tikal, kif joħroġ fid-dieher minn skultura miksura mill-akropoli u mill-affreski bikrin fil-belt.[27]

Klassika Bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]

It-tmexxija dinastika fl-artijiet baxxi tal-Maja hija ankrata l-iktar fil-fond f'Tikal. Skont sejbiet ġeroglifiċi li saru iktar 'il quddiem, id-dinastija ġiet stabbilita minn Yax Ehb Xook, x'aktarx fl-ewwel seklu W.K.[28] Fil-bidu tal-perjodu Klassiku Bikri, il-poter fir-reġjun tal-Maja kien ikkonċentrat f'Tikal u f'Calakmul, fil-qalba tat-territorju tal-Maja.[29]

Tikal jaf ibbenefikat mill-waqgħa tal-istati Preklassiċi l-kbar bħal El Mirador. Fil-perjodu Klassiku Bikri Tikal malajr żviluppat fl-iżjed belt dinamika fir-reġjun tal-Maja, u xprunat l-iżvilupp ta' bliet tal-Maja oħrajn fl-inħawi.[30]

Madankollu, is-sit spiss kien imdaħħal fi gwerer u mill-kitbiet imnaqqxa nafu li kien hemm diversi alleanzi u kunflitti ma' stati oħra tal-Maja, inkluż Uaxactun, Caracol, Naranjo u Calakmul. Is-sit ġarrab telfa fl-aħħar tal-perjodu Klassiku Bikri kontra Caracol, li ħadet post Tikal bħala ċ-ċentru ewlieni fl-artijiet baxxi tan-Nofsinhar tal-Maja.[31] Fil-parti iktar bikrija tal-Klassiku Bikri kien hemm ostilitajiet bejn Tikal u l-ġar tagħha Uaxactun. F'Uaxactun fil-fatt instabu dokumentazzjonijiet dwar il-qbid ta' priġunieri minn Tikal.[32]

Milli jidher kien hemm waqfa fis-suċċessjoni dinastika minn raġel għal ieħor lejn it-317 W.K., meta Unen Bahlam għamlet ċerimonja ta' tmiem katun, x'aktarx bħala r-reġina tal-belt.[33]

Tikal u Teotihuacan

[immodifika | immodifika s-sors]
Jidher li l-metropoli l-kbira ta' Teotihuacan fil-Wied tal-Messiku intervjeniet b'mod deċiżiv fil-politka ta' Tikal.

Diġà fil-200 W.K. Teotihuacan kellha ambaxxati f'Tikal.[34]

L-erbatax-il re ta' Tikal kien Chak Tok Ich'aak (li tfisser litteralment "Sieq tal-Ġagwar il-Kbir"). Chak Tok Ich'aak bena palazz li ġie ppreservat u żviluppat mill-mexxejja ta' warajh sakemm sar il-qalba tal-Akropoli Ċentrali.[35] Ma tantx nafu wisq dwar Chak Tok Ich'aak għajr li nqatel fl-14 ta' Jannar 378 W.K. Fl-istess jum, wasal Siyah K'ak' (li tfisser litteralment "Twieled in-Nar") mill-Punent, wara li għadda minn El Peru, sit fil-Punent ta' Tikal, fit-8 ta' Jannar. Fuq l-iStele 31 jissemma bħala s-"Sinjur tal-Punent".[36] Siyah K'ak' x'aktarx li kien ġeneral barrani, irrappreżentat minn kitba ġeroglifika mhux tal-Maja ta' wieħed li jwaddab il-lanez flimkien ma' kokka, kitba ġeroglifika magħrufa sew mill-metropoli l-kbira ta' Teotihuacan fil-Wied tal-Messiku daqstant 'il bogħod. Siyah K'ak' jaf kien anke l-mexxej ta' Teotihuacan. Dawn l-avvenimenti rreġistrati fil-kitba ġeroglifika tal-Maja jissuġġerixxu b'mod qawwi li Siyah K'ak' mexxa invażjoni ta' Tikal min-naħa ta' Teotihuacan u r-re nattiv ta' Tikal ġarrab telfa, inqabad mill-għadu u ġie ġġustizzjat minnufih.[37] Milli jidher Siyah K'ak' ġie megħjun minn fazzjoni politika b'saħħitha f'Tikal stess[38]; bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien tal-ħakma, grupp ta' nattivi ta' Teotihuacan kienu qed jirresjedu qrib il-kumpless tad-Dinja Mitlufa.[39] Huwa eżerċita kontroll ukoll fuq bliet oħra fl-inħawi, fosthom Uaxactun, fejn sar re, iżda ma ħax it-tron ta' Tikal għalih innifsu.[40] Fi żmien sena, ibnu, Yax Nuun Ayiin I (l-"Ewwel Kukkudrill") sar il-ħmistax-il re ta' Tikal meta kien għadu tifel, u ngħata t-tron fit-13 ta' Settembru 379.[41] Huwa rrenja għal 47 sena bħala r-re ta' Tikal, u baqa' vassall ta' Siyah K'ak' sa ma dan miet. X'aktarx li Yax Nuun Ayiin I ħa mara mid-dinastija ta' Tikal ta' qablu u b'hekk leġittimizza d-dritt ta' tmexxija għal ibnu, Siyaj Chan K'awiil II.[40]

Río Azul, sit żgħir madwar 100 kilometru (62 mil) fil-Grigal ta' Tikal, inħakem minn Tikal matul ir-renju ta' Yax Nuun Ayiin I. Is-sit sar qisu tarka ta' Tikal u kien jiddefendiha mill-bliet ostili iktar lejn it-Tramuntana, u sar kollegament kummerċjali mal-Karibew.[42]

Għalkemm il-mexxejja l-ġodda ta' Tikal kienu barranin, id-dixxendenti tagħhom malajr saru midħla tal-Maja. Tikal saret l-alleat u l-imsieħeb kummerċjali ewlieni ta' Teotihuacan fl-artijiet baxxi tal-Maja. Wara li nħakmet minn Teotihuacan, Tikal malajr iddominat ir-reġjun ta' Peten fit-Tramuntana u fil-Lvant. Uaxactun, flimkien ma' rħula żgħar oħra fir-reġjun, ġew assorbiti fir-renju ta' Tikal. Siti oħra, bħal Bejucal u Motul de San José ħdejn il-Lag ta' Petén Itzá saru vassalli tal-ġar iktar setgħan tagħhom lejn it-Tramuntana. Sa nofs is-seklu 5 Tikal kellha territorju ewlieni ta' mill-inqas 25 kilometru (16-il mil) f'kull direzzjoni.

Għall-ħabta tas-seklu 5 inbniet sistema impressjonanti ta' fortifikazzjonijiet b'fosos u bi ħniedaq tul il-periferija tat-Tramuntana ta' Tikal, flimkien mad-difiżi naturali pprovduti minn żoni kbar ta' artijiet bassasa fil-Lvant u fil-Punent tal-belt. X'aktarx li nbnew ukoll fortifikazzjonijiet oħra lejn in-Nofsinhar. Dawn id-difiżi pproteġew lill-popolazzjoni ewlenija u r-riżorsi agrikoli ta' Tikal, f'erja ta' madwar 120 kilometru kwadru (46 mil kwadru). Riċerka reċenti tissuġġerixxi li l-ħniedaq kienu jintużaw bħala sistema ta' ġbir tal-ilma iktar milli għad-difiża.[43]

Tikal u Copán

[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-seklu 5 il-poter tal-belt kien iwassal saħansitra sa Copán fin-Nofsinhar, u l-fundatur tagħha, K'inich Yax K'uk' Mo', kellu rabtiet ċari ma' Tikal. Copán stess ma kinitx f'reġjun etniku tal-Maja u l-istabbiliment tad-dinastija ta' Copán x'aktarx li kienet tinvolvi l-intervent dirett ta' Tikal.[44] K'inich Yax K'uk' Mo' wasal f'Copán f'Diċembru 426 u mill-analiżi tal-għadam tiegħu nafu li qatta' tfulitu u żgħożitu f'Tikal.[45] Individwu magħruf bħala Ajaw K'uk' Mo' (jew is-Sinjur K'uk' Mo') jissemma f'test bikri f'Tikal u jaf kien l-istess persuna.[46] Il-qabar tiegħu kellu karatteristiċi ta' Teotihuacan u iktar 'il quddiem ġie mpinġi bl-ilbies tal-ġellieda ta' Teotihuacan. Kitbiet ġeroglifiċi jirreferu għalih bħala s-"Sinjur tal-Punent", l-istess bħal Siyah K'ak'. Fl-istess żmien, fl-aħħar tal-426, Copán stabbiliet is-sit ta' Quiriguá fil-qrib, possibbilment sponsorjata minn Tikal stess. L-istabbiliment ta' dawn iż-żewġ ċentri jaf kien parti minn sforz biex tiġi imposta l-awtorità ta' Tikal fuq il-parti tax-Xlokk tar-reġjun tal-Maja.[47] L-interazzjoni bejn dawn is-siti u Tikal kienet waħda intensiva matul it-tliet sekli ta' wara.[48]

Rivalità twila bejn Tikal u Calakmul bdiet fis-seklu 6, u kull waħda miż-żewġt ibliet iffurmat in-network tagħha ta' alleanzi ostili għal xulxin, u dan x'aktarx wassal għal gwerra twila bejn iż-żewġ superpotenzi tal-Maja. Ir-rejiet ta' dawn iż-żewġ bliet kapitali adottaw it-titlu ta' kaloomte', terminu li ġiex tradott b'mod preċiż iżda li jimplika xi ħaġa bħal "re għoli".[49]

Fil-bidu tas-seklu 6 laħqet reġina oħra bħala mexxejja tal-belt, magħrufa bħala s-"Sinjura ta' Tikal", li x'aktarx kienet bint Chak Tok Ich'aak II. Milli jidher qatt ma mexxiet waħedha, iżda dejjem kellha magħha mexxejja rġiel. L-ewwel wieħed minnhom kien Kaloomte' B'alam, li milli jidher kellu karriera twila bħala ġeneral f'Tikal qabel ma sar mexxej mar-reġina u fid-19-il post fis-sekwenza dinastika. Is-Sinjura ta' Tikal stess ma ġietx magħduda fis-sekwenza dinastika numerika. Iktar 'il quddiem x'aktarx li ngħaqad magħha bħala mexxej is-Sinjur "Difer ta' Għasfur", li jingħad li kien l-20 mexxej.[50]

Klassika Aħħarija

[immodifika | immodifika s-sors]

Pawża fil-kontinwità tal-poter ta' Tikal

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-pjazza prinċipali matul iċ-ċelebrazzjonijiet tas-solstizju tax-xitwa

F'nofs is-seklu 6, milli jidher Caracol saret alleata ta' Calakmul u għelbu lil Tikal, u b'hekk temmew il-perjodu Klassiku Bikri.[51] Din il-pawża fil-kontinwità tal-poter ta' Tikal x'aktarx li seħħet bejn l-aħħar tas-seklu 6 u l-aħħar tas-seklu 7 fejn kien hemm qabża fil-kitba tal-kitbiet imnaqqxa u fil-kostruzzjoni fuq skala kbira f'Tikal. Fl-aħħar nofs tas-seklu 6 W.K., il-belt għaddiet minn kriżi kbira, fejn ma tħejjiet l-ebda stele ġdida u fejn kien hemm mutilazzjoni mifruxa tal-iskulturi pubbliċi.[52] Din il-pawża fl-attività kontinwa ta' Tikal kienet misteru għal żmien twil, iżda mbagħad ġew iddeċifrati epigrafi oħra li identifikaw li dak il-perjodu seħħ wara t-telfa komprensiva li ġarrbet Tikal kontra l-alleanza ta' Calakmul u ta' Caracol fil-562, telfa li milli jidher irriżultat fil-qbid u fis-sagrifiċċju tar-re ta' Tikal. L-Artal 21 f'Caracol, ħafna minnu miekul mill-elementi, jiddeskrivi kif Tikal ġarrbet din it-telfa diżastruża fi gwerra maġġuri li seħħet f'April 562.[53] Milli jidher Caracol alleat ruħha ma' Calakmul fil-kunflitt usa' bejn il-belt u Tikal, u t-telfa ta' Tikal kellha impatt kbir għal żmien twil fuq il-belt. Ir-rikkezzi ta' Tikal ma ġewx misruqa iżda l-poter u l-influwenza li kellha ntilfu.[54] Wara r-rebħa kbira tagħha, Caracol kibret malajr u parti mill-popolazzjoni ta' Tikal jaf ġiet rilokata hemmhekk. Matul il-pawża fil-kontinwità tal-poter ta' Tikal, mill-inqas mexxej wieħed ta' Tikal fittex refuġju ma' Janaab' Pakal ta' Palenque, vittma ieħor ta' Calakmul.[55] Calakmul stagħnat matul il-pawża twila fil-kontinwità tal-poter ta' Tikal.[56]

Din il-pawża serviet bħala markatur li l-arkeologi jużaw biex jiddistingwu bejn il-perjodu Klassiku tal-kronoloġija Mesoamerikana u l-perjodu Klassiku Bikri u Aħħari.[57]

Tikal u Dos Pilas

[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-629 Tikal stabbiliet lil Dos Pilas, xi 110 kilometri (68 mil) fil-Lbiċ, bħala stazzjonament militari sabiex tikkontrolla l-kummerċ tul ix-xmara Pasión.[58] B'alaj Chan K'awiil tela' fuq it-tron tal-istazzjonament il-ġdid meta kellu erba' snin, fis-635. Meta kiber, għal bosta snin serva bħala vassall leali u ġġieled għal ħuh, ir-re ta' Tikal.[59] Bejn wieħed u ieħor għoxrin sena wara, Dos Pilas ġie attakkat minn Calakmul u ġarrab telfa kbira. B'alaj Chan K'awiil inqabad mir-re ta' Calakmul iżda, minflok ġie ssagrifikat, reġa' ngħata t-tron bħala vassall tal-eks għadu tiegħu.[60]

Huwa attakka lil Tikal fis-657, u ġiegħel lil Nuun Ujol Chaak, ir-re ta' Tikal ta' dak iż-żmien, jabbanduna l-belt temporanjament. L-ewwel żewġ mexxejja ta' Dos Pilas komplew jużaw il-ġeroglifiċi emblematiċi ta' Mutal li kienu ta' Tikal, u x'aktarx li ħassew li kienu leġittimi biex jieħdu t-tron ta' Tikal stess. Għall-istess raġuni, B'alaj Chan K'awiil ma sarx il-mexxej il-ġdid ta' Tikal; u minflok baqa' f'Dos Pilas. Tikal wettqet kontroattakk kontra Dos Pilas fis-672, u wasslet biex B'alaj Chan K'awiil jaħrab f'eżilju li dam ħames snin.[61] Calakmul ipprovat tiċċirkonda lil Tikal fi ħdan żona ddominata mill-alleati tagħha, fosthom El Peru, Dos Pilas, u Caracol.[62]

Fis-682, Jasaw Chan K'awiil I bena l-ewwel monument datat f'Tikal f'120 sena u ħa t-titlu ta' kaloomte', u b'hekk temm din il-pawża fil-poter. Huwa ta bidu għal programm ġdid ta' kostruzzjoni u ħadha qatta' bla ħabel kontra Calakmul sakemm fis-695, irnexxielu jaqbad il-mexxej tal-għadu u b'hekk xeħet lill-istat għadu tiegħu f'perjodu twil ta' deklin li qatt ma rkupra minnu għalkollox. Wara dan l-avveniment, Calakmul qatt ma reġgħet bniet monument biex tiċċelebra xi rebħa militari.[56]

Tikal wara Teotihuacan

[immodifika | immodifika s-sors]

Sas-seklu 7, ma kien hemm l-ebda preżenza attiva ta' Teotihuacan f'xi sit tal-Maja u ċ-ċentru ta' Teotihuacan inqered sas-sena 700. Anke wara dan il-perjodu, l-ilbies militari formali mnaqqax jew impinġi fuq il-monumenti kellu stil ta' Teotihuacan.[63] Jasaw Chan K'awiil I u l-eredi tiegħu Yik'in Chan K'awiil komplew l-ostilitajiet kontra Calakmul u l-alleati tagħha u imponew kontroll reġjonali rigoruż fuq iż-żona madwar Tikal, estiża saħansitra sat-territorju madwar il-Lag ta' Petén Itzá. Dan iż-żewġ mexxejja kienu responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-arkitettura impressjonanti viżibbli llum il-ġurnata.[64]

Fis-738, Quiriguá, li kienet vassall ta' Copán, l-alleat ewlieni ta' Tikal fin-Nofsinhar, qalbet l-alleanza tagħha favur Calakmul, rebħet kontra Copán u kisbet l-indipendenza tagħha stess. Milli jidher dan kien sforz konxju min-naħa ta' Calakmul sabiex twassal għall-qerda tal-alleati ta' Tikal fin-Nofsinhar.[65] Dan biddel il-bilanċ fil-poter taż-żona tan-Nofsinhar tal-Maja u wassal għal deklin rapidu ta' Copán.[66]

Fis-seklu 8, il-mexxejja ta' Tikal ġabru xi monumenti mill-belt u tellgħuhom quddiem l-Akropoli tat-Tramuntana. Sal-aħħar tas-seklu 8 u l-bidu tas-seklu 9, l-attività f'Tikal majnat. Xorta waħda nbniet arkitettura impressjonanti iżda ftit kitbiet ġeroglifiċi jirreferi għall-mexxejja li ġew wara.[67]

Klassika Terminali

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta tal-qalba ta' Tikal min-Nofsinhar, bit-Tempju I fin-nofs, l-Akropolit tat-Tramuntana fuq ix-xellug u l-Akropoli Ċentrali fuq il-lemin.

Sas-seklu 9, il-kriżi tal-waqgħa tal-Maja tal-perjodu Klassiku kienet qed taħkem ir-reġjun kollu, il-popolazzjonijiet bdew jonqsu drastikament, u belt wara l-oħra bdiet tispiċċa fix-xejn.[68] Kulma jmur, gwerer endemiċi fir-reġjun tal-Maja wasslu biex il-popolazzjoni ta' Tikal tkun ikkonċentrata b'mod massiċċ qrib il-belt stess, u b'hekk ġie aċċellerat l-użu tal-agrikoltura intensiva li kkontribwixxa għad-deklin ambjentali korrispondenti.[69] Il-kostruzzjoni kompliet fil-bidu tas-seklu, bil-bini tat-Tempju 3, l-aħħar tal-piramidi maġġuri tal-belt, kif ukoll il-bini ta' monumenti li mmarkaw il-waslu tad-19-il K'atun fit-810.[70] Il-bidu tal-għaxar Bak'tun fit-830 sar bla ċelebrazzjonijiet, u jimmarka l-bidu ta' pawża ta' 60 sena fil-kontinwità tal-attività f'Tikal, li probabbilment irriżultat mill-kollass tal-kontrol ċentrali fil-belt. Matul din il-pawża, siti anċillari li tradizzjonalment kienu taħt il-kontroll ta' Tikal bdew jibnu l-monumenti tagħhom stess biex jiċċelebraw lill-mexxejja lokali u xorta waħda użaw il-glifiċi emblematiċi ta' Mutal.[71] Kulma jmur Tikal milli jidher ma kellhiex iktar l-awtorità jew il-poter biex twaqqaf ħesrem dawn it-tentattivi ta' indipendenza. Fit-849, Jewel K'awiil jissemma fuq stele f'Seibal u jingħad li żar il-belt bħala s-Sinjur Divin ta' Tikal għalkemm ma ġie rreġistrat imkien iktar u l-poter li xi darba kellha Tikal kien kważi spiċċa fix-xejn. Sa dak iż-żmien is-siti ta' Ixlu u Jimbal kienu wirtu l-glifiċi emblematiċi ta' Mutal li fl-imgħoddi kien esklużivi.[72]

L-arkeologu Edwin M. Shook, direttur fuq il-post tal-Proġett ta' Tikal; Shook kien strumentali wkoll biex jiġi stabbilit l-ewwel Park Nazzjonali tal-Gwatemala f'Tikal.

Meta Tikal u l-periferija tagħha laħqu l-ogħla popolazzjoni, iż-żona batiet minħabba d-deforestazzjoni, l-erożjoni u t-telf tan-nutrijenti, li ġew segwiti minn deklin rapidu fil-livelli tal-popolazzjoni. Analiżi reċenti tindika wkoll li l-għejun tal-ilma ħelu tal-belt saru kkontaminati ferm bil-merkurju, bil-fosfati u biċ-ċjanobatterji, u dan wassal biex jakkumulaw it-tossini.[73] Tikal u l-inħawi tal-madwar milli jidher tilfu l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tagħhom bejn it-830 u d-950, u magħha l-awtorità ċentrali wkoll. Ma tantx hemm evidenza minn Tikal li l-belt kienet affettwata direttament minn xi gwerer endemiċi li affettwaw partijiet mir-reġjun tal-Maja matul il-perjodu Klassiku Terminali, għalkemm influss ta' refuġjati mir-reġjun ta' Petexbatún jaf żied il-problemi li rriżultaw mir-riżorsi ambjentali li diġà kienu minimi.[74]

Fl-aħħar nofs tas-seklu 9 kien hemm tentattiv biex il-poter irjali fil-belt imċekkna ferm ta' Tikal jerġa' jingħata l-ħajja, kif joħroġ fid-dieher minn stele li ttellgħet fil-Pjazza l-Kbira minn Jasaw Chan K'awiil II fit-869. Dan kien l-aħħar monument li nbena jew li ttella' f'Tikal qabel ma l-belt sfat fix-xejn. L-eks siti anċillari ta' Tikal, bħal Jimbal u Uaxactun, ma tantx damu wisq iktar, u tellgħu l-aħħar monumenti tagħhom fit-889. Sal-aħħar tas-seklu 9, il-maġġoranza l-kbira tal-popolazzjoni ta' Tikal telqet mill-belt, il-palazzi rjali tagħha ġew okkupati b'mod abbużiv u bdew jinbnew abitazzjonijiet sempliċi bil-ħuxlief fil-pjazez ċerimonjali tal-belt. Dawk li kienu qed jokkupaw il-binjiet b'mod abbużiv imblukkaw xi daħliet fil-kmamar li kienu qed jokkupaw fl-istrutturi monumentali tas-sit u ħallew bosta skart, li kien jinkludi taħlita ta' skart domestiku u oġġetti mhux utilitarji bħal strumenti mużikali. Dawn l-abitanti reġgħu użaw il-monumenti bikrin għall-attivitajiet ritwali tagħhom stess, ferm differenti minn dawk tad-dinastija rjali li kienet bniethom. Xi monumenti ġew ivvandalizzati u wħud tressqu f'postijiet ġodda. Qabel l-abbandun finali tas-sit, kull rispett għall-mexxejja antiki kien għeb, u l-oqbra tal-Akropoli tat-Tramuntana ġew esplorati għall-ġada, filwaqt li r-rikkezzi tal-oqbra iktar aċċessibbli ġew misruqa. Wara d-950, Tikal kienet kważi vojta għalkollox, għalkemm jaf kien għad fadal xi popolazzjoni żgħira f'xi għorfiet qalb il-fdalijiet. Anke dawn l-abitanti finali abbandunaw il-belt fis-sekli 10 u 11 u l-foresta tropikali għattiet il-fdalijiet għall-elf sena ta' wara. Ftit mill-popolazzjoni ta' Tikal jaf marret tgħix fir-reġjun tal-Lagi ta' Peten, li baqgħu b'popolazzjoni kbira minkejja t-tnaqqis fil-livelli tal-popolazzjoni fl-ewwel nofs tas-seklu 9.[74]

L-iżjed kawża probabbli tal-waqgħa ta' Tikal hija l-popolazzjoni eċċessiva u l-falliment agrarju. Il-waqgħa ta' Tikal kienet daqqa ta' ħarta għall-qalba taċ-ċivilizzazzjoni tal-Maja Klassika, peress li l-belt kienet minn ta' quddiem fil-ħajja tal-qorti, fl-arti u fl-arkitettura għal iżjed minn elf sena, b'dinastija mexxejja antika.[75] Madankollu, riċerka ġdida rigward elementi paleoambjentali mis-sistema ta' ġibjuni ta' Tikal tissuġġerixxi li nixfa meteoroloġika jaf wasslet għall-abbandun ta' Tikal[76], minħabba l-kontaminazzjoni ta' xi ġibjuni qrib it-tempju u l-palazz bl-algi, filwaqt li l-ilma minn ġibjuni oħra baqa' tajjeb għax-xorb. Il-binjiet ġew impittra biċ-ċinabru b'kontenut tal-merkurju, li jaf inġarr mal-ilma tax-xita u niġġes xi ġibjuni. Ix-xogħlijiet ta' Kohler u kollegi tiegħu wrew li din il-belt kienet laħqet livell mhux sostenibbli ta' inugwaljanzi lejn l-aħħar tagħha.[77][78][79]

Wieħed mir-ritratti ta' Tikal ta' Maudsley tal-1882, li ttieħed wara t-tneħħija tal-veġetazzjoni.

Fl-1525, il-konkwistatur Spanjol Hernán Cortés għadda ftit kilometri 'l bogħod mill-fdalijiet ta' Tikal iżda ma semmihomx fl-ittri tiegħu.[80] Wara li l-patri Spanjol Andrés de Avendaño ntilef fil-foresti ta' Petén fil-bidu tal-1696, huwa ddeskriva fdal li jaf kien dak ta' Tikal.[81]

Bħalma sikwit jiġri fil-każ ta' fdalijiet antiki kbar, l-għarfien dwar is-sit qatt ma jkun intilef għalkollox fir-reġjun. Milli jidher il-poplu lokali qatt ma nesa l-belt ta' Tikal u ggwidaw spedizzjonijiet tal-Gwatemala lejn il-fdalijiet fis-snin 50 tas-seklu 19. Xi rakkonti ta' rakkonti (jew saħansitra ta' rakkonti oħra) dwar Tikal ġew stampati mill-bidu tas-seklu 17, u komplew permezz tal-kitbiet ta' John Lloyd Stephens fil-bidu tas-seklu 19 (Stephens u l-illustratur Frederick Catherwood semgħu xnigħat ta' belt mitlufa, bil-qċaċet ta' binjiet bojod ħerġin mill-kanopew tal-ġungla, matul il-vjaġġi tagħhom fir-reġjun fl-1839-1840). Madankollu, minħabba kemm kien remot is-sit mill-bliet moderni, l-ebda esploratur ma żar Tikal qabel Modesto Méndez u Ambrosio Tut fl-1848, rispettivament il-kummissarju u l-gvernatur ta' Petén. L-artist Eusebio Lara akkumpanjahom u r-rakkont tagħhom ġie ppubblikat fil-Ġermanja fl-1853. Saru diversi spedizzjonijiet oħra li komplew jinvestigaw, jimmappjaw u jieħdu ritratti ta' Tikal fis-seklu 19 (inkluż dik ta' Alfred P. Maudslay fl-1881-1882) u fil-bidu tas-seklu 20. Xi arkeologi pijunieri bdew jnaddfu, jimmappjaw u jirreġistraw il-fdalijiet fis-snin 80 tas-seklu 19.[82]

Tpinġija ta' Tikal li saret minn Eusebio Lara, viżitatur ta' nofs is-seklu 19.

Fl-1951 inbena mitjar żgħir fil-fdalijiet, li qabel setgħu jintlaħqu biss wara diversi jiem ta' vjaġġar bil-mixi jew bil-ħmar minn ġol-ġungla. Fl-1956 il-Proġett ta' Tikal beda jimmappja l-belt fuq skala li qabel ma kinitx prevista fir-reġjun tal-Maja.[83] Mill-1956 sal-1970 twettqu skavi arkeoloġiċi maġġuri mill-Proġett ta' Tikal tal-Università ta' Pennsylvania.[84] Dawn immappjaw il-biċċa l-kbira tas-sit u rrestawrar ħafna mill-istrutturi. Skavi mmexxija minn Edwin M. Shook u wara minn William Coe fl-università investigaw l-Akropoli tat-Tramuntana u l-Pjazza Ċentrali mill-1957 sal-1969.[85] Il-Proġett ta' Tikal irreġistra iżjed minn 200 monument fis-sit. Fl-1979, il-gvern tal-Gwatemala beda proġett arkeoloġiku ieħor f'Tikal li baqa' għaddej sal-1984.

Ir-reġista George Lucas uża lil Tikal biex jiġbed il-qamar fittizju Yavin 4 fl-ewwel film ta' Star Wars, l-Episodju IV: A New Hope, li nħareġ fl-1977.[86][87]

It-Tempju I ta' Tikal deher fuq in-naħa ta' wara tal-karta tal-flus ta' 50 centavo.[88]

Eon Productions użaw is-sit għall-ġbid tal-film ta' James Bond Moonraker.[89]

Is-sit ta' Tikal issa sar attrazzjoni turistika kbira mdawwar bil-park nazzjonali tiegħu stess. F'Tikal inbena mużew li tlesta fl-1964.[90]

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Adams, Richard E.W. (2000). "Introduction to a Survey of the Native Prehistoric Cultures of Mesoamerica". In Richard E.W. Adams; Murdo J. Macleod (eds.). The Cambridge History of the Native Peoples of the Americas. Vol. II: Mesoamerica, part 1. Cambridge, UK: Cambridge University Press. pp. 1–44. ISBN 978-0-521-35165-2. OCLC 33359444.
  • Andrews, E. Wyllys; William L. Fash (2005). "Issues in Copán Archaeology". In E. Wyllys Andrews; William L. Fash (eds.). Copán: The History of an Ancient Maya Kingdom. Santa Fe and Oxford: School of American Research Press and James Currey Ltd. pp. 395–425. ISBN 978-0-85255-981-9. OCLC 56194789.
  • Banco de Guatemala. "Monedas" (in Spanish). Banco de Guatemala. Retrieved 13 November 2009.
  • Berlin, Heinrich (April 1967). "The Destruction of Structure 5D-33-1st at Tikal". American Antiquity. 32 (2): 241–242. doi:10.2307/277915. ISSN 0002-7316. JSTOR 277915. OCLC 754651089. S2CID 163207109.
  • Coe, Michael D. (1999). The Maya. Ancient peoples and places series (6th, fully revised and expanded ed.). London and New York: Thames & Hudson. ISBN 978-0-500-28066-9. OCLC 59432778.
  • Coe, William R. (1988) [1967]. Tikal: Guía de las Antiguas Ruinas Mayas (in Spanish). Guatemala: Piedra Santa. ISBN 978-84-8377-246-1.
  • Drew, David (1999). The Lost Chronicles of the Mayan Kings. Los Angeles: University of California Press.
  • Fash, William L.; Ricardo Agurcia Fasquelle (2005). "Contributions and Controversies in the Archaeology and History of Copán". In E. Wyllys Andrews; William L. Fash (eds.). Copán: The History of an Ancient Maya Kingdom. Santa Fe and Oxford: School of American Research Press and James Currey Ltd. pp. 3–32. ISBN 978-0-85255-981-9. OCLC 56194789.
  • Gill, Richardson B. (2000). The Great Maya Droughts: Water, Life, and Death. Albuquerque: University of New Mexico Press. ISBN 978-0-8263-2194-7. OCLC 43567384.
  • Hammond, Norman (2000). "The Maya Lowlands: Pioneer Farmers to Merchant Princes". In Richard E.W. Adams; Murdo J. Macleod (eds.). The Cambridge History of the Native Peoples of the Americas. Vol. II: Mesoamerica, part 1. Cambridge, UK: Cambridge University Press. pp. 197–249. ISBN 978-0-521-35165-2. OCLC 33359444.
  • Harrison, Peter D. (2006). "Maya Architecture at Tikal". In Nikolai Grube (ed.). Maya: Divine Kings of the Rain Forest. Eva Eggebrecht and Matthias Seidel (assistant eds.). Köln: Könemann. pp. 218–231. ISBN 978-3-8331-1957-6. OCLC 71165439.
  • Hidinger, Lori A. (1996). "Measuring the Impacts of Ecotourism on Animal Populations: A Case Study of Tikal National Park, Guatemala" (PDF). Yale Forestry & Environment Bulletin. 99 (1): 45–59.
  • Jones, Grant D. (1998). The Conquest of the Last Maya Kingdom. Stanford, California, USA: Stanford University Press. ISBN 9780804735223. OCLC 38747674.
  • Kelly, Joyce (1996). An Archaeological Guide to Northern Central America: Belize, Guatemala, Honduras, and El Salvador. Norman: University of Oklahoma Press. ISBN 978-0-8061-2858-0. OCLC 34658843.
  • Kerr, Justin (n.d.). "A Precolumbian Portfolio" (online database). FAMSI Research Materials. Foundation for the Advancement of Mesoamerican Studies, Inc. Retrieved 13 June 2007.
  • Looper, Matthew G. (1999). "New Perspectives on the Late Classic Political History of Quirigua, Guatemala". Ancient Mesoamerica. 10 (2): 263–280. doi:10.1017/S0956536199101135. ISSN 0956-5361. OCLC 86542758. S2CID 161977572.
  • Looper, Matthew G. (2003). Lightning Warrior: Maya Art and Kingship at Quirigua. Linda Schele series in Maya and pre-Columbian studies. Austin: University of Texas Press. ISBN 978-0-292-70556-2. OCLC 52208614.
  • Martin, Simon; Nikolai Grube (2000). Chronicle of the Maya Kings and Queens: Deciphering the Dynasties of the Ancient Maya. London and New York: Thames & Hudson. ISBN 978-0-500-05103-0. OCLC 47358325.
  • Martin, Simon; Nikolai Grube (2008). Chronicle of the Maya Kings and Queens: Deciphering the Dynasties of the Ancient Maya (2nd revised ed.). London and New York: Thames & Hudson. ISBN 978-0-500-28726-2. OCLC 191753193.
  • Martínez, Horacio; David Webster; Jay Silverstein; Timothy Murtha; Kirk Straight; Irinna Montepeque (2004). J.P. Laporte; B. Arroyo; H. Escobedo; H. Mejía (eds.). "Reconocimiento en la periferia de Tikal: Los Terraplenes Norte, Oeste y Este, nuevas exploraciones y perspectivas" (PDF). XVII Simposio de Investigaciones Arqueológicas en Guatemala, 2003 (in Spanish). Museo Nacional de Arqueología y Etnología, Guatemala. pp. 635–641. Archived from the original (PDF) on 14 September 2011. Retrieved 24 June 2009.
  • Means, Philip Ainsworth (1917). History of the Spanish Conquest of Yucatan and of the Itzas . Papers of the Peabody Museum of American Archaeology and Ethnology, Harvard University. Vol. VII. Cambridge, Massachusetts, USA: Peabody Museum of Archaeology and Ethnology. OCLC 681599.
  • Miller, Mary Ellen (1999). Maya Art and Architecture. London and New York: Thames & Hudson. ISBN 978-0-500-20327-9. OCLC 41659173.
  • Miller, Mary; Karl Taube (1993). The Gods and Symbols of Ancient Mexico and the Maya: An Illustrated Dictionary of Mesoamerican Religion. London: Thames & Hudson. ISBN 978-0-500-05068-2. OCLC 27667317.
  • Morales, Tirso; Benito Burgos; Miguel Acosta; Sergio Pinelo; Marco Tulio Castellanos; Leopoldo González; Francisco Castañeda; Edy Barrios; Rudy Larios; et al. (2008). J.P. Laporte; B. Arroyo; H. Mejía (eds.). "Trabajos realizados por la Unidad de Arqueología del Parque Nacional Tikal, 2006-2007" (PDF). XXI Simposio de Arqueología en Guatemala, 2007 (in Spanish): 413–436. Archived from the original (PDF) on 14 September 2011. Retrieved 21 June 2011.
  • Puleston, Dennis E.; Donald W. Callender, Jr. (1967). "Defensive Earthworks at Tikal". Expedition. University of Pennsylvania. 9 (3): 40–48. ISSN 0014-4738. OCLC 1568625.
  • Salisbury, David; Mimi Koumenalis; Barbara Moffett (19 September 2002). "Newly revealed hieroglyphs tell story of superpower conflict in the Maya world" (PDF). Exploration: The Online Research Journal of Vanderbilt University. OCLC 50324967. Archived from the original (PDF online publication) on 2 November 2014. Retrieved 22 September 2009.
  • Schele, Linda; Peter Mathews (1999). The Code of Kings: The language of seven Maya temples and tombs. New York: Simon & Schuster. ISBN 978-0-684-85209-6. OCLC 41423034.
  • Sharer, Robert J.; Loa P. Traxler (2006). The Ancient Maya (6th, fully revised ed.). Stanford, CA: Stanford University Press. ISBN 978-0-8047-4817-9. OCLC 57577446.
  • Silverstein, Jay; David Webster; Horacio Martinez; Alvaro Soto (2009). Rethinking the Earthworks of Tikal: A Hydraulic Hypothesis for the Classic Maya Polity. Ancient Mesoamerican 20(1), Cambridge Journals.
  • StarWars.com. "Star Wars: Episode IV A New Hope". Lucasfilm. Archived from the original on 29 December 2009. Retrieved 13 November 2009.
  • Torres, Estuardo. "Parque Nacional Tikal" (in Spanish). Ministerio de Cultura y Deportes. Archived from the original on 18 December 2009. Retrieved 30 July 2014.
  • UNESCO World Heritage Center. "Tikal National Park". UNESCO World Heritage Center. Retrieved 13 November 2009.
  • Valdés, Juan Antonio; Fahsen, Federico (2005). "Disaster in Sight: The Terminal Classic at Tikal and Uaxactun". In Arthur A. Demarest; Prudence M. Rice; Don S. Rice (eds.). The Terminal Classic in the Maya lowlands: Collapse, transition, and transformation. Boulder: University Press of Colorado. pp. 162–194. ISBN 978-0-87081-822-6. OCLC 61719499.
  • Webster, David L. (2002). The Fall of the Ancient Maya: Solving the Mystery of the Maya Collapse. London: Thames & Hudson. ISBN 978-0-500-05113-9. OCLC 48753878.
  1. Tokovinine, Alexandre (2008). "Lords of Tikal: Narratives and Identities". Peabody Museum of Archaeology and Ethnology. Harvard University: 4.
  2. "CyArk". CyArk. Miġbur 2022-08-14.
  3. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Tikal National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-14.
  4. Sharer & Traxler 2006, p. 1. Hammond 2000, p. 233.
  5. Martin & Grube 2008, pp. 29-32.
  6. Adams 2000, p. 34.
  7. Martin & Grube 2000, p. 30.
  8. Drew 1999, p. 136.
  9. Schele & Mathews 1999, p. 64.
  10. Sharer & Traxler 2006, p. 1.
  11. Kelly 1996, pp. 111-112.
  12. Webster 2002, p. 118.
  13. Webster 2002, p. 118.
  14. Coe 1999, p. 104.
  15. Drew 1999, p. 185.
  16. Kelly 1996, p. 140.
  17. Kelly 1996, p. 140.
  18. Coe 1967, pp. 9-10. Hidinger 1996, p. 52.
  19. Coe 1999, p. 124.
  20. Webster 2002, p. 239.
  21. Webster 2002, p. 264.
  22. Webster 2002, p. 262.
  23. Coe 1999, p. 55.
  24. Coe 1999, p. 55.
  25. Coe 1999, pp. 73, 80.
  26. Coe 1999, p. 75.
  27. Coe 1999, p. 78.
  28. Coe 1999, p. 90.
  29. Miller 1999, pp. 88-89.
  30. Webster 2002, p. 191.
  31. Sharer 1994, p. 265.
  32. Kelly 1996, p. 129.
  33. Martin & Grube 2000, p. 27.
  34. The Origins & Collapse of the Preclassic Maya in the Mirador Basin - Richard Hansen at The Library of Congress (2014)
  35. Webster 2002, p. 192.
  36. Drew 1999, p. 199.
  37. Coe 1999, pp. 90-91.
  38. Webster 2002, p. 133.
  39. Drew 1999, p. 201.
  40. 1 2 Drew 1999, p. 200.
  41. Coe 1999, p. 97.
  42. Drew 1999, pp. 201-202.
  43. Silverstein 2009.
  44. Wyllys Andrews & Fash 2005, p. 407.
  45. Fash & Agurcia Fasquelle 2005, p. 26.
  46. Looper 2003, p. 37.
  47. Looper 2003, p. 38.
  48. Looper 1999, p. 263.
  49. Webster 2002, pp. 168-169.
  50. Martin & Grube 2000, pp. 38-39.
  51. Miller 1999, p. 89.
  52. Coe 1999, p. 94.
  53. Historical Dictionary of Mesoamerica by Walter Robert Thurmond Witschey and Clifford T. Brown, p. 313.
  54. Webster 2002, pp. 192-193.
  55. Webster 2002, p. 193.
  56. 1 2 Webster 2002, p. 194.
  57. Miller u Taube 1993, p. 20.
  58. Salisbury et al. 2002, p. 1.
  59. Salisbury et al. 2002, pp. 2-3.
  60. Salisbury et al. 2002, p. 2.
  61. Webster 2002, p. 276.
  62. Hammond 2000, p. 220.
  63. Miller 1999, p. 105.
  64. Webster 2002, p. 263.
  65. Looper 2003, p. 79.
  66. Wyllys Andrews & Fash 2005, p. 408.
  67. Miller 1999, p. 33.
  68. Martin & Grube 2000, pp. 52-53.
  69. Webster 2002, p. 340.
  70. Martin & Grube 2000, p. 52.
  71. Martin & Grube 2000, p. 53.
  72. Martin & Grube 2000, p. 53.
  73. Cross, Daniel T. (2020-07-03). "The Mayan city of Tikal succumbed to 'water pollution'" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-15.
  74. 1 2 Webster 2002, p. 273.
  75. Webster 2002, p. 274.
  76. Tamberino, Anthony T. (2013). Ancient Maya Reservoirs and their Role in the Abandonment of Tikal, Guatemala: A Multi-Proxy Investigation of Solid Sediment Cores (Teżi) (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-08-15. Miġbur 2022-08-15.
  77. Lentz, David L.; Hamilton, Trinity L.; Dunning, Nicholas P.; Scarborough, Vernon L.; Luxton, Todd P.; Vonderheide, Anne; Tepe, Eric J.; Perfetta, Cory J.; Brunemann, James; Grazioso, Liwy; Valdez, Fred; Tankersley, Kenneth B.; Weiss, Alison A. (2020). "Molecular genetic and geochemical assays reveal severe contamination of drinking water reservoirs at the ancient Maya city of Tikal". Scientific Reports. 10 (1): 10316.
  78. Miller, Michael; Cincinnati, University of. "Ancient Maya reservoirs contained toxic pollution: study". phys.org (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-15.
  79. Kohler et al. (2017) Greater post-Neolithic wealth disparities in Eurasia than in North America and Mesoamerica. Nature (551) : 619–622.
  80. Webster 2002, pp. 83-84.
  81. Jones 1998, pp. 218-219. Means 1917, p. 167.
  82. Kelly 1996, p. 139.
  83. Adams 2000, p. 19.
  84. Adams 2000, p. 30.
  85. Martin & Grube 2000, p. 43.
  86. Webster 2002, p. 29.
  87. "StarWars.com | The Official Star Wars Website". StarWars.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-15.
  88. "0.50 Quetzal, Guatemala". en.numista.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-15.
  89. Moonraker Special Edition, Region 2 booklet. United Artists. 2000.
  90. Coe 1967, 1988, p. 10.