Tequila (Belt)

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Tequila (Belt)
 Messiku
Amministrazzjoni
Stat sovranMessiku
State of MexicoJalisco
Municipality of MexicoTequila (en) Translate
Isem uffiċjali Tequila
Ismijiet oriġinali Tequila
Kodiċi postali 46400−46404
Ġeografija
Koordinati 20°52′46″N 103°50′08″W / 20.8794394°N 103.8356467°W / 20.8794394; -103.8356467Koordinati: 20°52′46″N 103°50′08″W / 20.8794394°N 103.8356467°W / 20.8794394; -103.8356467
Tequila (Belt) is located in Mexico
Tequila (Belt)
Tequila (Belt)
Tequila (Belt) (Mexico)
Superfiċjenti 8 kilometru kwadru
Għoli 1,201 m
Demografija
Popolazzjoni 31,115 abitanti (2020)
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni It-TlietaambUTCIt-Tlieta
Kodiċi tat-telefon 374
Żona tal-Ħin UTC−6
bliet ġemellati Piscou Jelenia Góra
tequilajalisco.gob.mx

Tequila jew Santiago de Tequila (pronunzja: [teˈkila]; bil-lingwi Nahuatl: Tequillan, Tecuila jiġifieri "post ta' ġieħ") hija belt u muniċipalità Messikana fl-istat ta' Jalisco, u tinsab madwar 60 km mill-belt ta' Guadalajara. Il-belt ta' Tequila hija magħrufa l-iktar bħala l-post fejn twieldet ix-xarba tat-"tequila", li ssir mill-pjanta tal-agave l-blu li tikber fl-inħawi. Il-qalba tal-pjanta fiha z-zokkor u ilha tintuża min-nies tal-lokalità biex tiġi prodotta xarba ffermentata. Wara l-wasla tagħhom, l-Ispanjoli ffermentaw din ix-xarba u ddistillawha, u b'hekk ipproduċew ix-xarba tat-tequila kif inhi magħrufa llum il-ġurnata. Il-popolarità tax-xarba u l-istorja warajha wasslu biex il-belt u l-inħawi tal-madwar isiru Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1][2] Il-gvern federali Messikan elenka lil Tequila bħala "Pueblo Mágico" (Raħal Maġiku) fl-2003.[3]

L-istemma tal-muniċipalità ġiet adottata uffiċjalment fil-31 ta' Diċembru 1983 mill-kunsill muniċipali. Fiha hemm il-frażi bil-Latin ALMA LAETA NOBILIS, li tfisser "ruħ ferrieħija u nobbli". Is-simboli rappreżentattivi jinkludu t-torri tal-knisja prinċipali ta' Tequila, iċ-ċmieni tad-distilleriji, il-pjanta tal-agave u l-Vulkan ta' Tequila.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel popli li għexu f'din iż-żona x'aktarx li kienu popli tal-kultura tal-oqbra-xaftijiet ta' matul il-Perjodu Formattiv Nofsani. Sal-Perjodu Formattiv Aħħari u Klassiku, it-tradizzjoni ta' Teuchitlan daħlet fir-reġjun. Diversi kumplessi ta' guachimonton inbnew fil-qrib bħal Huitzilapa fil-Punent u Amatitan fil-Lvant. Fil-Perjodu Epiklassiku waslu popli mir-reġjun ta' Bajio matul perjodu ta' nixfa kbira u magħhom ġabu bosta karatteristiċi tal-Messiku Ċentrali. Sal-Perjodu Postklassiku fir-reġjun kien hemm varjetà ta' identitajiet etniċi, fosthom Caxcan, Cora u Huichol. L-insedjament pre-Ispaniku maġġuri ma kienx jinsab fejn hemm il-belt moderna ta' Tequila, iżda iktar f'post imsejjaħ Teochtinchán. Wara l-Konkwista Spanjola tal-Imperu tal-Azteki, l-Ispanjoli marru lejn il-Punent u dan ir-reġjun sar parti min-Nueva Galicia matul il-perjodu kolonjali. Ir-reżistenza inizjali għad-dominju Spanjol ma tantx damet wisq. In-nies lokali ffortifikaw il-belt tagħhom, iżda fl-aħħar mill-aħħar iddeċidew li jarrendu b'mod paċifiku.

Il-villaġġ ta' Santiago de Tequila ġie stabbilit fl-1530 mill-patrijiet Franġiskani, li ttrasferew ħafna min-nies lokali hawnhekk mill-Muntanja ta' Chiquihuitillo (issa magħrufa bħala l-Vulkan ta' Tequila). Fl-1541, il-popli indiġeni f'diversi partijiet tan-Nueva Galicia rvellaw kontra t-tmexxija Spanjola. Lokalment, it-Tekoksini u l-Caxcanes fl-irħula ta' Tlaltenango, Xochipila, Nochictlán u Teocaltech kienu l-ewwel li rribellaw, u iktar 'il quddiem ingħaqdu magħhom dawk li kienu f'Tequila. Dawn ir-ribelli rsistew fl-inħawi tal-Vulkan ta' Tequila. Il-patri Juan Calero mill-monasteru ta' ħdejn Tequila mar biex jipprova jikkalma s-sitwazzjoni u jġib il-paċi, iżda nqatel bil-vleġeġ u bit-tħaġġir. Ġismu tneżża mill-ħwejjeġ li kien liebes u twaħħal mal-idolu lokali tal-ġebel. Patri ieħor li miet waqt li kien qed jipprova jinnegozja t-tpaċija kien il-patri Antonio de Cuellar mill-monasteru ta' Etzatlan. F'Ottubru 1541, is-sitwazzjoni fin-Nueva Galicia tant kienet waħda serja li l-Viċirè Antonio de Mendoza wasal mill-Belt tal-Messiku. Il-kap tar-ribelli Diego Zacatecas mar biex jiltaqa' mal-Viċirè, iżda minnufih ittieħed bħala priġunier mill-Ispanjoli. Il-prezz għall-ħelsien tiegħu kien it-tmiem tar-ribelljoni u l-konverżjoni tal-kap għall-Kristjaneżmu.

Fl-1600, Pedro Sánchez de Tagle ddeċieda li jibni impjant tad-distillazzjoni fuq skala kbira bbażata fuq xarba ffermentata lokali magħmula mill-pjanta lokali tal-agave. Huwa introduċa wkoll l-idea tal-kultivazzjoni ta' din il-pjanta, li kienet nattiva għar-reġjun, fuq skala kbira.[4]

Fil-bidu tas-seklu 19 kien hemm ribelljoni oħra fl-inħawi ta' Tequila, din id-darba mmexxija minn raġel magħruf biss bħala "l-Maskra tad-Deheb". Din ir-ribelljoni ġiet mgħakksa mill-gvernatur tan-Nueva Galicia, José Fernando de Abascal y Sousa, li sussegwentement ġie promoss għal Viċirè tal-Perù.

Ftit wara faqqgħet il-Gwerra Messikana tal-Indipendenza. Rafael Pérez, fuq l-ordnijiet ta' José María Mercado, wasal f'Tequila b'200 raġel biex jaħtaf il-belt mill-forzi rjalisti. Wara l-Indipendenza, il-belt ta' Tequila saret is-sede ta' wieħed mid-dipartimenti tal-istat il-ġdid ta' Jalisco. Meta dawn id-dipartimenti ġew organizzati mill-ġdid, il-belt ta' Tequila saret is-sede tal-muniċipalità bl-istess isem. Fl-1874, il-belt ta' Tequila ngħatat l-istatus uffiċjali ta' belt. Dan sar b'rikonoxximent ta' avveniment li seħħ fl-1873, meta Sixto Gorjón, madwar 50 pulizija u ċ-ċittadini ta' Tequila rreżistew grupp ta' banditi mmexxija minn Manuel Lozada, li kien magħruf bħala t-"Tigra ta' Alicia".[5]

Belt[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Knisja ta' Ġakbu l-Appostlu, il-knisja prinċipali.

Il-belt ta' Tequila għandha popolazzjoni ta' 26,809 ruħ, jiġifieri madwar 73 % tal-abitanti tal-muniċipalità. Fiha hemm il-knisja parrokkjali prinċipali ddedikata lill-Madonna tal-Kunċizzjoni Purissima, li nbniet fis-seklu 18 minn Martín Casillas. Il-knisja għandha faċċata tal-ġebel, kampnar u pilastri b'għamla ta' piramidi maqtugħa invertiti (estipiti) mal-koxox tal-portal prinċipali. Il-portal fih żewġ sulari u kuruna. L-ewwel sular fih il-ħnejja tal-bieb prinċipali b'forma u b'siġill u huwa mirfud b'żewġ kolonni Doriċi. Is-sular ta' fuq fih tieqa b'forma bil-kolonni Doriċi fuq kull naħa, imżejna bil-kurvaturi u bil-motivi veġetali. Il-kuruna fuq nett fiha skultura tal-Arkanġlu Mikiel f'niċċa b'kolonni Doriċi fuq kull naħa wkoll. Il-portal laterali għandu daħla bl-arkata, b'kolonni Toskani u gwarniċ, kif ukoll riljiev ta' salib lejn nofsu. Fuq ġewwa hemm navata waħda u artal prinċipali Neoklassiku. Barra minn hekk fuq ġewwa hemm ukoll statwa tal-Madonna tal-Kunċizzjoni li tmur lura għall-1865.

Strutturi lajċi notevoli jinkludu l-Quinta Sauza li nbniet fis-snin 30 tas-seklu 19 u d-distillerija ta' La Perserverancia li nbniet fl-1873. Il-Quinta Sauza għandha ġnien kbir fuq barra b'funtani elaborati tal-ġebel. Fl-atriju hemm tinqix b'xeni mill-passjoni ta' Kristu. Il-faċċata tad-dar għandha riljievi ta' pjanti u fiha diversi daħliet. Fuq ġewwa hemm bitħa b'funtana mżejna fiċ-ċentru u hemm daħla għall-kappella fuq wara, li hija mżejna b'motivi ta' pjanti u ta' sriep. F'La Perseverancisa hemm pittura enormi ta' Gabriel Flores tal-1969 li turi l-produzzjoni u x-xorb tat-tequila. Id-distillerija toffri żjarat iggwidati. Din id-distillerija għandha wkoll mużew quddiem il-palazz muniċipali, b'pitturi, ritratti, skulturi u l-makkinarju tad-distillerija ta' La Perservancia għall-wiri, kif ukoll kamra ddedikata għall-artiġjanat reġjonali.

Il-Mużew Nazzjonali tat-Tequila (MUNAT) jinsab fil-belt ta' Tequila fuq art li kienet inxtrat u twarrbet minn Cipriano Rosales fil-bidu tas-seklu 20 għal attivitajiet kulturali u/jew edukattivi. L-Iskola Primarja ta' Eduardo González ġiet stabbilita fl-1933, u din saret skola vokazzjonali fl-1979. Fis-snin 80 tas-seklu 20 din ingħalqet minħabba d-deterjorament tal-binja. Wara mmudellar estensiv mill-ġdid, il-binja reġgħet infetħet bħala l-Casa de Cultura Tequilense (iċ-Ċentru Kulturali ta' Tequila) sas-sena 2000, meta mbagħad ġiet ikkonvertita fil-Mużew Nazzjonali tat-Tequila. Dan huwa l-ewwel mużew fid-dinja ddedikat lil dan il-liker.

Madwar 10 kilometru 'l barra mill-belt ta' Tequila stess hemm is-Santwarju ta' San Toribio Romo González fit-triq li twassal għall-Balneario La Toma, f'komunità msejħa Agua Caliente. Toribio Romo ġie kkanonizzat mill-Papa Ġwanni Pawlu II. Is-Santwarju jinsab fil-post fejn San Toribio nqabad u sparawlu fil-Gwerra ta' Cristero.

Il-Festival Nazzjonali tat-Tequila jsir kull sena mill-aħħar ta' Novembru sa nofs Diċembru. Matul dan l-avveniment, tiġi inkurunata r-Reġina tat-Tequila għal dik is-sena partikolari u d-distilleriji prinċipali tal-inħawi kollha jkunu preżenti b'kampjuni tat-tequila tagħhom. Isiru wkoll avvenimenti ta' charreada u parata bil-karrijiet, bil-ġlied tas-sriedaq, bil-mariachis, u bil-logħob tan-nar. Dan il-festival jaħbat mal-festa tal-qaddisa patruna ta' Tequila, il-Madonna tal-Kunċizzjoni Purissima.

Tradizzjoni pjuttost sorprendenti għal min mhuwiex minn Tequila hija t-tberik billejl tal-belt mill-kappillan tal-belt. Fid-9 ta' filgħaxija kull lejl, il-kappillan jagħti t-tberik tiegħu billi jdoqq il-qniepen tliet darbiet, u jiddirezzjona l-eqdes kurċifiss bis-sagrament lejn l-erba' punti kardinali. F'dak il-mument, kulħadd fil-belt jieqaf jagħmel li kien qed jagħmel, u saħansitra jitfi l-affarijiet moderni bħat-televiżjoni jew ir-radju u jinġabar biex jilqa' t-tberik.

Xorb[immodifika | immodifika s-sors]

L-għelieqi bl-agave blu fl-inħawi ta' Tequila.

Ix-xarba msejħa tequila fil-verità hija varjetà ta' mezcal, magħmula kollha jew il-biċċa l-kbira minnha bil-pjanta tal-agave blu. Din il-pjanta hija nattiva għall-inħawi ta' Tequila u b'hekk din il-verżjoni tal-mezcal ingħatat isem il-belt. L-użu tal-pjanta tal-agave jmur lura saħansitra għall-perjodu pre-Ispaniku. Il-"piña" (litteralment l-ananas) jew il-qalba tal-pjanta kienet tintuża mill-popli indiġeni u kienet tissajjar bħala ħelu, kif ukoll bħala l-bażi għal xarba alkoħolika ffermentata. Din ix-xarba kienet tissejjaħ mezcal mill-popli nattivi u kienet tixbah il-pulque tal-lum il-ġurnata. Mal-wasla tal-Ispanjoli, in-nattivi kienu diġà qed jikkultivaw il-pjanta. L-Ispanjoli għall-ewwel kienu qed jikkunsidraw li jieħdu din il-pjanta magħhom lejn Spanja iżda ddeċidew li jiżviluppaw lilha u l-prodott ewlieni tagħha fil-Messiku.

L-Ispanjoli introduċew id-distillazzjoni biex mill-mezcal iffermentat nattiv jipproduċu t-tequila. L-ewwel distillerija fuq skala kbira nħolqot fl-1600 u matul il-perjodu kolonjali d-domanda għax-xarba wasslet f'uħud mill-eqdem impriżi li għadhom joperaw f'dawn l-inħawi, fosthom: "La Rojeña", li ġiet stabbilita fl-1795; "El Tigre" (issa La Constancia) li ġiet stabbilita fl-1823; Destiladora de Occidente (issa "Tequila D’Reyes") li ġiet stabbilita fl-1840; La Perseverancia (issa Tequila Sauza) li ġiet stabbilita fl-1873; El Llano (issa Tequila Azteca) li ġiet stabbilita fl-1876; u La Mexicana (issa Tequila Orendain) li ġiet stabbilita fl-1879.[5]

Fl-1873, l-"inbid Mezcal" (isem antik li kien jintuża meta kienet issir referenza għax-xarba tat-tequila) mir-reġjun ta' Jalisco ġie uffiċjalment imsejjaħ "Tequila", sabiex jiġi distint mill-ispirti tal-Mezcal prodotti fin-Nofsinhar tal-Messiku, bħal dawk prodotti f'Oaxaca.

Btieti tat-tequila għall-wiri fil-Mużew Nazzjonali tat-Tequila.

L-isem "tequila" ġie protett mill-gvern Messikan mill-1974, u l-użu tiegħu huwa limitat għall-prodotti distillati mill-agave mkabbra f'ċerti reġjuni tal-Messiku. Dawn ir-reġjuni jinsabu fl-istati ta' Jalisco, Michoacán, Nayarit u Guanajuato, u f'partijiet mill-Istat ta' Tamaulipas. L-artijiet f'Tamaulipas żdiedu wara peress li kibret il-ħtieġa li jiġu kkultivati l-pjanti tal-agave blu, u dawn l-artijiet u l-agave mkabbra fihom ġew iċċertifikati mill-gvern Messikan għall-kwalità tagħhom. L-isem huwa limitat ukoll għal ħmistax-il faċilità tal-produzzjoni, fosthom Tequila Sauza, Tequila Orendaín u Jorge Salles Cuervo.

Diversi distilleriji antiki fl-inħawi jipproduċu bejn 500 u 1,000 litru kuljum iżda dan mhux biżżejjed biex tiġi ssodisfata d-domanda internazzjonali għall-prodott li żdiedet ferm mis-snin 80 tas-seklu 20 'l hawn. Il-belt u l-inħawi tal-madwar jattiraw eluf ta' viżitaturi kull sena biex jaraw l-għelieqi, id-distilleriji, il-Mużew Nazzjonali tat-Tequila, il-Barraca de Tequila u biex jikrbu t-Tequila Express, li hija ferrovija li topera minn Guadalajara sa Tequila. Il-ferrovija għandha erba' vaguni u tesa' massimu ta' 68 ruħ u normalment wieħed irid jixtri l-biljetti għaliha mill-inqas minn xi xahar qabel.[6]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-plakka tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Tequila.

L-istorja u l-kultura tal-produzzjoni tat-tequila wasslu biex il-belt ta' Tequila u l-għelieqi enormi tal-agave madwar il-belt jitniżżlu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Is-sit jinkludi 35,019-il ettaru bejn l-għoljiet ta' taħt il-Vulkan ta' Tequila u l-wied tar-Rio Grande de Santiago, li huma miksija bil-pjanti tal-agave blu. Għal iktar minn 2,000 sena, din il-pjanta ntużat għall-produzzjoni tax-xarbiet iffermentati u tad-drapp, u mis-seklu 16 intużat għall-produzzjoni tal-liker distillat imsejjaħ tequila. Kemm ix-xarba kif ukoll il-kultura assoċjata mal-produzzjoni tagħha ġew assorbiti fl-identità Messikana. Fi ħdan l-għelieqi ta' dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO hemm il-bliet u l-irħula ta' Tequila, Arenal, Amatitan u Teuchitlán fejn hemm diversi faċilitajiet kbar tal-produzzjoni tat-tequila.[1]

Dan is-sit fih inventarju ta' għelieqi, distilleriji u fabbriki (attivi u mhux attivi), kif ukoll "tabernas" (faċilitajiet illegali tal-produzzjoni tat-tequila matul il-perjodu kolonjali), il-bliet u l-irħula, u s-siti arkeoloġiċi ta' Teuchitlán. Ħafna mill-faċilitajiet tal-produzzjoni tat-tequila jinsabu f'haciendas kbar li jmorru lura saħansitra sas-seklu 18. Il-biċċa l-kbira tad-distilleriji u tal-haciendas huma magħmula bil-brikks u bit-tajn, b'ħitan tal-istukko b'passata tkaħħil okra tal-ġebla tal-ġir, ħnejjiet tal-ġebel, kantunieri tal-ġebel u gwarniċi tat-twieqi. Il-biċċa l-kbira minnhom huma mżejna b'tiżjin Neoklassiku jew Barokk. Il-produzzjoni tat-tequila tirrappreżenta l-fużjoni tat-tradizzjoni pre-Ispanika tal-produzzjoni tal-alkoħol bl-agave mat-tekniki Ewropej tad-distillazzjoni. Is-sit arkeoloġiku ta' Teuchitlán huwa ta' wieħed mill-ewwel kulturi b'soċjetà agrikola.

Il-Pajsaġġ tal-Agave u l-Faċilitajiet Industrijali Antiki ta' Tequila ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]

Turiżmu[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-Rotta tat-Tequila bħala destinazzjoni turistika nħolqot fl-2006. Flimkien mat-Tequila Express, dawn inħolqu bl-għan li t-turiżmu jiġi promoss f'Tequila u fil-muniċipalitajiet ġirien ta' El Arenal, Amatitán, Magdalena u Teuchitlan, li fihom ukoll faċilitajiet importanti tal-produzzjoni tat-tequila, kif ukoll attrazzjonijiet kulturali u arkeoloġiċi. It-tnejn li huma jgħaddu qalb l-għelieqi enormi tal-agave blu. Ir-Rotta tat-Tequila nħolqot u hija ssorveljata mill-Consejo Regulador del Tequila, li jirregola l-produzzjoni u l-awtentiċità tal-liker li jiġi prodott hemmhekk. Attrazzjonijiet oħra tul ir-rotta jinkludu s-siti arkeoloġiċi, il-vilel antiki u l-minjieri tal-opal u tal-ossidjana. Is-siti arkeoloġiċi primarjament huma ta' kultura magħrufa bħala l-Guachimontones u tinsab fil-muniċipalitajiet ta' Teuchitlan u Magdalena. F'għadd ta' haciendas/distilleriji antiki, il-viżitaturi jiġu mistiedna jippruvaw imiddu jdejhom f'xi aspetti tal-produzzjoni tat-tequila, bħat-tqattigħ tal-friegħi bix-xewk mill-qalba tal-pjanta tal-agave. Il-biċċa l-kbira tal-haciendas għandhom ukoll postijiet apposta biex wieħed ikun jista' jduq it-tequila kif ukoll ristoranti. Tul ir-rotta hemm ukoll il-Vulkan ta' Tequila.[7]

It-Tequila Express hija ferrovija għat-turisti li ilha topera mill-1997. Nhar ta' Sib u nhar ta' Ħadd din il-ferrovija tieħu lill-passiġġieri qalb l-għelieqi u l-pajsaġġ tat-tequila, li jkunu akkumpanjati minn mużika mariachi f'ħin reali u gwidi bilingwi sal-Hacienda San José del Refugio. Żjara ggwidata oħra hija msejħa l-Avventura tat-Tequila, li twassal lin-nies fuq vannijiet lejn id-distilleriji ta' la Cofradía u ta' Mundo Cuervo.

Il-Fiera Nazzjonali Messikana tat-Tequila ssir kull sena mit-30 ta' Novembru sat-12 ta' Diċembru. Fiha jkun hemm parati, charreadas (rodeos Messikani), ġlied tas-sriedaq, serenati bil-mariachis u logħob tan-nar.

Tequila hija famuża wkoll għaliex intużat bħala l-post fejn inġibdet is-sensiela televiżiva Destilando Amor, bil-protagonisti Angélica Rivera u Eduardo Yáñez.

Ġeografija[immodifika | immodifika s-sors]

Tequila hija waħda mill-124 muniċipalità ta' Jalisco, u tinsab kemm kemm fil-Punent taċ-ċentru tal-istat. It-territorju huwa estiż fuq 1,689.11-il kilometru kwadru, b'elevazzjoni li tvarja bejn 700 u 2,900 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. Il-muniċipalità tmiss mar-reġjun metropolitan prinċipali ta' Guadalajara lejn il-Lvant (Zapopan), u mal-Istat ta' Zacatecas lejn it-Tramuntana. Il-muniċipalitajiet ġirien kollha madwar il-Vulkan ta' Tequila jiffurmaw ir-reġjun ikbar ta' Tequila. Dawn jinkludu l-muniċipalitajiet biswit ta' Amatitlán, Magdalena, San Juanito de Escobedo, San Martín de Bolaños, San Cristóbal de la Barranca, Hostotipaquillo u, fin-Nofsinhar tal-Vuljan ta' Tequila: Teuchtilán u Ahualulco de Mercado. Is-suddiviżjoni oriġinali tal-artijiet tar-reġjun ġiet delinjata mill-haciendas tat-tkabbir tal-agave fir-reġjun kollu.

Wara l-indipendenza, l-istat ta' Jalisco oriġinarjament ġie maqsum f'26 dipartiment, u Tequila kienet waħda mis-sedi tad-dipartimenti. Wara li nħolqu l-muniċipalitajiet moderni, il-belt ta' Tequila baqgħet sede tal-muniċipalità ta' Tequila. Din il-muniċipalità fiha 207 komunitajiet u l-iżjed popolati (apparti l-belt ta' Tequila stess) huma El Salvador, San Martín de las Cañas, Santa Teresa u Potrero de la Rivera. Il-popolazzjoni totali tal-muniċipalità tlaħħaq 38,534 ruħ, u 73 % minnhom jgħixu fis-sede muniċipali ta' Tequila.

Il-muniċipalità tinsab fuq art imħarbta bi ftit li xejn spazju ċatt għajr f'xi widien. Ix-xmara Santiago y Chico tikkostitwixxi l-punti bl-iktar elevazzjoni baxxa tal-muniċipalità, b'700 metru, filwaqt li l-ogħla elevazzjoni tinsab fin-Nofsinhar. L-ogħla muntanja hija l-Muntanja jew il-Vulkan ta' Tequila, b'2,900 metru. Dan il-vulkan mhuwiex attiv, u l-aħħar żbroffar seħħ iktar minn 220,000 sena ilu. Il-vulkan jiddomina l-pajsaġġ fiċ-ċentru tal-muniċipalità. Hawnhekk isiru diversi attivitajiet tal-mixi jew tipi oħra ta' ekoturiżmu, iżda l-infrastruttura bħat-toroq, is-sigurtà u s-sinjali huma minimi. Il-parti tal-Lvant tal-muniċipalità hija ddominata mis-Sierra de los Balcones.

Klima[immodifika | immodifika s-sors]

Tequila għandha klima ta' savana tropikali b'xi influwenzi semiaridi. Ikollha staġun tan-nixfa fix-xitwa u fir-rebbiegħa u staġun tax-xita fis-sajf u fil-ħarifa. It-temperaturi ma tantx ivarjaw wisq bejn is-sajf u x-xitwa, b'medja ta' madwar 22.5°C. Fl-ogħla elevazzjonijiet hemm foresti tas-siġar taż-żnuber u tal-ballut, filwaqt li fl-elevazzjonijiet iktar baxxi hemm il-mesquite, in-nopal, u veġetazzjoni oħra. Il-muniċipalità għandha 28,430 ettaru ta' foresti l-iktar bis-siġar taż-żnuber fiż-żona muntanjużi iktar għoljin. Ix-xmajjar ewlenin tal-muniċipalità huma Santiago, El Chico u Bolaños. Barra minn hekk hemm għadd kbir ta' nixxigħat żgħar.

Data klimatika għal Tequila, Jalisco
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord f'°C (°F) 34.0

(93.2)

37.0

(98.6)

40.0

(104.0)

40.0

(104.0)

41.0

(105.8)

45.0

(113.0)

36.5

(97.7)

37.5

(99.5)

35.0

(95.0)

36.0

(96.8)

34.0

(93.2)

34.0

(93.2)

45.0

(113.0)

Temp. għolja medja f'°C (°F) 26.9

(80.4)

28.8

(83.8)

31.6

(88.9)

33.7

(92.7)

35.0

(95.0)

33.9

(93.0)

30.5

(86.9)

30.2

(86.4)

29.9

(85.8)

29.8

(85.6)

28.8

(83.8)

27.2

(81.0)

30.5

(86.9)

Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) 18.4

(65.1)

19.7

(67.5)

21.8

(71.2)

23.9

(75.0)

25.8

(78.4)

26.0

(78.8)

24.1

(75.4)

23.9

(75.0)

23.8

(74.8)

22.8

(73.0)

20.8

(69.4)

18.8

(65.8)

22.5

(72.5)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) 9.9

(49.8)

10.5

(50.9)

12.0

(53.6)

14.2

(57.6)

16.7

(62.1)

18.2

(64.8)

17.7

(63.9)

17.5

(63.5)

17.7

(63.9)

15.9

(60.6)

12.7

(54.9)

10.4

(50.7)

14.5

(58.1)

Temp. baxxa rekord f'°C (°F) 1.0

(33.8)

3.0

(37.4)

4.0

(39.2)

9.0

(48.2)

9.0

(48.2)

9.0

(48.2)

12.0

(53.6)

11.0

(51.8)

11.0

(51.8)

7.0

(44.6)

6.0

(42.8)

−1.0

(30.2)

1.0

(33.8)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 18.9

(0.74)

9.1

(0.36)

3.3

(0.13)

6.6

(0.26)

26.1

(1.03)

160.7

(6.33)

260.6

(10.26)

227.4

(8.95)

161.2

(6.35)

52.0

(2.05)

9.3

(0.37)

9.5

(0.37)

944.7

(37.19)

Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni (≥ 0.1 mm) 1.7 0.9 0.4 0.8 1.7 10.3 17.3 16.3 12.2 4.0 1.1 1.1 67.8
Sors: Weather Atlas[8]

Il-biċċa l-kbira tal-ekonomija tal-muniċipalità għadha bbażata fuq l-agrikoltura li timpjega madwar 47 % tal-popolazzjoni. Minkejja t-tkabbir viżibbli ħafna tal-pjanta tal-agave blu, il-biċċa l-kbira tat-territorju għadu ddedikat lit-tkabbir tal-qamħirrum. Għelejjel oħra jinkludu s-sorgum, il-fażola, il-mango, il-larinġ, l-avokado u l-qargħa aħmar. Fost il-bhejjem li jitrabbew hemm il-bhejjem tal-ifrat għaċ-ċanga, il-baqar tal-ħalib, il-ħnieżer, il-mogħoż, iż-żwiemel, il-ħmir u n-naħal. Il-produzzjoni tat-tequila timpjega madwar 25 % tal-popolazzjoni tal-muniċipalità, iżda trendi l-iktar flus. Tirrappreżenta l-biċċa l-kbira tal-bażi industrijali tal-muniċipalità. It-turiżmu, bħal dak marbut mat-tequila u s-siti tal-ekoturiżmu, huwa parti li qed tikber tal-ekonomija. Eżempju ta' ekoturiżmu huwa l-Balneario La Toma, li jinsab fuq art imħarbta ħafna bl-irdumijiet, fejn isiru r-rappelling, il-paragliding u sports simili oħra. Isir ukoll xogħol tal-estrazzjoni, l-iktar tal-opal, tad-deheb u tal-fidda.

Ġemellaġġ[immodifika | immodifika s-sors]

Tequila għandha ġemellaġġi ma' Cathedral City, California, li tinsab fil-Wied ta' Coachella fin-Nofsinhar ta' California, l-Istati Uniti. Membri tal-Kunsill ta' Tequila, promoturi tan-negozju u uffiċjali tar-Rotary Club attendew bosta ċelebrazzjonijiet ospitati mill-belt ta' California, inkluż il-Festival ta' Tequila, li sar fl-1998 u enfasizza l-arti, il-kultura u l-prodotti ta' Tequila, Jalisco. Minn dak iż-żmien 'l hawn, Cathedral City ġeddet tradizzjoni ta' ċelebrazzjoni tal-għoxrin anniversarju tal-ġemellaġġ li fl-2016 inzerta ħabat mal-35 anniversarju tal-inkorporazzjoni ta' Cathedral City. It-Taste of Jalisco Festival sar fiċ-ċentru tal-belt u enfasizza l-kultura, il-mużika u l-ikel Messikan tal-belt ta' Tequila.

Bliet oħra ġemellati ma' Tequila huma Pisco, il-Perù, u Jelenia Góra, il-Polonja.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Giant panda sanctuaries and Tequila-producing area of Mexico among the eight new sites added to World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-11-03.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Agave Landscape and Ancient Industrial Facilities of Tequila". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-11-03.
  3. ^ "GOBIERNO MUNICIPAL DE TEQUILA 2007-2009". web.archive.org. 2009-03-14. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-03-14. Miġbur 2022-11-03.
  4. ^ "The History of Tequila" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-11-03.
  5. ^ a b Bali, Jaime (February 2008). "El paisaje agavero: esencia de la tradición". Guía México Desconocido. 372: 25–33.
  6. ^ "Cooking with Tequila". web.archive.org. 2010-06-11. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-06-11. Miġbur 2022-11-03.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. ^ "Tequila route | Travel Mexico". mexicanroutes.com. Miġbur 2022-11-03.
  8. ^ Aladin. "Tequila, Mexico - Climate & Monthly weather forecast". Weather Atlas (bl-Ingliż). Miġbur 2022-11-03.