Teatru Akkademiku Reġjonali ta' Donetsk

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta tat-teatru mill-ajru fl-2021

It-Teatru Akkademiku Reġjonali ta' Donetsk (bl-Ukren: Донецький академічний обласний драматичний театр, bir-Russu: Донецкий академический областной драматический театр) kien teatru f'Mariupol fin-Nofsinhar tal-Ukrajna. It-teatru modern kien inbena fl-1960 bejn wieħed u ieħor fil-post fejn qabel kien hemm il-Knisja tal-Marija Maddalena.[1] It-teatru nqered kważi għalkollox mill-attakki mill-ajru Russi fis-16 ta' Marzu 2022.[2]

It-teatru kien magħruf ukoll bħala t-Teatru Reġjonali ta' Donetsk qabel ma ngħata status akkademiku f'Novembru 2007.

Il-faċċata tat-teatru
It-teatru f'Marzu 2022 wara attakk bil-bombi

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

  • 1847 – L-ewwel darba li ġie ddokumentat li ġie tim teatrali f'Mariupol, taħt l-imprenditur V. Vinogradova. Peress li ma kien hemm l-ebda teatru fil-belt, it-tim tella' spettakli f'matmura mikrija fit-Triq Ekaterininskaya (illum il-ġurnata Triq Lenin).
  • 1850 – 1860 – Matmura f'bitħa ta' Popov (resident lokali) tintuża bħala l-ewwel post teatrali – "It-Tempju ta' Muża ta' Melpomene". Il-binja kienet bażika ferm b'kundizzjonijiet elementari, iżda xorta waħda t-tim teatrali tella' bosta spettakli hemmhekk tul diversi staġuni. Dawn kienu jinkludu l-parteċipazzjoni minn atturi provinċjali ta' dak iż-żmien: Alexandrov, Neverov, Medvedeva, Stoppel, Novitsky, Minsky, Prokofyev, Piloni u oħrajn.
  • 1878 – L-ewwel tim teatrali professjonali jitfaċċa fil-belt ta' Mariupol.[3] Il-bidu tat-teatru ta' Mariupol ġie ffinanzjat minn iben merkant għani, Vasily Shapovalov, li kera kamra għat-teatru. Il-karrieri tal-atturi I. Zagorsky, L. Zagorsky, L. Linitskaja u oħrajn bdiet hemmhekk.
  • 1887 – Il-ftuħ tat-teatru l-ġdid fit-8 ta' Novembru, imsejjaħ Sala tal-Kunċerti (sussegwentement issejjaħ it-Teatru tax-Xitwa). Kellu palk kbir, postijiet komdi fejn wieħed joqgħod bilqiegħda, post għall-orkestra u awditorju li kien jesa' 800 ruħ.
  • 1880 – 1890 – Ittellgħu l-ispettakli ta' figuri straordinarji tat-teatru Ukren: M. Kropivnitsky, I. Karpenko-Kary, P. Saksagansky, M. Staritsky u oħrajn.
  • 1920 – Tim teatrali kollettiv imsejjaħ "Teatru Ġdid" taħt il-ġestjoni ta' A. Borisoglebsky kien attiv fil-belt.
  • 1934 – Jinħoloq it-teatru mużikali u tad-drammi ta' Mariupol (taħt it-tmexxija ta' A. Smirnov bħala l-kap u ta' A. Iskander bħala d-direttur ewlieni).
  • 1959 – It-teatru ta' Mariupol jingħata l-istatus ta' Teatru Statali ta' Donetsk.
  • 1960 – Fit-2 ta' Novembru kien hemm il-ftuħ uffiċjali tat-teatru rikostruwit u jittella' l-ewwel spettaklu.
  • 1978 – Il-kumpanija teatrali tiċċelebra l-100 anniversarju. Il-kumpanija teatrali tingħata Unur għal merti sinifikanti fl-arti teatrali.
  • 1985 – Jinfetaħ il-palk iż-żgħir tat-teatru.
  • 2007 – Fit-12 ta' Novembru, skont l-ordni tal-Ministeru għall-Kultura u t-Turiżmu, it-teatru ngħata l-istatus ta' teatru akkademiku.
  • 2022 – Fis-16 ta' Marzu, it-teatru nqered kważi għalkollox minn attakki bil-bombi mill-ajru matul l-invażjoni Russa tal-Ukrajna tal-2022. Mijiet ta' nies ċivili milli jidher kienu qed jistkennu fil-binja fil-mument tal-attakk.[4][5] Minn immaġnijiet bis-satellita li ttieħdu qabel l-attakki mill-ajru, jidher li kienu nżebgħu l-ittri Russi "Дети" (li bir-Russu jfissru "tfal") mal-art fuq quddiem u fuq wara tal-binja, bħala tentattiv biex l-ajruplani militari Russi jkunu avżati.[6] Fis-17 ta' Marzu, Dario Franceschini, il-Ministru Taljan għall-Kultura għarraf fuq il-paġna tat-Twitter tiegħu li l-Kabinett tal-Ministri tal-Italja kien approva l-proposta tiegħu biex pajjiżu joffri r-riżorsi u l-mezzi lill-Ukrajna biex it-teatru jerġa' jinbena mill-iktar fis possibbli.[7]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Церковь св. Марии Магдалины". MRPL.CITY (bir-Russu). Miġbur 2022-03-31.
  2. ^ "Ukraine: Mariupol city council claims Russia destroys crowded theater — live updates | News | DW | 16.03.2022". web.archive.org. 2022-03-16. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-03-16. Miġbur 2022-03-31.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ Demidko, Olha O. (2018-04-20). "Зародження та становлення театрального мистецтва в Маріуполі протягом ХІХ ст" [Origin and formation of theatrical art in Mariupol during the XIX century.]. Науково-теоретичний альманах "Грані" (in Ukrainian). 21 (3): 70–75. ISSN 2413-8738.
  4. ^ CNN, Tim Lister, Olga Voitovych, Tara John and Paul P. Murphy. "Russia bombs theater where hundreds sought shelter and 'children' was written on grounds". CNN. Miġbur 2022-03-31.
  5. ^ "Ukraine war: Mariupol theatre 'sheltering hundreds' bombed". Sky News (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-31.
  6. ^ "Russia-Ukraine war: In Mariupol, theatre sheltering 'hundreds of civilians' bombed". Firstpost (bl-Ingliż). 2022-03-17. Miġbur 2022-03-31.
  7. ^ "Dario Franceschini Twitter". Twitter (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-31.