Riżerva ta' Bijosfera ta' El Pinacate u Gran Desierto de Altar
Ir-Riżerva ta' Bijosfera ta' El Pinacate u Gran Desierto de Altar (bl-Ispanjol: Reserva de la Biosfera El Pinacate y Gran Desierto de Altar) hija riżerva ta' bijosfera u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u tiġi ġestita mill-gvern federali tal-Messiku, b'mod speċifiku mis-Segretarjat tal-Ambjent u r-Riżorsi Naturali, b'kollaborazzjoni mal-gvernijiet statali ta' Sonora u t-Tohono O'odham.[1]
Tinsab fid-Deżert ta' Sonora fil-Majjistral tal-Messiku, fil-Lvant tal-Golf ta' California, fil-parti tal-Lvant tal-Gran Desierto de Altar, ftit fin-Nofsinhar tal-fruntiera mal-Arizona, l-Istati Uniti, u fit-Tramuntana tal-belt ta' Puerto Peñasco. Mill-ispazju hija waħda mill-iżjed formazzjonijiet ġeoloġiċi viżibbli sinifikanti fl-Amerka ta' Fuq. Sistema vulkanika magħrufa bħala Santa Clara hija l-parti ewlenija tal-pajsaġġ, u tinkludi tliet qċaċet: Pinacate, Carnegie u Medio. Hija park ġemellat mal-Monument Nazzjonali tal-Kaktus ta' Organ Pipe fl-Arizona.[2] In-natura selvaġġa tagħha hija mhedda mill-militarizzazzjoni tal-fruntiera bejn il-Messiku u l-Istati Uniti u l-kostruzzjoni ta' ħajt fil-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi.[3]
Fl-inħawi hemm iktar minn 540 speċi ta' pjanti, 40 speċi ta' annimali mammiferi, 200 speċi ta' għasafar, u 40 speċi ta' rettili, anfibji u ħut tal-ilma ħelu.[4] Hemm ukoll speċijiet endemiċi mhedda bħall-għażżiela ta' Sonora, in-nagħaġ tal-qrun kbir, il-mostru ta' gila u l-fekruna tad-deżert.[5]
Ir-riżerva ta' bijosfera tkopri erja ta' 2,695.05 kilometru kwadru (1,040.56 mil kwadru), u nofsha ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] L-erja tas-sit inkluż iż-żoni ta' lqugħ tkopri 7,146 km², jiġifieri ferm ikbar mill-erja tal-istati ta' Aguascalientes, Colima, Morelos u Tlaxcala għalihom.[6]
Formazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-Riżerva ta' Bijosfera ta' El Pinacate u Gran Desierto de Altar hija magħrufa għall-karatteristiċi fiżiċi u bijoloġiċi uniċi tagħha, pereżempju l-preżenza ta' tarka vulkanika, iż-żona estensiva ta' duni attivi ta' madwarha, u l-ikbar konċentrazzjoni ta' krateri tat-tip maar. Il-muntanji tal-Katina Muntanjuża ta' Pinacate għandhom karatteristiċi oroġeniċi ta' interess kbir, prodotti ta' żbroffar vulkaniku li akkumula l-lava fi blat, ramel u rmied vulkaniku kumpatti li ffurmaw kuluri tassew sbieħ, u krateri bħal dawk ta' El Elegante, Cerro Colorado, MacDougal u Sykes.[7]
Il-Qċaċet ta' Pinacate (bl-Ispanjol: Picos del Pinacate), grupp ta' qċaċet vulkaniċi u koni tal-irmied vulkaniku, jinsabu fir-riżerva lejn it-Tramuntana ta' Puerto Peñasco. L-ogħla quċċata hi Cerro del Pinacate (il-vulkan ta' Santa Clara), b'elevazzjoni ta' 1,190 metru (3,904 piedi). It-terminu "Pinacate" oriġina mill-kelma pinacatl bil-lingwa Náhuatl, li tirreferi għall-ħanfusa ta' Pinacate, tip ta' ħanfusa endemika għad-Deżert ta' Sonora.
Il-vulkani tal-Qċaċet ta' Pinacate żbroffaw b'mod sporadiku għal madwar 4 miljun sena. L-iżjed attività reċenti seħħet madwar 11,000 sena ilu.
In-NASA bagħtet l-astronawti fil-Gran Desierto de Altar mill-1965 sal-1970, biex jitħarrġu għall-mixi fuq il-Qamar, minħabba x-xebħ tal-art tar-riżerva mal-art tal-Qamar.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Era Pre-Kolombjana
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel abitanti huma magħrufa bħala l-poplu ta' San Dieguito u kienu komunità ta' kaċċaturi-ġemmiegħa li kienu jgħixu b'li jsibu fuq l-art tar-riżerva, wara li ċċaqilqu mill-muntanji għall-Golf ta' California biex ifittxu l-ikel. L-istadji bikrin ta' okkupazzjoni milli jidher intemmu fil-bidu tal-era glaċjali madwar 20,000 sena ilu, meta n-nixfa obbligat lin-nies jitilqu mill-katina muntanjuża.[8]
It-tieni stadju ta' okkupazzjoni mill-poplu ta' San Dieguito beda fl-aħħar tal-era glaċjali. Dan il-grupp irritorna lejn il-muntanji u għex bħall-antenati tiegħu. It-tinajas x'aktarx li kienu sors affidabbli tal-ilma f'dak iż-żmien. It-tieni stadju ta' okkupazzjoni ntemm bil-wasla ta' perjodu antipiretiku xi 9,000 sena ilu, li mill-ġdid ġiegħel lin-nies jitilqu mit-territorju.
L-iżjed abitanti indiġeni reċenti tar-riżerva ta' bijosfera huma l-grupp tal-Pinacateño tal-Hia C-ed O'odham. Bħall-kultura preistorika tal-poplu ta' San Dieguito, il-Pinacateño esploraw El Pinacate kollu sal-baħar biex ifittxu l-ikel, u kkonċentraw il-kampijiet tagħhom qrib it-tinajas. Matul dawn il-vjaġġi, ħallew warajhom traċċi tal-preżenza tagħhom; eżempju partikolari ta' dan huwa n-network ta' mogħdijiet minn tinaja għall-oħra, kif ukoll l-għodod tal-ġebel u l-bċejjeċ tal-fuħħar li nstabu qrib dawn is-sorsi tal-ilma.[9]
Esplorazzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Ma tantx hemm rekords ta' dawk li kienu l-ewwel esploraturi f'din iż-żona. X'aktarx li l-ewwel Ewropew li ra l-muntanja magħrufa bħala Sierra Pinacate kien l-esploratur Melchior Díaz fl-1540. Sussegwentement, fl-1698 il-qassis Eusebio Kino, il-fundatur tal-Missjoni ta' San Xavier del Bac fin-Nofsinhar ta' Tucson, Arizona, żar is-sit u reġa' lura diversi drabi; hu u l-grupp tiegħu xxabbtu sal-quċċata ta' El Pinacate, li dak iż-żmien kienet tissejjaħ l-Għolja ta' Santa Clara.
Qabel l-1956, ftit xjenzati u esploraturi kienu żaru r-riżerva ta' bijosfera; l-iżjed famużi kienu l-grupp ta' MacDougal, Hornaday u Sykes li esploraw il-parti tal-Punent tal-muntanja fl-1907.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-Riżerva ta' Bijosfera ta' El Pinacate u Gran Desierto de Altar ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2013.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "El Pinacate and Gran Desierto de Altar Biosphere Reserve". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-12.
- ^ Ajo, Mailing Address: 10 Organ Pipe Drive; Us, AZ 85321 Phone: 520-387-6849 Contact. "El Pinacate y Gran Desierto de Altar - Organ Pipe Cactus National Monument (U.S. National Park Service)". www.nps.gov (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-12.
- ^ "What a Border Wall Could Mean for Wildlife | Audubon". www.audubon.org (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-12.
- ^ "Reserva de la Biosfera El Pinacate y Gran Desierto de Altar". web.archive.org. 2016-08-12. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-08-12. Miġbur 2024-06-12.
- ^ "Pinacate y Gran Desierto de Altar". web.archive.org. 2010-11-21. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-11-21. Miġbur 2024-06-12.
- ^ "Información por entidad. Cuéntame". web.archive.org. 2011-07-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-23. Miġbur 2024-06-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Instituto Nacional de Ecología". web.archive.org. 2011-07-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-22. Miġbur 2024-06-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Hayden, 1998.
- ^ "Pinacate y Gran Desierto de Altar". web.archive.org. 2010-11-21. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-11-21. Miġbur 2024-06-12.