Aqbeż għall-kontentut

Qaryat al-Faw

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta mill-ajru ta' Qaryat al-Faw.

Qaryat Al Faw (bl-Għarbi: قرية الفاو; fil-qosor: Al-Faw) kienet il-belt kapitali tal-ewwel renju ta' Kinda. Jinsab madwar 100 kilometru fin-Nofsinhar ta' Wadi ad-Dawasir, u madwar 700 kilometru fil-Lbiċ ta' Riyadh, il-belt kapitali attwali tal-Arabja Sawdija. Is-sit arkeoloġiku ta' Al-Faw joħroġ fid-dieher diversi karatteristiċi bħal djar residenzjali, swieq, toroq, ċimiterji, tempji u ġibjuni jew bjar tal-ilma.[1]

Fis-sit instabet inċiżjoni bl-Għarbi Antik miktuba fis-seklu 1 Q.K. bil-kalligrafija tan-Nofsinhar tal-Arabja tal-qedem, waħda mill-eqdem ta' din ix-xorta fin-Nofsinhar tal-Arabja.[2]

Ras tal-bronż ta' Al-Faw li issa tinsab fil-Mużew ta' Pergamon, Berlin.

Ir-riċerkaturi ma tantx jafu wisq dwar din il-belt. Skont l-iskavi arkeoloġiċi. il-belt tmur lura għas-seklu 4 Q.K.[3] Oriġinarjament il-belt kienet magħrufa għall-ġabra ta' inċiżjonijiet fis-sit ta' Qaryat Dhu Kahl. Kahl kienet id-divinità prinċipali meqjuma mit-tribujiet Għarab ta' Kinda u ta' Madh'hij.[4] Il-belt kienet magħrufa wkoll bħala Qaryat al-Hamraa (il-Belt il-Ħamra) u Dhat al-Jnan (il-Belt tal-Ġonna) mill-abitanti tagħha matul il-perjodu ta' prosperità tal-belt.

L-aqwa żmien għall-belt kien estiż għal kważi tmien sekli bejn is-seklu 4 Q.K. u s-seklu 4 W.K., qabel ma ġiet abbandunata. Matul dan il-perjodu twil, il-belt irreżistiet għal diversi attakki minn stati ġirien, kif issuġġerit mir-rendikonti tas-Sabej tal-aħħar tas-seklu 2 W.K. Barra minn hekk, l-inċiżjoni ta' Namara ssemmi l-ispedizzjoni ta' Imru' al-Qays ibn 'Amr f'Najran li wasal f'Qaryat al-Faw u keċċa lit-tribù fit-tmun ta' Madh'hij mill-belt.[5] Qatt ma ssemmiet wara dak l-inċident, għajr għal rakkont qasir ta' al-Hamdani.

Skutella antika tal-ħġieġ tas-seklu 1 Q.K. li nstabet fil-villaġġ ta' Al-Faw.

L-iskavi arkeoloġiċi żvelaw li l-belt żviluppat minn punt żgħir ta' waqfien tal-karovani, f'ċentru kummerċjali, reliġjuż u urban importanti fl-Arabja ċentrali.

F'Lulju 2024, Qaryat al-Faw tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[6][7]

Pjanċa bil-kitba Ma'inika u żewġ mogħoż tal-barr ta' bejn is-seklu 1 Q.K. u s-seklu 1 W.K.).

Il-villaġġ ta' Al-Faw jinsab mal-konfini tal-Majjistral tal-Kwartier il-Vojt, għaldaqstant jinsab tul ir-rotta kummerċjali li tikkollega n-Nofsinhar tal-Peniżola tal-Arabja mal-Grigal. Al-Faw kien ċentru kummerċjali importanti u kellu iktar minn sbatax-il bir tal-ilma.

L-interess f'Qaryat al-Fāw bħala sit arkeoloġiku jmur lura għas-snin 40 tas-seklu 20 meta saret referenza għalih minn xi ħaddiema tal-kumpanija taż-żejt tal-Arabja Sawdija Aramco. Fl-1952, tliet ħaddiema tal-kumpanija żaru l-belt u kitbu dwarha. Fl-1976 żar il-villaġġ espert mill-Aġenzija tal-Antikitajiet u tal-Mużewijiet tal-Università tar-Re Saud f'Riyadh u mbagħad espert mid-Dipartiment tal-Antikitajiet u tal-Mużewijiet, it-tnejn li huma bl-għan li jistudjaw is-sit, u iktar speċifikament, biex jidentifikaw il-pożizzjoni tal-belt. Ix-xogħol seħħ bejn l-1972 u l-1995.

L-iskavi arkeoloġiċi twettqu minn tim mill-Università tar-Re Saud, mill-1970 sal-2003, u żvelaw żewġ sezzjonijiet ewlenin tal-belt. L-ewwel sezzjoni kienet żona residenzjali, li kienet tikkonsisti minn djar, pjazez, toroq u suq, filwaqt li t-tieni sezzjoni kienet żona sagra, li kienet tikkonsisti minn tempji u oqbra. Il-pjanta arkitettonika ġenerali tas-sit hija indikattiva ħafna tal-irħula pre-Iżlamiċi fl-Arabja. Abdulrahman al-Ansary, eks Professur tal-Arkeoloġija fl-Università tar-Re Saud f'Riyadh u membru tal-Kunsill Konsultattiv tal-Arabja Sawdija u tal-Kumitat tal-Edukazzjoni tal-Kunsill jitqies bħala l-fundatur tal-iskoperta mill-ġdid tal-belt ta' Qaryat al-Fāw.

Framment ta' affresk b'ras ta' raġel u inċiżjoni bil-miktub antika tan-Nofsinhar tal-Arabja, x'aktarx minn xena ta' xi bankett (is-seklu 1 jew 2 W.K.).
Statwa tal-bronż ta' dromedarju (is-seklu 2 Q.K. - is-seklu 2 W.K.).

Mill-1 ta' Jannar 2014, is-sit ġie mdawwar b'xatba protettiva mill-gvern tal-Arabja Sawdija kontra l-ħallelin. Is-sit jieħu ħsiebu uffiċjal mill-Arabja Sawdija b'rabtiet tal-familja mal-inħawi tas-sit. Is-sit ġie awtorizzat u ġew allokati fondi biex isir titjib sinifikanti, preservazzjoni u l-kostruzzjoni ta' ċentru modern għall-viżitaturi li kellu jitlesta sa Diċembru 2013. Madankollu, sa issa l-kostruzzjoni lanqas biss bdiet. Is-sit fih bosta oqbra ta' ġellieda u ta' nies nobbli spazjati tul il-periferija tal-Lvant.

Il-qabar tar-re jinsab kemxejn separat u lejn il-Majjistral tal-belt. Il-ħitan tas-suq ġarrbu ħafna erożjoni, u kważi sular sħiħ mit-tlieta jew erba' sulari tal-binja ġġarraf. Għadhom viżibbli wkoll il-fdalijiet ta' maħżen tal-qamħ u tal-fran tal-ħami. Fil-Lvant tal-belt hemm għolja kbir, b'għadd sinifikanti ta' għerien u ta' petroglifiċi.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Pajsaġġ Kulturali taż-Żona Arkeoloġika ta' Al-Faw ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-27 ta' Lulju 2024.[6]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[6]

  1. ^ "Qaryat Al Faw". web.archive.org. 2017-08-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-08-03. Miġbur 2024-12-15.
  2. ^ "A First Century BC Arabic Inscription In Musnad Script At Qaryat Al-Faw". www.islamic-awareness.org. Miġbur 2024-12-15.
  3. ^ A. R. Al-Ansary, Qaryat Al-Fau: A Portrait Of Pre-Islamic Civilisation In Saudi Arabia, 1982, University of Riyadh (Saudi Arabia), p. 146.
  4. ^ BM Report of Trustees 1981-84, pp. 60-61, fig. 18.
  5. ^ المدنية في الوطن العربي في ضوء الاكتشافات الآثارية: النشأة والتطور p. 98.
  6. ^ a b ċ "The Cultural Landscape of Al-Faw Archaeological Area - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-15.
  7. ^ "UNESCO registers Cultural Landscape of Al-Faw Archaeological Area as Saudi Arabia's eighth World Heritage site". Saudigazette . 2024-07-27. Miġbur 2024-12-15.Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)