Qabar Traċjan ta' Kazanlak

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-affresk tal-koppla tal-qabar.

Il-Qabar Traċjan ta' Kazanlak (bil-Bulgaru: Казанлъшка гробница, Kazanlǎška grobnica) huwa qabar bil-volti b'għamla ta' miġbħa (tholos) li jinsab qrib ir-raħal ta' Kazanlak fil-Bulgarija ċentrali.

Deskrizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Il-qabar huwa parti minn nekropoli Traċjana rjali kbira fil-Wied tal-Mexxejja Traċjani qrib il-belt kapitali antika ta' Seuthopolis fejn jinsabu iktar minn elf qabar ta' rjali u ta' membri tal-aristokrazija Traċjana.

Il-monument imur lura għas-seklu 4 Q.K. u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[1] Il-pitturi f'dan il-qabar żgħir huma fost l-iżjed kapulavuri artistiċi ppreservati l-aħjar mill-perjodu Ellenistiku.[2]

Is-sit jikkonsisti minn kuritur dejjaq li jagħti għal kompartiment tond imsaqqaf b'koppla ta' daqs li jesa' difna waħda. Iż-żewġ elementi huma mpittra u mżejna bl-affreski li jirrappreżentaw koppja Traċjana f'ċerimonja funebri ritwalistika.[3] L-affreski mal-ħitan ġew impittrin b'lewn aħmar skur jew kulur id-demm.

L-affresk ta' mal-koppla juri koppja bilqiegħda jżomm il-polz ta' xulxin filwaqt li oħrajn jidhru resqin lejhom f'purċissjoni b'għadd ta' gabarrejiet u b'diversi oġġetti, bil-qaddejja fl-isfond. Il-koppja tidher bilqiegħda separatament fuq siġġijiet elaborati differenti. L-istoriku tal-arti Bulgara Lyudmila Zhivkova tinterpreta l-ġest kondiviż bejn il-figuri ċentrali bħala indikattivi ta' mument ta' ħlewwa u ta' ugwaljanza, iżda din l-interpretazzjoni mhix kondiviża mill-ispeċjalisti kollha. Fil-purċissjoni jidhru mpittrin mużiċisti jdoqqu l-kurunetta. L-affresk juri żwiemel differenti: iż-żwiemel bis-sarġ jidhru mmexxija mingħajr rikkieba, qaddej iżomm grupp ta' żwiemel jiġbdu karru, filwaqt li mal-koppla hemm il-pittura ta' tellieqa bil-karrijiet. Fil-pedament tal-koppla hemm bordura prinċipali bi kranji ta' bhejjem imżejna bix-xalel tad-drapp mal-qrejjen tagħhom u dawn jalternaw mad-disinni ta' salib ekwilaterali li ġie interpretat bħala fjura. Fost borduri oħrajn li jiddividu l-affresk tal-koppla, bordura partikolari ta' tiżjin fiha mudell ta' bajda u vleġġa bi stil Ellenistiku, filwaqt li borduri oħrajn juru strixxi, pizzi u disinni li jaf kellhom tifsira kulturali jew familjali speċifika.

Sabiex l-affreski delikati jiġu ppreservati, il-qabar oriġinali mhuwiex miftuħ għall-pubbliku. Minflok, inbniet replika tal-istess daqs u qies fil-qrib għall-aċċess tal-pubbliku.[4]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Qabar Traċjan ta' Kazanlak ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet", u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Kultura kontemporanja[immodifika | immodifika s-sors]

Il-mara bilqiegħda tal-affresk tal-qabar tidher fuq in-naħa ta' wara tal-munita Bulgara ta' 50 stotinki li nħarġet fl-2005.[5]

Gallerija[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Thracian Tomb of Kazanlak". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-09.
  2. ^ "Thracian tomb of Kazanlak | For UNESCO World Heritage Travellers". www.worldheritagesite.org. Miġbur 2023-06-09.
  3. ^ Ivan (2019-02-15). "Explore the Valley of Thracian Kings - Bulgaria's Thracian Heritage" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-09.
  4. ^ "Официален туристически портал на България | Открий България – Посети официалния туристически портал на България и планирай своята ваканция. Разбери къде да отидеш и какво да правиш по време на пътуването си из България" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-09.
  5. ^ "(untitled)". www.bnb.bg. Miġbur 2023-06-09.