Pëtr Il'ič Čajkovskij
Pëtr Il'ič Čajkovskij[1] (bir-Russu: Пётр Ильи́ч Чайко́вский; Votkinsk, 7 ta' Mejju 1840 – San Pietruburgu, 6 ta' Novembru 1893) kien kompożitur Russu tal-era romantika.
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Čajkovskij twieled Kamsko-Votkinsk, ir-Russja, minn Il'ja Petrovič Čajkovskij, inġinier minerarju Ukren u mit-tieni mara tiegħu, Aleksandra Andreevna Assier, li kienet ta' nisel Franċiż. Beda jieħu l-lezzjonijiet tal-pjanuforte meta kellu seba' snin. Mill-1861 sal-1865 studja fil-Konservatorju ta' San Pietruburgu, fejn ħa d-diploma bil-kompożizzjoni "Għanja lill-ferħ" fuq versi ta' Schiller. Fl-1866 inħatar professur tat-teorija u armonija fil-Konservatorju ta' Moska, imwaqqaf dik is-sena. Din il-kattedra offrihilu Nikolaj Rubinstein fuq rakkomandazzjoni ta' Anton Rubinstein, ħu Nikolaj u l-ewwel għalliem ta' Čajkovskij f'San Pietruburgu. Żamm dik il-pożizzjoni sal-1876.
Disagħt ijiem biss wara l-ewwel kunċert tas-Sitt Sinfonija tiegħu, (Pathétique), fl-1893 f'San Pietruburgu, Čajkovskij miet. Hemm opinjoni mifruxa li kien qatel ruħu b'idejh, allavolja l-mod u ċ-ċirkustanzi għadhom mhux ċerti: isemmiet ukoll il-kolera, li seta' ħa mill-ilma mniġġeż li kien xorob ftit jiem qabel. Imma hu iżjed probabbli li kien avvelenament bl-arseniku billi nafu li fil-funeral Rimskij-Korsakov u xi wħud minn sħabu warajh resqu lejn il-mejjet u bisuh fuq ġbinu. Hemm xnieġħa oħra li xi ħbieb tiegħu u xi nies li kien studja magħhom inkuraġġewh biex joqtol ruħu b'idejh biex jevita skandlu minħabba xi relazzjoni li kellu ma' neputi ta' membru tal-aristokrazija Russa.
Minkejja l-omosesswalità tiegħu, fit-18 ta' Lulju 1877, iżżewweġ, għalkemm kontra qalbu, lil Antonina Miljukova, studenta fil-konservatorju li kienet tammirah ħafna. Kien iddeċieda li jiżżewweġ ‘il min jieħdu. Il-konsegwenzi fuq il-psike ta' Čajkovskij kienu tal-biża': ġranet biss wara ż-żwieġ beda jiddispjaċih u ġimgħatejn wara waqa' fl-ilma ngazzat tax-xmara Moskova u kien ħa jmut l-aħħar (jgħidu li kien attentat ta' suwiċidju bla grazzja); darba li kien għaddhielu l-effett tal-inċident, telaq lejn San Pietruburgu b'għeja nervuża kbira.
Matul ħajtu kellu appoġġ ekonomiku u morali ġeneruż mill-armla għanja Nadežda von Meck. Din kienet intlaqtet ħafna mill-mużika ta' Čajkovskij u saret il-finanziera prinċipali tal-kompożitur. Bis-somom kbar ta' flus li tagħtu seta' jitlaq mill-kattedra fil-konservatorju biex jiddedika ruħu kompletament għall-kompożizzjoni. Kienet ukoll konfidenti privileġġata għaliex kellha korrispondenza kontinwa miegħu li damet mill-1877 sal-1890, b'total ta' 'l fuq minn 1200 ittra; huma, bi ftehim bejniethom, qatt ma ltaqgħu. Ma' dan kollu wara 13-il sena, il-korrispondenza waqfet f'daqa, uffiċjalment minħabba li l-benefattriċi falliet, allavolja ħafna (fosthom Berberova fil-bijografija tagħha) sostnew li l-kawża kienet l-iskoperta tal-omosesswalità ta' Pëtr Il'ič.
Forsi l-iżjed bijografija interessanti ta' Čajkovskij hi dik li kitbet Nina N. Berberova, li tagħmel iżjed enfasi fuq l-istudju psikoloġiku tal-personalità tal-mużiċista milli fuq l-analisi tax-xogħol artistiku tiegħu. Din il-bijografija għandha t-titlu evokattiv It-tifel tal-ħġieġ, kif kienet issejjaħlu il-maħbuba governanti Fanny. F'dal-ktieb l-awtriċi tpinġi ritratt interessanti tal-artista, li jibda mill-fraġiltà żagħżugħa tat-tifel, marbut morbożament ma' ommu, ta' oriġni Franċiża, li mietet f'età żgħira bil-kolera. Matul is-snin tal-adolexxenza, immarkati b'ħbiberiji mħawdin ma' ħbieb fil-konservatorju, kellu rabta ta' mħabba profonda mal-kuġin tiegħu Davydov, li għalih iddedika l-aħħar xogħol tiegħu, is-sitt sinfonija, li bla dubju tista' titqis bħala t-testment spiritwali ta' Čajkovskij. Fil-bijografija tagħha Berberova ċaħdet kategorikament l-ipoteżi tas-suwiċidju u twaħħal fix-xorb tal-ilma mniġġeż bħala l-kawża tad-diżgrazzja tal-mewt tiegħu.
Il-ħajja tiegħu hi rakkontata fil-film ta' Ken Russell The music lovers (1970).
Il-qabar tiegħu qiegħed fiċ-Ċimiterju Tixvin ta' San Pietruburgu.
L-istil
[immodifika | immodifika s-sors]Čajkovskij kulturament kien imbiegħed ħafna mill-kompożituri Russi kontemporanji miegħu (dawn saru jissejħu l-Grupp ta' Ħamsa) li kienu ispirati min-nazzjonaliżmu, waqt li hu, fil-mużika kellu spirtu kożmopolita. Però, il-partituri tiegħu, mimlijin sensibbiltà u eleganza naturali, xorta juru tratti li huma distintament Russi, fl-għażla spissa tal-mod minuri u fuq kollox fil-melodiji li sikwit huma meħudin mill-kant tradizzjonali jew mill-liturġija ortodossa.
Bil-kontra tal-kollegi Russi, Čajkovskij f'ħajtu kollha kien jistudja l-mużika tal-punent - minn Mozart sal-operisti Taljani u mir- romantiċi Ġermaniżi għall-iskola ġdida Franċiża ta' Bizet u Massenet. (Ta' min jinnota li Beethoven ma tantx kien jogħġbu, l-iżjed Beethoven tal-maturità, u ‘l Schumann kien jippreferih mir-"rival" Brahms.) Hekk irnexxilu jagħti l-mużika tiegħu xeħta tassew internazzjonali.
F'dan is-sens, il-figura tiegħu ta' mużiċista kapaċi li jassorbi u jirrielabora kwalunkwe lingwaġġ u kull forma mużikali, hi fundamentali fl-ambitu romantiku kif ukoll biex nifhmu l-vjaġġ artistiku li kien ħa jagħmel fil-futur Stravinskij.
Fost il-ħafna aspetti tal-figura tiegħu b'ħafna faċċati, ta' kompożitur instintiv u appassjonat u fl-istess ħin attent ħafna għall-irfinar formali, tispikka s-sensibbiltà timbrika straordinarja. Čajkovskij kien jaf jesperimenta bil-possibiltajiet espressivi tal-istrumenti tradizzjonali, b'mod partikulari bl-istrumenti tan-nifs, u joħroġ minhom ħoss u taħwir oriġinali, raffinatissmu u inkonfondibbli. L-importanza li ta lill-kuluri tal-orkestra twarrab il-mużika pjanistika għat-tieni pjan, minkejja l-fama straordinarja li kiseb bl-ewwel kunċert għall-pjanu u l-orkestra.
Kompożizzjonijiet Prinċipali
[immodifika | immodifika s-sors]Balletti
[immodifika | immodifika s-sors]Čajkovskij jaf il-popolarità tiegħu l-iżjed lill-mużika għall-balletti.
- Il-Lag tac-Ċinji, op. 20 (1875-76) Kien l-ewwel ballett ta' Čaikovskij, irrappreżentat, b'xi qtugħ fit-Teatru Bol'šoj ta' Moska, fl-1877. Ma kienx apprezzat sħiħ ħlief wara l-mewt tal-mużiċista minkejja it-tirqim drammaturġiku finissmu u fantasjuż.
- Is-Sbejħa Rieqda, op. 66 (1888-89) Čaikovskij kien iqis dan ix-xogħol bħala wieħed mill-iżjed li rnexxa. L-ewwel rappreżentazzjoni tiegħu kienet fl-1890, fit-Teatru Mariinskij f'San Pietruburgu.
- Il-Kissiera tal-Lewż, op. 71 (1891-92) Dan hu wieħed mix-xogħlijiet l-iżjed popolari. Il-faxxinu qiegħed fis-sentiment pekuljari ta' maġija u ta' seher flimkien mal-ħolm u r-ritorn għat-tfulija. Čajkovskij ġabar fi suite Op. 71a (1892) tmien biċċiet estratti minn dan il-ballett.
Sinfoniji
[immodifika | immodifika s-sors]- Sinfonija nru. 1 fis-Sol minuri (Ħolm tax-xitwa), op. 13 (1866)
- Sinfonija nru. 2 fid-Do minuri (Russja Żgħira), op. 17 (1872)
- Sinfonija nru. 3 fir-Re maġġuri (Pollakka), op. 29 (1875)
- Sinfonija nru. 4 fil-Fa minuri, op. 36 (1877)
- Manfred, op. 58 (1885)
- Sinfonija nru. 5 fil-Mi minuri, op. 64 (1888)
- Sinfonija nru. 6 fis-Si minuri (Pathétique), op. 74 (1893)
- Sinfonija fil-Mi bemoll maġġuri (1891-1892, abbandunata)
Ouvertures u xogħlijiet oħra għall-orkestra
[immodifika | immodifika s-sors]- Il-Buraxka, op. 76 (1864)
- Ouverture fil-Fa maġġuri (1865, rev. 1866)
- Ouverture solenni fuq l-innu nazzjonali Daniż, op. 15 (1866, rev. 1892)
- Id-Destin, op. 77 (1868)
- Romeo u Ġuljetta (1869, rev. 1870, 1880)
- It-Tempesta, op. 18 (1873)
- Marċ Slav, op. 31 (1876)
- Francesca da Rimini, op. 32 (1876)
- Kapriċċ Taljan, op. 45 (1880)
- Serenata għall-arki, op. 48 (1880)
- L-1812, op. 49 (1880)
- Amletu, op. 67 (1888)
- Voevoda, op. 78 (1890-91)
Kunċerti u biċċiet konċertanti
[immodifika | immodifika s-sors]- Kunċert għall-pjanu nru. 1 fis-Si bemoll minuri, op. 23 (1874-75, rev. 1879 et 1889)
- Sérenade mélancolique, op. 26 (1875)
- Varjazzjonijiet fuq tema rokoko, op. 33 (1876)
- Valz-Scherzo, op. 34 (1877)
- Kunċert għall-vjolin fir-Re maġġuri, op. 35 (1878)
- Kunċert għall-pjanu nru. 2 fis-Sol maġġuri, op. 44 (1879-80)
- Concert fantaisie, op. 56 (1884)
- Pezzo Capriccioso, op. 62 (1887)
- Kunċert għall-pjanu nru. 3 fil-Mi bemoll maġġuri, op. 75 (1893)
- Kunċert għall-pjanu nru. 3, Andante u Finale, op. 79 (1893)
Suites
[immodifika | immodifika s-sors]- Suite nru. 1 fir-Re minuri, op. 43 (1878-1879)
- Suite nru. 2 fid-Do maġġuri, op. 53 (1883)
- Suite nru. 3 fis-Sol maġġuri, op. 55 (1884)
- Suite nru. 4 fis-Sol maġġuri, Mozartiana, op. 61 (1887)
Čajkovskij ġabar fi suite għall-ballett, Op. 71a (1892) tmien biċċiet estratti mill-ballett tiegħu Il-Kissiera tal-Lewż. Jeżistu wkoll xi suites għall-balletti il-Lag taċ-Ċinji (suite 20a) u is-Sbejħa Rieqda (suite 66a), imma dawn m'humiex awtentiċi, għaliex ma nġabrux mill-kompożitur innifsu (għalkemm kellu f'rasu li jagħmel hekk) u kienu ippublikati wara mewtu.
Mużika da camera
[immodifika | immodifika s-sors]- Kwartett għall-arki fis-Si bemoll maġġuri (1865)
- Kwartett għall-arki nru. 1 fir-Re maġġuri, op. 11 (1871)
- Kwartett għall-arki nru. 2 fil-Fa maġġuri, op. 22 (1873-74)
- Kwartett għall-arki nru. 3 fil-Mi bemoll minuri, op. 30 (1876)
- Tifkira ta' post għażiż, op. 42 (1878)
- Trio għall-pjanu fil-La minuri, op. 50 (1881-82)
- Tifkira ta' Firenze, op. 70 (1890)
Biċċiet għall-pjanu
[immodifika | immodifika s-sors]Čajkovskij kiteb xi mitt biċċa għall-pjanu. Fosthom l-iżjed famużi huma L-iStaġuni op. 37a.
Mużika di scena
[immodifika | immodifika s-sors]- Sneguročka, op. 12 (1873)
Opri
[immodifika | immodifika s-sors]Čajkovskij ikkompona għaxar opri. Fosthom it-tnejn l-iżjed famużi huma Ewġenju Onegin u r-Reġina tal-Piki li jinstemgħu spiss fir-repertorju liriku modern. L-opri l-oħra, għalkemm magħrufin ħafna inqas (u barra mir-Russja rari li jindaqqu) huma:
Titlu bil-Malti | Titlu oriġinali (bir-Russu) | Librett | Première (data) | Première (post) |
---|---|---|---|---|
Voevoda[2] | Воевода | Aleksandr Ostrovskij u l-kompożitur | 11 ta' Frar 1869 | Moska, Teatru Bol'šoj |
Undina | Ундина | Vladimir Sologub | Qatt ma ndaqqet[3] | Qatt ma ndaqqet |
Opriċnik | Опричник | il-kompożitur | 24 ta' April 1874 | San Pietruburgu, Teatru Mariinskij |
Vakula l-Ħaddied | Кузнец Вакула | J. P. Polonski | 6 ta' Diċembru 1876 | San Pietruburgu, Teatru Mariinskij |
Ewġenju Onegin | Евгений Онегин | il-kompożitur, fuq storja ta' Puškin | 29 ta' Marzu 1879 | Moska, Teatru Malyj |
Ix-Xebba t'Orléans | Орлеанская дева | il-kompożitur, fuq it-traġedja ta' Schiller | 25 ta' Frar 1881 | San Pietruburgu, Teatru Mariinskij |
Mażepa | Мазепа | Viktor Burenin u l-kompożitur, fuq storja ta' Puškin | 15 ta' Frar 1884 | Moska, Teatru Bol'šoj |
Ċereviċki[4] | Черевички | J. P. Polonski | 31 ta' Jannar 1887 | Moska, Teatru Bol'šoj |
Is-Saħħara | Чародейка | Ippolit Špažinskij | 1 ta' Novembru 1887 | San Pietruburgu, Teatru Mariinskij |
Ir-Reġina tal-Piki | Пиковая дама | Modest Čajkovskij u l-kompożitur, fuq storja ta' Puškin | 19 ta' Diċembru 1890 | San Pietruburgu, Teatru Mariinskij |
Iolanta | Иоланта | Modest Čajkovskij, fuq storja ta' Henrik Hertz | 18 ta' Diċembru 1892 | San Pietruburgu, Teatru Mariinskij |
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]-
Čajkovskij fl-1866 meta kien professur fil-Konservatorju ta' Moska
-
Čajkovskij fl-1875
-
Aleksandr Ziloti u Čajkovskij
-
Čajkovskij u martu Antonina Miljukova fl-1887
-
Brandukov u Čajkovskij fit-18 ta' Mejju, 1888
-
L-aħħar ritratt ta' Čajkovskij fl-1893
-
Id-dar ta' Čajkovskij fi Klin, li saret mużew
-
Plakka ġo Venezja fl-unur ta' Čajkovskij[5]
-
Il-qabar ta' Čajkovskij f'San Pietruburgu
Noti
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Billi hemm ħafna verżjonijiet tat-traslitterazzjoni mir-Russu ta' dan l-isem: Tchaikovsky, Ciajkovskij, Tchaïkovski, Chaikovski, Tschaikowski jew Tsjaikovski, qegħdin nużaw it-traslitterazzjoni xjentifika (International Scholarly System). F'din il-paġna nużaw din it-traslitterazzjoni għall-ismijiet Russi kollha.
- ^ Il-partitura nqerdet mill-kompożitur fis-snin 1870. Ġiet rikostitwita fl-1948, minn xi abbozzi u xi biċċiet għall-orkestra li baqgħu sħaħ.
- ^ Dan ix-xogħol kien rifjutat mill-Opera Imperjali u Čajkovskij qattal-partitura. Però, tliet estratti, li ndaqqu fit-28 ta' Marzu 1870, għadhom jeżistu. Čajkovskij reġa' uża xi idejat minn din l-opra f'xi xogħlijiet oħra.
- ^ Reviżjoni ta' Vakula l-Ħaddied
- ^ Traduzzjoni : Il-kompożitur kbir Russu Pëtr Il'ič Čajkovskij qagħad mit-2 sas-16 ta' Diċembru 1887 f'din il-lukanda fejn ikkompona r-raba' sinfonija.
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Pëtr Il'ič Čajkovskij |
- Għal lista sħiħa tax-xogħlijiet ta' Čajkovskij, ara [1]
- Għal iżjed dettalji fuq il-kompożizzjonijiet, ara [2]
- Sit bit-Taljan dedikat lil Čajkovskij
- Sit bl-Ingliż dedikat lil Čajkovskij
- Il-balletti ta' Čajkovskij ikkoreografati minn Rudolf Nureyev