Aqbeż għall-kontentut

Portal:Matematika/Artikli riċenti

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Artiklu prinċipali: Portal:Matematika.

Marie-Sophie Germain

Marie-Sophie Germain (pronunzja bil-Franċiż: [maʁi sɔfi ʒɛʁmɛ̃]; twieldet fl-1 ta' April 1776 – mietet fis-27 ta' Ġunju 1831) kienet matematika, fiżika u filosfa Franċiża. Minkejja l-oppożizzjoni inizjali mill-ġenituri tagħha u d-diffikultajiet li kellha tiffaċċja mis-soċjetà, hija kisbet l-edukazzjoni tagħha mill-kotba fil-librerija ta' missierha, inkluż dawk ta' Leonhard Euler, u mill-korrispondenza ma' matematiċi famużi bħal Lagrange, Legendre, u Gauss (bil-psewdonimu ta' "Monsieur LeBlanc"). Hija kienet waħda mill-pijuniera tat-teorija tal-elastiċità u rebħet il-gran premju mill-Akkademja tax-Xjenzi ta' Pariġi għas-saġġ tagħha dwar is-suġġett. Il-ħidma tagħha fuq l-Aħħar Teorema ta' Fermat serviet ta' pedament għall-matematiċi li esploraw is-suġġett għal mijiet ta' snin warajha.[1] Minħabba l-preġudizzju kontriha minħabba li kienet mara, ma setgħetx tagħmel karriera mill-matematika, iżda ħadmet b'mod indipendenti tul ħajjitha kollha.[2] Qabel mewtha, Gauss irrakkomanda li tiġi ppremjata b'lawrija onorarja, iżda dan qatt ma seħħ.[3] Fis-27 ta' Ġunju 1831 mietet bil-kanċer tas-sider. Għaċ-ċentenarju ta' ħajjitha, triq u skola tal-bniet issemmew għaliha. L-Akkademja tax-Xjenzi stabbiliet il-Premju Sophie Germain biex tingħata ġieħ.


Moviment Brownjan

Il-moviment Brownjan hu deskrizzjoni matematika ta' moviment każwali ta' partiċella "tqila" mgħaddsa fi fluwidu u li m'għandhiex fuqha interazzjonijiet oħra ħlief il-ħbit fuqha tal-molekuli "ħfief" tal-fluwidu ta' madwarha. Minn dan jirriżulta li l-partiċella t-tqila timxi b'moviment irregolari ħafna, li ġie deskritt għall-ewwel darba fl-1827 mill-botanista Robert Brown waqt li kien qiegħed josserva ċ-ċaqlieq ta' partiċelli fil-fluwidu fil-ġewwieni ta' trab tal-pollin.

Id-deskrizzjoni fiżika l-iżjed elementari ta' dan il-fenomenu hi din:

  • bejn żewġ ħabtiet, il-partiċella l-kbira timxi f'linja dritta b'veloċità kostanti;
  • il-partiċella l-kbira taċċelera meta taħbat ma' molekula tal-fluwidu jew xi ħajt.

Permezz ta' dan il-moviment nistgħu niddeskrivu l-imġieba termodinamika tal-gasijiet (teorija ċinetika tal-gasijiet), kif ukoll il-fenomenu tad-diffużjoni. Huwa użat ħafna wkoll fil-mudelli tal-matematika finanzjarja.

  1. ^ Del Centina, Andrea (2008). "Unpublished manuscripts of Sophie Germain and a revaluation of her work on Fermat's Last Theorem". Archive for History of Exact Sciences. 62 (4), p. 373.
  2. ^ Case, Bettye Anne; Leggett, Anne M. (2005). Complexities: Women in Mathematics. Princeton University Press. ISBN 0-691-11462-5. p. 39.
  3. ^ Mackinnon, Nick (1990). "Sophie Germain, or, Was Gauss a feminist?". The Mathematical Gazette 74 (470), p. 347.