Pjanura ta’ Stari Grad

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search
J32 742 Stari Grad.jpg

Il-Pjanura ta’ Stari Grad, li tagħmel parti mir-raħal ta’ Stari Grad fil-gżira ta’ Hvar, il-Kroazja, hija pajsaġġ agrikolu li ġie stabbilit mill-kolonjalisti tal-Greċja Antika fis-seklu 4 Q.K., u li għadu jintuża sa llum fil-forma oriġinali tagħha.

It-tqassim antik tal-pjanura ġie ppreservat permezz tal-manutenzjoni bir-reqqa tal-ħitan tas-sejjieħ matul dawn l-aħħar 24 seklu, flimkien ma’ qishom girna tal-ġebel (magħrufa lokalment bħala trims), u mas-sistema tal-ġbir tal-ilma. L-istess għelejjel, l-iktar għeneb u żebbuġ, għadhom jiġu mkabbra fl-għelieqi, u s-sit huwa wkoll riżerva naturali. Għalhekk, il-Pjanura ta’ Stari Grad titqies bħala eżempju tajjeb tas-sistema tal-biedja tal-Greċja Antika.

Il-Pjanura ta’ Stari Grad tniżżlet bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2008.[1]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Waħda mit-trims il-kbar tal-Pjanura ta’ Stari Grad, struttura li tixbaħ il-girna

Fit-385 Q.K., Dijonisju ta’ Siracusa minn Sqallija stabbilixxa kolonja Griega magħrufa bħala Pharos (jew chora Pharu), li llum hija magħrufa bħala Stari Grad. L-għan tiegħu kien li jipprovdi bażi għal iktar kolonizzazzjoni. Pharos kellha ekonomija agrarja li kienet tiddependi fuq pjanura kbira xi sitt kilometri fil-Lvant mill-insedjament sa dijametru ta’ żewġ kilometri qrib Vrboska. Ikkonfinata mill-quċċata tal-ogħla għolja ta’ San Nikola (628 metru) fin-Nofsinhar u l-għoljiet baxxi fit-Tramuntana, il-Pjanura ta’ Stari Grad kienet għammiela ħafna u kienet ilha abitata minn Żmien il-Bronż, kif jixhdu xi fdalijiet li nstabu qrib Vrboska.[2]

Il-pajsaġġ agrikolu tal-Pjanura ta’ Stari Grad

Il-kolonizzaturi Griegi qasmu r-raba’ f’irqajja’ (jew ħbula art) li ntużaw għat-tħawwil tas-siġar taż-żebbuġ u d-dwieli. Il-ħitan tas-sejjieħ mingħajr tkaħħil li kienu nbnew mill-ewwel bdiewa ta’ dak iż-żmien għadhom jeżistu u għadhom jintużaw sa llum, b’ftit li xejn restawr.

Meta r-Rumani ħakmu u qerdu l-kolonja Griega ta’ Pharos fil-219 Q.K., din saret prefettura u iktar ’il quddiem kisbet l-istatus ta’ muniċipalità bl-isem ta’ Ager Pharensis. Din baqgħet importanti bħala ċentru marittimu u agrikolu sal-Medju Evu, meta l-pjanura saret magħrufa lokalment bħala Campus Sancti Stephani (l-Għalqa ta’ San Stiefnu) u apparti l-għelejjel oriġinali bdew jitkabbru wkoll il-qamħ, il-ħarrub u t-tin.[2]

Pajsaġġ agrikolu[immodifika | immodifika s-sors]

Dwieli żgħar ta’ Stari Grad

Il-Pjanura ta’ Stari Grad tirrappreżenta sistema komprensiva ta’ użu tal-art u ta’ kolonizzazzjoni agrikola ta’ żmien il-Greċja Antika fir-raba’ seklu Q.K.[1]

Is-sistema tal-organizzazzjoni tar-raba’, abbażi ta’ rqajja’ tal-art ġeometriċi b’konfini magħmula bil-ħitan tas-sejjieħ mingħajr tkaħħil (magħrufa lokalment bħala chora) hija eżemplari. Is-sistema ġiet kompluta bl-ewwel sistema ta’ rkupru tal-ilma tax-xita bl-użu ta’ tankijiet u gandotti.

Is-sistema tat-tqassim tar-raba’ f’irqajja’ kif stabbilit mill-kolonizzaturi Griegi baqa’ jiġi rrispettat tul is-sekli sa żminijietna. Saħansitra l-għelejjel ewlenin li kienu jitkabbru baqgħu l-istess: l-għeneb u ż-żebbuġ.[1]

Sit ta’ Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta panoramika tal-Pjanura ta’ Stari Grad

Il-Pjanura ta’ Stari Grad ġiet iddeżinjata bħala Sit ta’ Wirt Dinji fl-2008 u tikkostitwixxi pajsaġġ kulturali ta’ pjanura kkultivata għammiela b’organizzazzjoni territorjali ta’ żmien il-kolonizzazzjoni tal-Greċja Antika. Dak li wasal sa żminijietna huwa tkomplija tal-pajsaġġ kulturali tal-kolonjalisti Griegi oriġinali.[1]

Matul is-sekli, is-sistema Griega tal-użu tal-art baqgħet tiġi rrispettata għalkollox minkejja l-użu agrikolu kontinwu tal-pjanura bit-tkabbir tal-istess għelejjel. Din is-sistema għadha tista’ tiġi identifikata perfettament sa llum għax ma tantx inbidlet. Il-Pjanura ta’ Stari Grad tirrappreżenta pajsaġġ agrikolu u sistema tal-użu tal-art ta’ integrità kbira. L-awtentiċità tas-sistema Griega tat-tqassim tal-art magħrufa bħala chora hija speċjalment viżibbli mill-għoli u hija preżenti fil-pjanura kollha. L-istrutturi mibnija u l-ħitan tas-sejjieħ huma awtentiċi u għadhom ireġġu bl-istess materjali li ntużaw kontinwament minn dak iż-żmien tal-kolonizzaturi Griegi sa llum.[1][2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”, ladarba s-sistema tal-irqajja’ li tmur lura għas-seklu 4 Q.K. hija xhieda tad-disseminazzjoni tal-mudell ġeometriku Grieg tat-tqassim tar-raba’ agrikolu fil-Mediterran; il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”, ladarba l-Pjanura ta’ Stari Grad baqgħet tintuża kontinwament għal 2,400 sena u baqgħu jitkabbru l-istess għelejjel, li hija xhieda tal-permanenza u tas-sostenibbiltà tas-sit tul is-sekli; u l-kriterju (v) “Eżempju straordinarju ta’ insedjament uman tradizzjonali, ta’ użu tal-art jew ta’ użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta’ bidla irreversibbli”, ladarba l-pjanura agrikola u l-ambjent ta’ madwarha huma eżempju ta’ insedjament uman tradizzjonali antik ħafna, li llum hija mhedda mill-iżvilupp ekonomiku modern, partikolarment minħabba u tnaqqis tal-popolazzjoni fiż-żoni rurali kif ukoll l-abbandun tal-prattiki tradizzjonali tal-biedja.[1]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b c d e f Centre, UNESCO World Heritage. "Stari Grad Plain". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-26.
  2. ^ a b c "Stari Grad Plain, Hvar Island". www.croatiatraveller.com. Miġbur 2021-03-26.