Pino Roveredo
Pino Roveredo | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Trieste, 16 Ottubru 1954 |
Nazzjonalità | Italja |
Mewt | Duino-Aurisina, 21 Jannar 2023 |
Edukazzjoni | |
Lingwi | Taljan |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni | kittieb |
Premjijiet |
List
|
Pino Roveredo (Trieste, 16 ta' Ottubru 1954 – Duino-Aurisina, 21 ta' Jannar 2023) kien kittieb u direttur teatrali Taljan.
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Fi tfulitu kellu problemi serji fil-familja minħabba d-diżabilità tal-ġenituri tiegħu li kienu torox u muti, filwaqt li f'żogħżitu kellu l-problema tal-alkoħoliżmu.
Roveredo għamel id-debutt letterarju tiegħu fl-1996 bit-test awtobijografiku Capriole in salita (Kutrumbajsi għat-telgħa). Fih jirrakkonta l-esperjenzi pożittivi u negattivi ta' ħajtu, kif ukoll it-taqtigħa mal-alkoħol tiegħu u ta' sħabu li kien jixrob magħhom u li kienu inqas ixxurtjati minnu. Ir-rumanz mill-ewwel kiseb suċċess konsiderevoli fuq livell nazzjonali u Roveredo kiseb notorjetà grazzi għal diversi dehriet televiżivi fil-programm popolari Maurizio Costanzo Show.
Fl-1997 ippubblika l-ġabra ta' novelli Una risata piena di finestre (Daħka mimlija twieqi), fejn l-awtur b'ironija u ħlewwa jirrakkonta l-istejjer ta' dawk in-nies komuni li kulħadd jarahom iżda li ħadd ma jagħti kashom. Is-sena ta' wara ħareġ ir-rumanz La città dei cancelli (Il-belt tax-xtiebi), rumanz realistiku li jirrakkonta b'mod dirett il-fatti u l-ġrajjiet ta' kuljum tal-priġunieri. Fl-istess sena ppubblika t-test teatrali f'att wieħed La bela vita (Il-ħajja sabiħa) li jittratta l-ħajja iebsa ġewwa l-ħabs.
Fis-sena 2000 ħareġ rumanz ieħor bit-titlu Ballando con Cecilia (Żfin ma' Cecilia). Fih Roveredo jirrakkonta l-istorja ta' Cecilia, anzjana maqfula għal aktar minn sittin sena fi sptar psikjatriku. Ir-residenti l-oħra, li huma kollha mogħtija t-tikketta sempliċistika ta' “mġienen”, huma persunaġġi sekondarji madwar Cecilia, li d-destin ċaħħadha mil-libertà. Fl-istess sena, Roveredo ppubblika t-test tad-dramm f'żewġ atti Centro diurno/Le fa male qui? (Ċentru tas-saħħa/Hawnhekk juġgħek?), fejn jitkellem dwar il-problema tal-esklużjoni soċjali u l-vizzju tad-droga. Imbagħad ħareġ il-volum San Martino al Campo - Trent'anni (San Martino al Campo - Tletin sena), editjat minn Stefano Bianchi, li fih Pino Roveredo jirrakkonta l-aktar fażijiet importanti fit-tletin sena ta' storja taċ-ċentru terapewtiku kontra l-vizzju tad-droga mwaqqaf minn Dun Mario Vatta. Il-ktieb fih ix-xhieda ta' bosta persunaġġi famużi, fosthom il-kittieb Claudio Magris.
F'Settembru tal-2005, Roveredo rebaħ il-premju letterarju prestiġjuż Campiello bil-ġabra ta' stejjer Mandami a dire (Ibgħat għidli).[1] Fl-2006 ippubblika l-volum Andar per fodere (Tfittix għall-inforor) flimkien mal-politiku Ettore Rosato. Fl-istess sena reġa' ġie stampat Capriole in salita u fl-2007, Roveredo ppubblika rumanz ġdid, Caracreatura (Għażiżibni), li jirrakkonta l-istorja ta' omm ta' wieħed bil-vizzju tad-droga. Fl-2009 ħareġ Attenti alle rose (Attenti għall-ward).
Fl-2010, Roveredo ħareġ La melodia del corvo (Il-melodija taċ-ċawla). Xogħlijiet tiegħu oħra ta' dan il-perjodu huma r-rumanz Mio padre votava Berlinguer (Missieri kien jivvota lil Berlinguer) tal-2012, edizzjoni oħra ta' Ballando con Cecilia (2013), u Mastica e sputa (Omgħod u obżoq) tal-2016. L-aħħar ktieb tiegħu kien I ragazzi della via Pascoli (It-tfal ta' Triq Pascoli) tal-2021.
Mill-2014 sal-2018 kien il-garanti reġjonali tal-persuni mqiegħda taħt miżuri restrittivi tal-libertà personali tagħhom fir-reġjun ta' Friuli Venezia Giulia. Fl-2021 ħareġ għall-elezzjoni tal-kunsill lokali ta' Trieste iżda ma ġiex elett.
Pino Roveredo miet f'Duino-Aurisina fil-21 ta' Jannar 2023, fl-età ta' 68 sena.
Bibljografija kompluta
[immodifika | immodifika s-sors]- Capriole in salita, LINT, Trieste, 1996
- Una risata piena di finestre, LINT, Trieste, 1997
- La città dei cancelli, LINT, Trieste, 1998
- La bela vita, LINT, Trieste, 1998
- Ballando con Cecilia, LINT, Trieste, 2000
- Centro diurno/Le fa male qui?, LINT, Trieste, 2000
- San Martino al Campo - Trent'anni, LINT, Trieste, 2000
- Schizzi di vino in brodo, Circolo "IL MENOCCHIO", Montereale Valcellina, 2001
- Cara Trieste, Il Piccolo, Trieste, 2004
- Mandami a dire, Bompiani, Milan, 2005
- Andar per fodere/Un giro tra le pieghe di Trieste, Trieste, 2006
- Capriole in salita, Bompiani, Milan, 2006
- Caracreatura, Bompiani, Milan, 2007
- Vis-à-vis, Il Sole 24 Ore - Regione Friuli Venezia Giulia, Trieste, 2007
- Attenti alle rose, Bompiani, Milan, 2009
- La melodia del corvo, Bompiani, Milan, 2010
- Mio padre votava Berlinguer, Bompiani, Milan, 2012
- Ballando con Cecilia, Bompiani, Milan, 2014
- Tira la bomba, Bompiani, Milan, 2017
- Ci vorrebbe un sassofono, Bompiani, Milan, 2019
- I ragazzi della via Pascoli, Bompiani, Milan, 2021
Xogħlijiet teatrali
[immodifika | immodifika s-sors]- La bela vita
- Centro diurno
- Le fa male qui?
- Sarà il paradiso...
- L'ultima corsa
- Mercoledì
- Ballando con Cecilia
- Le chiavi di Melara
- Volevo tanto dirti che...
- Cari estinti
- La pankina
- Capriole in salita
- Caracreatura
- Succo d'aceto
- D...come Donna
- La melodia del corvo
- La legge è uguale per tutti?
- Quarto binario
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Premio Campiello Letteratura - Confindustria Veneto". www.premiocampiello.org. Miġbur 2023-03-10.