Park tal-Art Mistagħdra ta' iSimangaliso
Il-Park tal-Art Mistagħdra ta' iSimangaliso (li qabel kien magħruf bħala l-Park il-Kbir tal-Art Mistagħdra ta' Santa Luċija) jinsab mal-kosta tal-Lvant ta' KwaZulu-Natal, l-Afrika t'Isfel, madwar 235 kilometru (146 mil) fit-Tramuntana ta' Durban bit-triq. Il-park huwa t-tielet l-ikbar żona protetta fl-Afrika t'Isfel, b'280 kilometru (170 mil) ta' kosta, mill-fruntiera mal-Mozambique fit-Tramuntana sa Mapelane fin-Nofsinhar tal-estwarju tal-Lag ta' Santa Luċija, u huwa magħmul minn madwar 3,280 km2 (810,000 akru) ta' ekosistemi naturali, ġestiti mill-Awtorità ta' iSimangaliso.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park tal-Art Mistagħdra ta' iSimangaliso ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Komponenti
[immodifika | immodifika s-sors]Dan il-park jinkludi:
- il-Lag ta' Santa Luċija;
- ir-Riżerva Naturali ta' Santa Luċija;
- il-Park tal-Bajja Falza (False Bay);
- il-Bajja ta' Kosi;
- ir-Riżerva Naturali tal-Lag ta' Eteza;
- il-Lag ta' Sibhayi;
- ir-Riżerva tal-Baħar ta' Santa Luċija;
- is-Santwarju tal-Baħar ta' Santa Luċija;
- il-Park Nazzjonali tal-Bajja ta' Sodwana;
- ir-Riżerva Naturali ta' Mapelane;
- iż-Żona Protetta tal-Baħar ta' Maputaland;
- il-Kap ta' Vidal;
- Ozabeni;
- Mfabeni;
- iż-Żona tan-Natura Selvaġġa ta' Tewate;
- ir-Riżerva Naturali ta' Mkuze.
Il-park fl-imgħoddi kien magħruf bħala l-Park il-Kbir tal-Art Mistagħdra ta' Santa Luċija, iżda fl-1 ta' Novembru 2007 inbidillu ismu. Il-kelma isimangaliso tfisser "miraklu" jew "xi ħaġa tal-għaġeb" biż-Żulu. L-isem ingħata bħala riżultat tas-sudditu ta' Shaka li jingħad li ntbagħat lejn l-art tat-Tsonga. Meta ġie lura huwa ddeskriva l-ġmiel li ra bħala miraklu.
Parks transfruntiera
[immodifika | immodifika s-sors]Il-park huwa park tal-baħar transfruntier, peress li ż-Żona ta' Konservazzjoni Transfruntiera tal-Bajja ta' Ponta do Ouro-Kosi tagħmel mal-Afrika t'Isfel, mal-Mozambique, u mal-Eswatini. Iż-żona tal-konservazzjoni tal-baħar hija inkluża fiż-Żona ta' Konservazzjoni Transfruntiera taż-Żona l-Kbira ta' Lubombo.[2][3]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Sal-1895, il-bajja kienet tospita l-poplu Tsonga u l-ħuta tagħhom, il-kraal. Din hija d-dar oriġinali u naturali tal-poplu Tsonga u ilhom jgħixu hemmhekk għal iktar minn 1,000 sena.[4] Rekords minn baħrin Portugiżi bikrin isemmu li l-inħawi kienu okkupati mill-poplu Tsonga sa iktar 'l isfel lejn in-Nofsinhar. Iż-żona kienet magħrufa bħala Tembeland jew Thongaland, iżda l-isem ma baqax jintuża għall-ħabta tal-bidu tas-seklu 20. Iż-żona kienet immexxija minn fergħa tal-poplu Tsonga magħrufa bħala l-Vahlanganu (Tembe). Il-missjunarju Żvizzeru, ir-Reverendu Henri-Alexandre Junod (magħruf ukoll bħala HA Junod), wettaq studju xjentifiku u etnografiku tal-poplu Tsonga matul il-bidu tas-snin 90 tas-seklu 19 u pproduċa mappa dettaljata, li turi l-okkupazzjoni tal-bajja mill-poplu Tembe. Junod wera fil-mappa tiegħu li l-inħawi kienu magħrufa bħala Tembeland u li l-belt kapitali tal-poplu Tembe kienet tinsab fil-bajja ta' Santa Luċija, u li sal-1906, il-poplu Tsonga kien okkupa l-art minn Santa Luċija sa Valdezia fid-distrett ta' Spelenkon tal-provinċja ta' Transvaal, magħrufa llum il-ġurnata bħala l-Provinċja ta' Limpopo. Il-bajja ta' Santa Luċija u l-Bajja ta' Maputo jinsabu fuq art waħda u huma proprjetà tal-poplu Tsonga. Mill-bajja ta' Santa Luċija sa Maputo nbnew villaġġi tal-poplu Tsonga u dawn ma kinux isseparati minn xi diviżjoni naturali. Madwar Santa Luċija, il-mexxejja kienu l-familja rjali tal-poplu Tembe, filwaqt li madwar Maputo, il-mexxejja kienu l-familja rjali ta' Maputo, li kollha tnisslu mill-fergħa tal-Vahlanganu tal-poplu Tsonga. Madwar Maputo u l-bajja ta' Santa Luċija (Tembeland), il-lingwa mitkellma hi r-Ronga, li skont il-missjunarju Żvizzeru, ir-Reverendu HA Junod, mhix lingwa indipendenti iżda djalett tax-Xitsonga. Skont ir-Reverendu Junod, il-lingwa Ronga tixbaħ ħafna lix-Xitsonga, tant li ma tistax titqies bħala lingwa indipendenti iżda djalett ta' lingwa ikbar li llum hija magħrufa bħala x-Xitsonga.[5]
Santa Luċija fl-1554 kienet tissejjaħ Rio dos Medos do Ouro (jew Rio dos Médãos do Ouro — Xmara tal-Għaram tad-Deheb) minn dawk li baqgħu ħajjin wara l-għarqa tal-vapur Portugiż San Benedittu.[6] F'dak l-istadju, il-ħalq tax-xmara Tugela biss kien magħruf bħala Santa Luċija. Iktar 'il quddiem, fl-1575, ix-xmara ngħata l-isem ta' Tugela. Fit-13 ta' Diċembru 1575, f'jum il-festa ta' Santa Luċija, Manuel Peresterello ta l-isem tal-qaddisa lill-inħawi tal-ħalq tax-xmara.
Fl-1822, Santa Luċija ġiet ipproklamata raħal mill-Brittaniċi. Fl-1895 ġiet ipproklamata r-Riżerva Naturali ta' Santa Luċija, 30 kilometru (19-il mil) fit-Tramuntana tar-raħal. Fl-1971, il-Lag ta' Santa Luċija u l-bajjiet tal-fkieren tal-baħar u tal-qroll ta' Maputaland tniżżlu fil-Konvenzjoni dwar l-Artijiet Mistagħdra ta' Importanza Internazzjonali (il-Konvenzjoni Ramsar). F'Diċembru 1999, il-park ġie ddikjarat Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'ċerimonja apposta, fejn Nelson Mandela ġie mistieden bħala mistieden speċjali.[1]
Bijodiversità
[immodifika | immodifika s-sors]Il-park ġie pproklamat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO minħabba l-bijodiversità rikka, l-ekosistemi uniċi u l-ġmiel naturali tiegħu f'żona relattivament żgħira. Ir-raġuni wara d-diversità kbira tal-fawna u tal-flora hi l-varjetà kbira ta' ekosistemi differenti fil-park, li jvarjaw minn skolli tal-qroll u bajjiet tar-ramel għal foresti subtropikali bl-għaram, savanni u artijiet mistagħdra. L-annimali li jgħixu fil-park jinkludu: l-iljunfant, il-leopard, ir-rinoċeront iswed u abjad tan-Nofsinhar, il-buflu tal-Kap, u fl-oċean, balieni, dniefel u fkieren tal-baħar. Il-park jospita wkoll 1,200 kukkudrill u 800 ippopotamu. F'Diċembru 2013, wara 44 sena ta' assenza, l-iljuni Afrikani ġew introdotti mill-ġdid fil-park ta' iSimangaliso.[7]
Hemm irqajja' kbar ta' skolli tal-qroll taħt il-baħar li jospitaw għadd ta' ħut u qroll b'kuluri jgħajtu. Uħud mill-iżjed diversità spettakolari ta' qroll fid-dinja jinsabu fil-Bajja ta' Sodwana. L-iskolli tal-qroll huma miżgħuda bil-qarnit u bil-kalamari li jibdlu l-kulur u li dejjem lesti biex iqarrqu bil-priża. Okkażjonalment jiġu osservati wkoll klieb il-baħar balieni ġganteski fl-ilmijiet, b'ħalqhom miftuħ beraħ biex jieklu kemm jifilħu plankton.
Ġew irreġistrati 24 speċi ta' molluski bivalvi fil-Lag ta' Santa Luċija, li jikkostitwixxi parti konsiderevoli mill-park.[8]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "iSimangaliso Wetland Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-23.
- ^ "Lubombo - Peace Parks Foundation" (bl-Ingliż). 2018-07-18. Miġbur 2024-01-23.
- ^ "Transfrontier Conservation Areas - Swaziland National Trust Commission". web.archive.org. 2020-08-11. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-08-11. Miġbur 2024-01-23.
- ^ Mathebula, Mandla (2002), 800 Years of Tsonga History: 1200-2000, Burgersfort: Sasavona Publishers u Booksellers Pty Ltd.
- ^ Junod, H.A. (1927). The Life of a South African Tribe, vol. I: Social Life. Londra: Macmillan.
- ^ Xavier Botelho, Sebastião (1835). Memoria estatistica sobre os dominios portuguezes na Africa Oriental, Volume 1 (bil-Portugiż). Liżbona: Typ. de José Baptista Morando. p. 77.
- ^ Contributor, Guest (2013-12-24). "Lions return to iSimangaliso in memory of Mandela" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-23.
- ^ Nel, H. A., Perissinotto, R. & Taylor, R. H. 2012. Diversity of bivalve molluscs in the St. Lucia Estuary, with an annotated and illustrated checklist. African Invertebrates 53 (2): 503-525.