Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali tal-Fortizza tal-Għolja ta' Brimstone

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Park Nazzjonali tal-Fortizza tal-Għolja ta' Brimstone.

Il-Park Nazzjonali tal-Fortizza tal-Għolja ta' Brimstone huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, u huwa fortizza ppreservata sew fuq għolja fil-gżira ta' St. Kitts fil-Federazzjoni ta' San Kristofru (St. Kitts) u Nevis fil-Lvant tal-Karibew.[1] Ġie ddisinjat minn inġiniera militari Brittaniċi, u nbena u saritlu manutenzjoni mill-iskjavi Afrikani. Il-park fih uħud mill-iżjed fortifikazzjonijiet ippreservati sew fl-Amerki.

Il-kumpless ta' fortifikazzjonijiet inbena fuq l-Għolja ta' Brimstone, li hija għolja b'pendil wieqaf ħafna li tinsab qrib il-baħar fuq il-kosta tal-Punent tal-Karibew ta' St. Kitts.

Storja bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Battalja ta' Saint Kitts fl-1782, kif deskritta minn osservatur f'inċiżjoni Franċiża bit-titlu "Attaque de Brimstomhill".

Il-kanuni tpoġġew fuq l-Għolja ta' Brimstone għall-ewwel darba fl-1689 matul il-Gwerra ta' Disa' Snin, minn Jean-Baptiste du Casse, meta l-Franċiżi użawhom biex jirbħu l-Forti ta' Karlu mingħand l-Ingliżi. L-Ingliżi, taħt Sir Christopher Codrington, użaw l-istess tattika biex jerġgħu jirbħu l-forti sena wara. Minn hemm 'il quddiem, l-Ingliżi użaw l-għolja bħala fortizza, u poġġew kanun ta' 24 libbra, sabiex jieħdu vantaġġ mill-għoli ta' 972 pied.[2]

Fl-1711 u fl-1731, is-sajjetti qerdu l-maħżen tal-porvli. Sal-1736, il-forti kellu 49 kanun. Mill-1795, 40 membru tal-"Korp ta' Skjavi ta' San Kristofru" qdew dmirhom fil-forti, armati b'lanez u bi xwabel żgħar.[3]

Sal-1780, il-fortizza kienet meqjusa impenetrabbli, u tlaqqmet bħala l-"Ġibiltà tal-Karibew".[4] Fil-11 ta' Jannar 1782, il-Franċiżi taħt l-Ammirall Comte François Joseph Paul de Grasse u François Claude Amour, il-Markiż ta' Bouillé, assedjaw il-forti. Matul l-assedju, il-gżira fil-qrib ta' Nevis arrendiet, u l-kanuni mill-Forti ta' Karlu u minn fortijiet żgħar oħra hemmhekk ittieħdu lejn St. Kitts biex jintużaw kontra l-Għolja ta' Brimstone. L-Ammirall Brittaniku Hood ma setax jiflaħ għal de Grasse, u wara xahar ta' assedju, il-gwarniġjon Brittaniku iżolat u b'inqas nies arrenda. Madankollu, sena wara, it-Trattat ta' Pariġi (1783) reġa' ta lil St. Kitts u l-Għolja ta' Brimstone lit-tmexxija Brittanika, flimkien mal-gżira fil-qrib ta' Nevis. Wara dawn l-avvenimenti, il-Brittaniċi wettqu programm biex ikabbru u jsaħħu l-fortifikazzjonijiet, u l-Għolja ta' Brimstone qatt ma reġgħet spiċċat f'idejn il-forzi tal-għadu. Il-flotta navali Franċiża reġgħet ippruvat tirbaħ il-forti fl-1806 iżda ma rnexxilhiex.[5]

L-Ammirall Franċiż Édouard Thomas Burgues de Missiessy wettaq xi attakki fuq il-gżira u rnexxielu jisplodi l-maħżen tal-porvli fl-1805. Wara t-tmiem tal-Gwerer ta' Napuljun, il-milizji lokali madwar il-Karibew kollu sfaxxaw fl-1838.[6][7]

Il-forti ġie abbandunat mill-Brittaniċi fl-1853, u l-milizji sfaxxaw fl-1854.[8] L-istrutturi gradwalment bdew sejrin lura minħabba l-vandaliżmu u l-proċessi naturali.

L-istabbilizzazzjoni u r-restawr tal-istrutturi li kien għad fadal tal-fortizza bdew fil-bidu tas-seklu 20. Fl-1973, dak iż-żmien il-Prinċep Karlu reġa' fetaħ l-ewwel żona li kienet ġiet irrestawrata għalkollox, li kienet tinkludi l-Bastjun tal-Prinċep ta' Wales. Fl-1985, ir-Reġina Eliżabetta II żvelat plakka fejn l-Għolja ta' Brimstone saret tissejjaħ Park Nazzjonali. Permezz tal-leġiżlazzjoni fl-1987 l-Għolja ta' Brimstone ġiet iddikjarata uffiċjalment bħala Park Nazzjonali, u fl-1999 tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

L-inħawi tal-Għolja ta' Brimstone li wieħed jista' jżur jinkludu ċ-Ċittadella tal-Forti ta' Ġorġ (li tinkludi l-Mużew tal-Forti ta' Ġorġ), il-Pjazza tal-Armi tal-Punent u l-Pjazza tal-Armi tal-Lvant, kollha aċċessibbli permezz ta' mixja wieqfa mill-parkeġġ prinċipali u minn sett ta' rampi u tarġiet. Żoni oħra jinkludu l-Bastjun tal-Maħżen tal-Porvli li ġie attakkat mill-Franċiżi fl-1782, il-fdalijiet tal-Kwartieri tal-Inġiniera Rjali, il-fdalijiet tal-Kwartieri tal-Uffiċjali tal-Artillerija, il-Kwartieri tal-Uffiċjali tal-Fanterija, u l-Bastjun ta' Orillon.

Fl-2019, ir-Re Karlu III għamel żjara gwidata tal-fortizza flimkien mal-istoriku lokali Leonard Stapleton.[9]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali tal-Fortizza tal-Għolja ta' Brimstone ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

  1. ^ a b ċ d "Brimstone Hill Fortress National Park - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-13.
  2. ^ Hubbard, Vincent (2002). A History of St. Kitts. Macmillan Caribbean. pp. 51, 54, 93. ISBN 9780333747605.
  3. ^ Hubbard, Vincent (2002). A History of St. Kitts. Macmillan Caribbean. pp. 77-78; 80. ISBN 9780333747605.
  4. ^ Hubbard, Vincent (2002). A History of St. Kitts. Macmillan Caribbean. p. 93. ISBN 9780333747605.
  5. ^ "Brimstone Hill Fortress". web.archive.org. 2013-10-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-10-24. Miġbur 2024-12-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  6. ^ Hubbard, Vincent (2002). A History of St. Kitts. Macmillan Caribbean. p. 109. ISBN 9780333747605.
  7. ^ Hubbard, Vincent (2002). Swords, Ships & Sugar. Corvallis: Premiere Editions International, Inc. p. 166. ISBN 9781891519055.
  8. ^ Hubbard, Vincent (2002). A History of St. Kitts. Macmillan Caribbean. p. 120. ISBN 9780333747605.
  9. ^ "St Kitts and Nevis is not totally free under King Charles III, says PM" (bl-Ingliż). 2023-05-08. Miġbur 2024-12-13.