Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali ta' Rio Abiseo

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Kaskata ta' Breo.

Il-Park Nazzjonali ta' Rio Abiseo (bl-Ispanjol: Parque Nacional del Río Abiseo) jinsab fid-Dipartiment ta' San Martín fil-Perù. Fl-1990 is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala Sit ta' Wirt Dinji Mħallat (kulturali u naturali).[1] Il-park jospita bosta speċijiet ta' flora u ta' fawna, u fih ukoll iktar minn 30 sit arkeoloġiku pre-Kolombjan. Mill-1986, il-park ma kienx miftuħ sew għat-turiżmu minħabba n-natura fraġli tal-ambjent naturali u arkeoloġiku tiegħu.

Il-park jinsab fir-reġjun ta' San Martín tal-Perù bejn ix-xmajjar Marañón u Huallaga, u għandu erja ta' madwar 2,745.2 kilometru kwadru. Il-park ikopri 70 % tal-baċir tax-xmara Abiseo (bl-Ispanjol: Rio Abíseo). L-elevazzjonijiet jilħqu għoli ta' 4,200 metru (13,780 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar u jinżlu sa 350 metru (1,150 pied).

Il-park jipproteġi tliet ekoreġjuni distinti: il-foresti bl-indewwa ta' Ucayali fl-elevazzjonijiet iktar baxxi, il-Yungas Peruvjani fl-elevazzjonijiet nofsanija, u l-páramo ċentrali taż-żona muntanjuża fl-ogħla elevazzjonijiet.[2]

Hemm mill-inqas seba' żoni klimatiċi fi ħdan il-park, fosthom il-foresti muntanjużi, il-foresti alpini tropikali, il-foresti pluvjali muntanjużi, il-bwar tal-ħaxix għoljin tal-Andes (puna), u l-foresti nexfin. Il-preċipitazzjoni tvarja bejn 20 u 80 pulzier (2.0 metru) fis-sena. Il-foresti tas-sħab muntanjużi, li jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tal-erja tal-park, huma foresti pluvjali f'altitudni għolja b'siġar baxxi, muski u likeni. Din l-ekosistema teżisti f'altitudni 'l fuq minn madwar 2,300 metru (7,550 pied). L-umdità għolja hija kostanti u x-xita tinżel matul is-sena kollha, b'mod partikolari fl-elevazzjonijiet għoljin. Il-ħamrija fil-park hija waħda aċidika.

L-avultun irjali, Sarcoramphus papa.

Ix-xadina busufa ta' denbha isfar, Oreonax flavicauda, li kien maħsub li kienet estinta, fil-fatt tgħix fil-park u milli jidher hija endemika għal dan ir-reġjun. Kien l-iktar bis-saħħa tal-istatus tax-xadina f'periklu kritiku li l-inħawi ngħataw status ta' park nazzjonali u tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[1]

Fawna oħra fil-park tinkludi:

  • il-gwan tal-Andes, Penelope montagnii;
  • ix-xadina ħamra tal-Venezwela, Alouatta seniculus;
  • ix-xadina ta' wiċċha abjad, Ateles belzebuth (fil-periklu);
  • il-ġagwar, Panthera onca;
  • l-avultun irjali, Sarcoramphus papa;
  • ix-xadina ta' billejl bi tliet strixxi, Aotus trivirgatus;
  • il-kurasaw, Crax salvini;
  • il-gwemal tal-Perù, Hippocamelus antisensis (fil-periklu);
  • il-paka tal-muntanji, Agouti tazcanowskii (fil-periklu);
  • il-brajmla tan-Nofsinhar, Netta erythrophthalma;
  • l-ors tat-tbajja' ma' għajnejh, Tremarctos ornatus (fil-periklu);
  • l-avultun Amerikan, Cathartes aura;
  • il-kapuċċin ta' wiċċu abjad, Cebus albifrons cuscinus;
  • l-armadillo busufu ta' mnieħru twil, Dasypus pilosus;[3]
  • il-pappagall tal-kappa safra, Amazona ochrocephala;
  • il-bagħal kannella tal-foresti, Phacellodomus berlepschi (fil-periklu);
  • it-tukanet ta' ħuġbejh sofor (fil-periklu).

Fl-artijiet għoljin tal-park ġew iddokumentati 980 speċi magħrufa ta' pjanti, 13 minnhom huma endemiċi, u 5,000 speċi ta' pjanti fl-inħawi tax-xmara Abiseo.

Freġju antropomorfiku fuq ħajt fis-sit arkeoloġiku ta' Gran Pajatén.

L-iżjed sit arkeoloġiku famuż fil-Park Nazzjonali ta' Rio Abiseo huwa dak ta' Gran Pajatén, li jinkludi l-fdalijiet ta' insedjament fil-quċċata ta' għolja fil-foresta faċċata tal-kanjon tax-xmara Montecristo. Fil-qrib hemm il-fdalijiet ta' Los Pinchudos, li huma sensiela ta' oqbra fl-irdumijiet li ġew skoperti minn raħħala ta' Pataz fil-bidu tas-snin 70 tas-seklu 20. Gran Pajatén, Los Pinchudos u siti arkeoloġiċi oħra identifikati fil-park normalment jiġu attribwiti lill-kultura ta' Chachapoyas. L-iżjed xogħol arkeoloġiku estensiv li sar fil-Park Nazzjonali ta' Rio Abiseo tmexxa mill-Università ta' Colorado f'nofs is-snin 80 tas-seklu 20.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali ta' Rio Abiseo ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

  1. ^ a b ċ d "Río Abiseo National Park - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-13.
  2. ^ Olson, D. M; E. Dinerstein; et al. (2001). "Terrestrial Ecoregions of the World: A New Map of Life on Earth". BioScience. 51 (11): 933–938. doi:10.1641/0006-3568(2001)051[0933:TEOTWA]2.0.CO;2.
  3. ^ Superina, M.; Abba, A.M. (2014). "Dasypus pilosus". IUCN Red List of Threatened Species. 2014: e.T6291A47441122. doi:10.2305/IUCN.UK.2014-1.RLTS.T6291A47441122.en.