Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali ta' Kahuzi-Biega

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Tabella tal-park nazzjonali.

Il-Park Nazzjonali ta' Kahuzi-Biega (bil-Franċiż: Parc national de Kahuzi-Biega) hija żona protetta qrib ir-raħal ta' Bukavu fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Jinsab qrib ix-xatt tal-Punent tal-Lag ta' Kivu u l-fruntiera mar-Rwanda. Il-park ġie stabbilit fl-1970 mill-fotografu u l-konservazzjonist Belġjan Adrien Deschryver u ngħata isem żewġ vulkani reqdin, il-Muntanji ta' Kahuzi u ta' Biega, li jinsabu fi ħdan il-limit tal-park. B'erja ta' 6,000 kilometru kwadru (2,300 mil kwadru), il-Park Nazzjonali ta' Kahuzi-Biega huwa wieħed mill-ikbar parks nazzjonali fil-pajjiż. Huwa għandu artijiet muntanjużi u artijiet baxxi, u huwa wieħed mill-aħħar refuġji tal-ispeċijiet rari tal-gorilli tal-artijiet baxxi tal-Lvant (Gorilla beringei graueri), kategorija fil-periklu fi ħdan il-Lista l-Ħamra tal-IUCN. Il-park huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, li tniżżel fl-1980 għall-bijodiversità unika tal-ħabitat tal-foresta tropikali u għall-gorilli tal-artijiet baxxi tal-Lvant. Fl-1997 il-park tniżżel fil-lista tas-siti fil-periklu minħabba l-instabbiltà politika fir-reġjun, influss ta' refuġjati, u żieda fl-isfruttament tal-organiżmi selvaġġi.[1]

Il-park jinsab fil-Punent tar-raħal ta' Bukavu fil-Provinċja tan-Nofsinhar ta' Kivu, u jkopri erja ta' 6,000 km2 (2,300 mil kwadru). Parti żgħira mill-park tinsab fil-katina muntanjuża ta' Mitumba tal-Fondoq Albertin fil-Wied tal-Fondoq il-Kbir, u l-parti l-kbira tinsab fl-artijiet baxxi. Kuritur wiesa' 7.4 kilometri (4.6 mili) jgħaqqad l-artijiet muntanjużi u l-artijiet baxxi. Il-parti tal-Lvant tal-park hija r-reġjun muntanjuż iżgħar b'erja ta' 600 km2 (230 mil kwadru); il-parti l-kbira mbagħad għandha erja ta' 5,400 km2 (2,100 mil kwadru) u tikkonsisti l-iktar minn artijiet baxxi estiżi minn Bukavu sa Kisangani, li jitbattlu fihom ix-xmajjar Luka u Lugulu li mbagħad inixxu fix-xmara Lualaba. Hemm żewġ vulkani reqdin stabbiliti fi ħdan il-limiti tal-park u l-park huwa msemmi għalihom: Kahuzi (3,308 metri (10,853 pied)) u Biéga (2,790 metru (9,150 pied)).

Fil-park tinżel preċipitazzjoni annwali medja ta' 1,800 millimetru (71 pulzier). It-temperatura massima rreġistrata fl-inħawi hija ta' 18 °C (64 °F) filwaqt li t-temperatura minima hija ta' 10.4 °C (50.7 °F).

Status legali

[immodifika | immodifika s-sors]

L-iżjed riżerva bikrija, ir-Riżerva Żooloġika u Forestali tal-Muntanja ta' Kahuzi, inħolqot fis-27 ta' Lulju 1937 mill-Gvernatur Ġenerali ta' dak iż-żmien tal-amministrazzjoni kolonjali Belġjana. Dik ir-riżerva kienet parti mill-Park Nazzjonali ta' Kahuzi-Biega minn Novembru 1970. Ħames snin wara, il-park ġie estiż biex ikopri erja ta' 6,000 km2. Il-park ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980 bis-saħħa tal-ħabitat uniku tal-foresti tropikali u d-diversità tal-ispeċijiet ta' mammiferi, b'mod partikolari l-gorilli tal-artijiet baxxi tal-Lvant, Gorilla beringei graueri.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali ta' Kahuzi-Biéga ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[2]

Bijodiversità

[immodifika | immodifika s-sors]
Gorilla tal-artijiet baxxi tal-Lvant fil-Park Nazzjonali ta' Kahuzi-Biega.

Il-park fih diversità rikka ta' flora u ta' fawna. Skont stħarriġ li sar fl-2003 mis-Soċjetà tal-Konservazzjoni tal-Organiżmi Selvaġġi, il-park jipproteġi madwar 349 speċi ta' għasafar u 136 speċi ta' mammiferi. Iktar minn 1,178 speċi ta' pjanti ġew osservati fir-reġjuni tal-artijiet għoljin tal-park. Minħabba t-topografija varjata u t-tipi ta' ħabitats tiegħu, il-Park Nazzjonali ta' Kahuzi-Biega huwa hotspot ukoll ta' pjanti u vertebrati endemiċi.

L-artijiet bassasa, l-artijiet imtajna, l-imraġ u l-foresti tul ix-xmara fuq artijiet idromorfiċi fl-altitudnijiet kollha huma rari fid-dinja. Is-settur tal-artijiet baxxi fil-Punent tal-park huwa ddominat minn foresti tropikali densi tal-Guinea u tal-Kongo, parti mill-ekoreġjun tal-foresti tal-artijiet baxxi tal-Grigal tal-Kongo, b'żona ta' foresti tranżizzjonali bejn 1,200 metru (3,900 pied) u 1,500 metru (4,900 pied). Is-settur muntanjuż tal-Lvant jinkludi l-veġetazzjoni kontinwa fil-foresti minn 600 metru (2,000 pied) għal iktar minn 2,600 metru (8,500 pied), u huwa wieħed mis-siti rari fl-Afrika sub-Saħarjana li juri l-istadji kollha tat-tranżizzjoni mill-artijiet baxxi għall-artijiet għoljin, inkluż sitt tipi distingwibbli ta' veġetazzjoni primarja: artijiet bassasa u artijiet imtajna, foresti tal-artijiet bassasa, foresti tropikali f'altitudni għolja, foresti tropikali muntanjużi, foresti tal-bambù u ħaxixet il-mikinsa subalpina. Il-foresti tropikali muntanjużi huma parti mill-ekoreġjun tal-foresti muntanjużi tal-Fondoq Albertin. Il-foresti muntanjużi u tal-artijiet bassasa jikbru f'għoli ta' bejn 2,000 metru (6,600 pied) u 2,400 metru (7,900 pied), il-foresti tal-bambù jikbru f'għoli ta' bejn 2,350 metru (7,710 piedi) u 2,600 metru (8,500 pied), u l-qċaċet tal-Muntanji ta' Kahuzi u ta' Biéga f'għoli ta' 'l fuq minn 2,600 metru (8,500 pied) fihom ħaxixet il-mikinsa subalpina, savanna niexfa, u bwar tal-ħaxix, kif ukoll il-pjanta endemika Senecio kahuzicus.

Il-park nazzjonali jipproteġi diversità ikbar ta' speċijiet ta' mammiferi minn kwalunkwe park nazzjonali ieħor fil-Fondoq Albertin. Fost il-136 speċi ta' mammiferi identifikati fil-park, l-iżjed prominenti hija l-gorilla tal-artijiet baxxi tal-Lvant. Skont rapport dwar l-istatus tal-ispeċi tal-2008 tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-park kellu 125 gorilla tal-artijiet baxxi, tnaqqis kbir miċ-ċifra ta' 600 gorilla ta' qabel il-kunflitt tas-snin 90 tas-seklu 20, u konsegwentement l-ispeċi ġiet elenkata fil-lista tal-ispeċijiet fil-periklu. Il-park huwa l-aħħar refuġju ta' din l-ispeċi rari. Skont l-istħarriġ taċ-ċensiment tal-gorilli tal-artijiet baxxi tal-Lvant irrapportat mis-Soċjetà tal-Konservazzjoni tal-Organiżmi Selvaġġi f'April 2011, mill-inqas 181 gorilla ġew irreġistrati fil-park.

Primati oħra jinkludu ċ-chimpanzee tal-Lvant, u diversi Cercopithecinae, Colobinae u xadini b'wiċċ ta' kokka. Uħud mill-mammiferi jinkludu l-iljunfant tal-foresti, il-buflu tal-foresti, il-hylochere u l-bongo, il-galago tal-Lvant, il-farfett il-lejl ta' Maclaud, il-bugeddum lontra ta' Rwenzori, u l-iskojjattlu ta' Alexander. Żewġ speċijiet ta' genet li jgħix fi ħdan il-park huma endemiċi għall-Baċir tal-Kongo: il-genet akkwatiku u l-genet ġgantesk tal-foresti.

Mit-349 speċi ta' għasafar identifikati fil-park, mill-inqas 42 minnhom huma endemiċi għar-reġjun, inkluż il-kokka tal-Fondoq Albertin mhedda. Speċijiet nattivi oħra tal-għasafar jinkludu l-ajkla tat-toppu isfar (Prionops alberti), il-pagun tal-Kongo (Afropavo congensis), l-għasfur aħdar Afrikan (Pseudocalyptomena graueri), u n-nettarin ta' Rockefeller (Nectarinia rockefelleri).

Fost l-ispeċijiet ta' fawna elenkati fil-Lista l-Ħamra tal-IUCN bħala mhedda hemm:

  • l-iljunfant tal-foresti Afrikan (Loxodonta cyclotis);
  • il-kokka tal-Fondoq Albertin (Glaucidium albertinum);
  • iċ-chimpanzee tal-Lvant (Pan troglodytes schweinfurthii);
  • il-ġurdien xabbati tal-Muntanja ta' Kahuzi (Dendromus kahuziensis);
  • il-farfett il-lejl ta' Maclaud (Rhinolophus maclaudi).

Fost l-ispeċijiet ta' fawna elenkati fil-Lista l-Ħamra tal-IUCN bħala kważi mhedda jew ta' ftit tħassib hemm:

  • il-bongo tal-artijiet baxxi (Tragelaphus eurycerus eurycerus);
  • il-buflu tal-foresti Afrikan (Syncerus caffer nanus);
  • l-ippopotamu (Hippopotamus amphibius);
  • il-ħanżir selvaġġ ġgantesk tal-foresti (Hylochoerus meinertzhageni);
  • il-leopard (Panthera pardus);
  • il-bugeddum lontra ta' Rwenzori (Micropotamogale ruwenzorii);
  • il-babwin żebbuġi (Papio anubis).

Stħarriġ tal-2020 tal-ħut tal-ilma ħelu fil-park u tat-tliet baċiri tax-xmajjar tiegħu identifika 147 speċi, 11 minnhom endemiċi għall-baċir tax-xmara Lowa, u 7 oħra li qabel ma kinux magħrufa. Iċ-Cyprinidae kienet bil-bosta l-ikbar familja rrappreżentata.

Konservazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-park, taħt il-ġestjoni tal-Institut Congolais pour la Conservation de la Nature, għandu struttura bażika ta' ġestjoni u ta' sorveljanza. Madankollu, l-espansjoni tal-1975 tal-park, li inkluda ż-żoni tal-artijiet baxxi abitati, wasslet għal evakwazzjonijiet sfurzati b'madwar 13,000 ruħ tal-komunità tribali tal-popli Shi, Tembo u Rega affettwati u li rrifjutaw li jitilqu. L-awtoritajiet tal-park ippruvaw jikkooperaw mal-komunitajiet li kienu jgħixu madwar il-park u impjegaw il-poplu Twa għall-infurzar tal-protezzjoni tal-park. Fl-1999 ġie żviluppat pjan biex jiġu protetti n-nies u r-riżorsi tal-park.

Fi stħarriġ li twettaq bejn l-2015 u l-2016, ir-rangers tal-park nazzjonali rrapportaw livell baxx ta' sodisfazzjon bl-impjieg, u saħqu dwar is-salarji baxxi, in-nuqqas ta' appoġġ mill-awtoritajiet u l-kundizzjonijiet ħżiena ta' għajxien.

  • Barume, Albert Kwokwo (2000). Heading Towards Extinction?: Indigenous Rights in Africa : the Case of the Twa of the Kahuzi-Biega National Park, Democratic Republic of Congo. IWGIA. ISBN 978-87-90730-31-4.
  • Wolvekamp, Paul; Usher, Ann Danaiya; Paranjpye, Vijay; Ramnath, Madhu. (1999). "10 The Challenge of Conservation in KahuziBiega National Park, DRC". Forests for the future: local strategies for forest protection, economic welfare and social justice. London: Zed Books. p. 151. ISBN 978-1-85649-757-2.
  1. ^ Debonnet, G. & Hillman-Smith, K. (2004). "Supporting protected areas in a time of political turmoil: the case of World Heritage Sites in the Democratic Republic of Congo". Parks. 14 (1): 9–16.
  2. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Kahuzi-Biega National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-11.