Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali ta' Garajonay

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Waħda mill-mogħdijiet bil-mixi tal-foresta tal-laurisilva f'La Gomera

Il-Park Nazzjonali ta' Garajonay (bl-Ispanjol: Parque nacional de Garajonay, ippronunzjata [ˈpaɾke naθjoˈnal de ɣaɾaxoˈnaj]) jinsab fiċ-ċentru u fit-Tramuntana tal-gżira ta' La Gomera, waħda mill-Gżejjer Kanarji (Spanja). Ġie ddikjarat bħala park nazzjonali fl-1981 u bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.[1] Jokkupa erja ta' 40 km2 u huwa estiż f'kull waħda mis-sitt muniċipalitajiet tal-gżira.

Kważi 450,000 turist iżiru l-park kull sena. Hemm akkomodazzjoni għat-turisti ftit 'il barra mill-konfini tal-park.[2]

Il-park issejjaħ għall-formazzjoni tal-blat ta' Garajonay, l-ogħla punt tal-gżira f'1,487 metru. Jinkludi wkoll promontorju żgħir b'altitudni ta' 790-1,400 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. Karatteristiċi tal-park nazzjonali jinkludu l-blat enormi fil-gżira. Dawn huma eks vulkani b'għamliet li ġew imsawra mill-erożjoni. Uħud, bħall-"Fortaleza" (fortizza bl-Ispanjol) kienu jitqiesu bħala sagri mill-abitanti lokali tal-gżira, kif ukoll bħala refuġji ideali meta kienu jiġu attakkati.[3] Il-park fih network kbir ta' 18-il mogħdija għall-mixi, u t-trekking huwa waħda mill-attivitajiet turistiċi ewlenin fil-gżira.

Roque de Agando

Ħafna mill-ispeċijiet ta' flora u fawna huma endemiċi għall-gżejjer tal-Makaroneżja, il-Gżejje Kanarji jew La Gomera, u l-foresta ta' Garajonay tħaddan bijota rikka ta' pjanti, invertebrati, għasafar u friefet il-lejl, inkluż għadd kbir ta' speċijiet endemiċi. Il-park fih l-aqwa eżempju ta' laurisilva tal-Kanarji, foresta subtropikali umda li fl-Era Terzjarja kienet estiża kważi fin-Nofsinhar tal-Ewropa kollha. Tinsab ukoll fil-gżejjer Portugiżi tal-Azores u f'Madeira. Il-Laurus azorica, magħruf bħala r-rand tal-Azores, jew bl-ismijiet Portugiżi louro, loureiro, louro-da-terra, u louro-de-cheiro, jista' jinstab fil-park, kif ukoll il-Laurus novocanariensis, magħruf bħala r-rand tal-Kanarji. Għalkemm miġbura taħt tip uniku ta' foresta, il-park nazzjonali jħaddan diversi varjetajiet ta' foresti. Il-biċċa l-kbira tal-widien umdi u protetti orjentati lejn it-Tramuntana għandhom l-iktar foresti rikki u kumplessi. Dawn huma magħrufa bħala laurisilva tal-widien, foresta subtropikali reali fejn jistgħu jinstabu l-ikbar siġar tar-rand. F'altitudnijiet ogħla, b'inqas protezzjoni mir-riħ u mix-xemx, il-foresta titlef uħud mill-iktar speċijiet delikati tagħha. Hawnhekk tissejjaħ laurisilva tal-għoljiet (laurisilva de ladera). Fin-Nofsinhar, il-foresta hija primarjament taħlita ta' fagu u ta' ħaxixet il-mikinsa, speċijiet adattati għall-atmosfera inqas umda. F'Awwissu 2012, in-nirien ħakmu 747 ettaru ta' foresti, jiġifieri 18 % ta' dan il-park nazzjonali.[4]

Fil-park hemm żewġ speċijiet ta' rettili, Gallotia gomerana (il-gremxula ta' La Gomera) u Chalcides viridanus (ix-xaħmet l-art ta' La Gomera). Fost l-anfibji hemm iż-żrinġ tas-siġar mingħajr strixxi (Hyla meridionalis). Il-park huwa rinomat bħala wieħed mill-aqwa postijiet fejn wieħed jista' josserva ż-żewġ ħamiem endemiċi tal-Kanarji, il-ħamiema tar-rand (Columba junoniae) u l-ħamiema ta' Bolle (Columba bollii). Il-park ġie rrikonoxxut bħala Żona Importanti għall-Għasafar mill-BirdLife International peress li jappoġġa popolazzjonijiet ta' diversi għasafar. Minbarra ż-żewġ speċijiet endemiċi ta' ħamiem, hemm ukoll il-ħaġliet tal-Barbarija, ir-ronduni tal-pjanura, l-isparviera, id-diżż ta' Berthelot u l-kanarini tal-gżira.[5]

Is-Santwarju Guanche fil-quċċata tal-muntanja Garajonay

Il-quċċata u l-park imsemmijin għal Guanche lore, il-maħbubin Gara u Jonay. Ir-romantiċiżmu tagħhom jevoka dak ta' Romeo u Ġuljetta u Hero and Leander. Gara kienet prinċipessa ta' Agulo f'La Gomera. Matul il-festival ta' Beñesmén, it-tradizzjoni kienet titlob li t-tfajliet mhux miżżewġin ta' Agulo jħarsu lejn ir-riflessjonijiet ta' wiċċhom fl-ilmijiet ta' Chorros del Epina. Jekk l-ilma kien ikun ċar, kienu jemmnu li kienu se jsibu raġel; jekk ikun imċajpar, kienu jemmnu li kien se jkollhom xi seħta. Meta Gara ħarset fl-ilma, hi rat ir-riflessjoni ċara tagħha. Madankollu, baqgħet tħares wisq fit-tul u r-riflessjoni tax-xemx għamietha temporanjament. Raġel għaref jismu Gerián qalilha li dan kien ifisser li kellha tevita kull tip ta' nar inkella kien jikkonsmaha.[6]

Jonay kien iben il-mencey ta' Guanche jew ir-re ta' Adeje f'Tenerife, li wasal fuq il-gżira biex jiċċelebra dawn iċ-ċerimonji tradizzjonali. Il-parteċipazzjoni ta' Jonay fil-logħbiet tradizzjonali ġibdet l-attenzjoni ta' Gara, u t-tnejn saru jħobbu lil xulxin. B'xorti ħażina, meta l-għerusija tagħhom tħabbret, il-vulkan Teide, viżibbli minn La Gomera, beda jiżbroffa qisu xi sinjal ta' nuqqas ta' approvazzjoni. Dan ġie interpretat bħala sinjal ħażin u l-ġenituri rispettiva tal-koppja ħassru l-għerusija. Jonay kellu jerġa' lura f'Tenerife, iżda lejla minnhom, huwa qasam il-fliegu li jissepara ż-żewġ gżejjer bl-għawm biex jingħaqad mal-imħabba ta' ħajtu. Il-missirijiet tagħhom ordnaw it-tfittxija tal-koppja. Iż-żewġ namrati sfaw maqbuda fuq muntanja, u hemmhekk iddeċidew li jneħħu ruħhom b'idejhom flimkien.[6]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Ritratt satellitari tal-Park Nazzjonali ta' Garajonay

Il-Park Nazzjonali ta' Garajonay ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar".[1]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Garajonay National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-27.
  2. ^ "갈라호네이 국립공원". www.doopedia.co.kr (bil-Korean). Miġbur 2021-11-27.
  3. ^ Carracedo, J. C. (Juan Carlos); Troll, V. R. The geology of the Canary Islands. Amsterdam, Netherlands. ISBN 978-0-12-809664-2.
  4. ^ Internet, Unidad Editorial. "El Cabildo de La Gomera ve una 'planificación malévola' tras el incendio". www.elmundo.es (bl-Ispanjol). Miġbur 2021-11-27.
  5. ^ "BirdLife Data Zone". datazone.birdlife.org. Miġbur 2021-11-27.
  6. ^ a b "GARA AND JONAY - Legends - Tenerife". www.webtenerife.co.uk. Miġbur 2021-11-27.