Park Nazzjonali ta' Chitwan
Il-Park Nazzjonali ta' Chitwan huwa l-ewwel park nazzjonali tan-Nepal. Ġie stabbilit fl-1973 u sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1984.[1] Ikopri erja ta' 952.63 km2 (367.81 mil kwadru) u jinsab fl-artijiet baxxi subtropikali fuq Ġewwa ta' Terai lejn in-Nofsinhar u ċ-Ċentru tan-Nepal fid-distretti ta' Nawalpur, Parasi, Chitwan u Makwanpur. Bħala altitudni l-park ivarja minn madwar 100 metru (330 pied) fil-widien tax-xmajjar sa 815-il metru (2,674 pied) fl-Għoljiet ta' Sivalik.[2]
Fit-Tramuntana u fil-Punent taż-żona protetta, is-sistema tax-xmajjar Narayani-Rapti tifforma konfini naturali għall-insedjament uman. Biswit il-Lvant tal-Park Nazzjonali ta' Chitwan hemm il-Park Nazzjonali ta' Parsa, li jmiss fin-Nofsinhar mal-Park Nazzjonali u Riżerva tat-Tigra Indjana ta' Valmiki. Iż-żona protetta koerenti ta' 2,075 km2 (801 mil kwadru) tirrappreżenta l-Unità tal-Konservazzjoni tat-Tigri ta' Chitwan-Parsa-Valmiki, li tkopri erja ta' 3,549 km2 (1,370 mil kwadru) ta' bwar tal-ħaxix qrib ix-xmajjar u ta' foresti ħorfija subtropikali bl-indewwa.[3]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Mill-aħħar tas-seklu 19, Chitwan, il-qalba tal-ġungla, kien post favorit għall-kaċċa għall-klassi mexxejja ta' Nepal matul ix-xtiewi kesħin. Sas-snin 50 tas-seklu 20, il-vjaġġ mill-belt kapitali Kathmandu san-Nofsinhar tan-Nepal kien wieħed iebes peress li wieħed seta' jasal fiż-żona bil-mixi biss u l-vjaġġ kien jieħu diversi ġimgħat. Kampijiet komdi kienu jittellgħu għall-kaċċaturi fewdali tal-annimali selvaġġi kbar u t-timijiet tagħhom, u kienu joqogħdu fihom għal ftit xhur u matulhom kienu joqtlu mijiet ta' tigri, rinoċeronti, iljunfanti, leopardi u orsijiet xufftejhom kbar (Melursus ursinus).[4]
Fl-1950, il-foresti u l-bwar tal-ħaxix ta' Chitwan kienu jkopru iktar minn 2,600 km2 (1,000 mil kwadru) u kienu jospitaw madwar 800 rinoċeront. Meta l-bdiewa foqra mill-għoljiet medji marru jgħixu fil-Wied ta' Chitwan biex ikollhom art għammiela, iż-żona sussegwentement infetħet għall-insedjament uman, u l-insib tal-annimali selvaġġi sar problema frekwenti. Fl-1957, l-ewwel liġi tal-pajjiż dwar il-konservazzjoni żgurat il-protezzjoni tar-rinoċeronti u tal-ħabitat tagħhom. Fl-1959, Edward Pritchard Gee wettaq stħarriġ taż-żona u rrakkomanda l-ħolqien ta' żona protetta fit-Tramuntana tax-xmara Rapti u santwarju tal-ħajja selvaġġa fin-Nofsinhar tax-xmara għal perjodu ta' prova ta' għaxar snin.[5] Wara l-istħarriġ sussegwenti tiegħu tal-Park Nazzjonali ta' Chitwan fl-1963, din id-darba kemm għas-Soċjetà tal-Preservazzjoni tal-Fawna kif ukoll għall-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura, huwa rrakkomanda l-estensjoni tas-santwarju lejn in-Nofsinhar.[6]
Sal-aħħar tas-snin 60 tas-seklu 20, 70 % tal-ġungli ta' Chitwan kienu ġew ikklerjati mis-siġar, il-malarja ġiet eradikata bl-użu tad-DDT, eluf ta' nies kienu bdew jgħixu hemm, u kien fadal 95 rinoċeront biss. Id-deklin drammatiku tal-popolazzjoni tar-rinoċeronti u l-livell tal-insib wasslu biex il-gvern jistabbilixxi l-Gaida Gasti – l-għassa tar-rinoċeronti magħmula minn 130 raġel armat u network ta' gwardji fil-park kollu ta' Chitwan. Sabiex tiġi evitata l-estinzjoni tar-rinoċeronti fil-Park Nazzjonali ta' Chitwan, ittieħdu d-dimensjonijiet uffiċjali tal-park nazzjonali f'Diċembru 1970, ġew stabbiliti l-fruntieri u l-konfini s-sena ta' wara, u l-park nazzjonali ġie stabbilit fl-1973, inizjalment b'erja ta' 544 km2 (210 mil kwadru).[7]
Meta ġew stabbiliti l-ewwel żoni protetti f'Chitwan, il-komunitajiet Tharu kienu mġiegħla jirrilokaw mill-artijiet tradizzjonali tagħhom. Ġew imċaħħda kwalunkwe dritt ta' sjieda tal-art u b'hekk spiċċaw f'sitwazzjoni ta' faqar u mingħajr art. Meta ġie stabbilit il-park nazzjonali, is-suldati tan-Nepal qerdu l-villaġġi li kienu jinsabu fil-konfini tal-park, ħarqu d-djar u qerdu l-għelieqi billi għaddew minn fuqhom bl-iljunfanti. Il-poplu Tharu ġie mġiegħel jitlaq bl-armi tan-nar ippuntati lejhom.[8]
Fl-1977, il-park ġie mkabbar għall-erja attwali ta' 952.63 km2 (367.81 mil kwadru). Fl-1997, żona ta' lqugħ ta' 766.1 km2 (295.8 mil kwadru) żdiedet lejn it-Tramuntana u l-Punent tas-sistema tax-xmajjar Narayani-Rapti, u bejn il-konfini tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-park u l-fruntieri internazzjonali mal-Indja.[2]
Il-kwartieri ġenerali tal-park jinsabu f'Kasara. Fil-qrib ġew stabbiliti ċ-ċentri tat-tnissil tal-fkieren tal-ilma ħelu u tal-kukkidrilli ta' ħalqhom twil u rqiq imsejħa gharial. Fl-2008 ġie inawgurat ċentru tat-tnissil tal-avvultuni bl-għan li jgħammar sa 25 par taż-żewġ speċijiet ta' avvultuni tat-tip Gyps li attwalment huma mhedda b'mod kritiku fin-Nepal - l-avvultun Orjentali u l-avvultun tal-munqar irqiq.
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Chitwan għandu klima ta' monsoon tropikali b'umdità kbira s-sena kollha. Il-park jinsab fiż-żona klimatika ċentrali tal-Himalayas, fejn il-monsoons jibdew f'nofs Ġunju u jbattu fl-aħħar ta' Settembru. Matul dawn l-14-15-il ġimgħa tinżel il-biċċa l-kbira tal-preċipitazzjoni annwali ta' 2,500 mm (98 pulzier). Wara nofs Ottubru, is-sħab tal-monsoons jisparixxu, l-umdità tonqos, u l-ogħla temperatura ta' kuljum gradwalment tinżel minn madwar 36 °C (97 °F) għal 18 °C (64 °F). L-iljieli jibirdu sa 5 °C (41 °F) sal-aħħar ta' Diċembru, meta s-soltu tagħmel xita rxiex għal ftit jiem. Imbagħad it-temperaturi jibdew jogħlew gradwalment.
Flora
[immodifika | immodifika s-sors]Il-veġetazzjoni tipika fuq Ġewwa ta' Terai hija magħmula minn foresti subtropikali tal-Himalayas l-iktar b'siġar tas-sal b'weraq wiesa' li jkopru madwar 70 % taż-żona tal-park nazzjonali. L-iżjed irqajja' safjin tas-siġar tas-sal jinsabu fejn hemm l-art baxxa bl-aqwa drenaġġ fiċ-ċentru. Tul ix-xaqliba tan-Nofsinhar tal-Għoljiet ta' Churia is-siġar tas-sal jibdew iċedu posthom għas-siġar taż-żnuber tat-tip Pinus roxburghii. Tul ix-xaqlibiet tat-Tramuntana, is-siġar tas-sal jassoċjaw ma' speċijiet iżgħar ta' siġar li jarmu l-fjuri u arbuxelli bħat-Terminalia bellirica, is-siġar tal-injam dagħmi (Dalbergia sissoo), l-Anogeissus latifolia, id-Dillenia indica, il-Garuga pinnata u pjanti xeblieka bħall-Bauhinia vahlii u l-iSpatholobus parviflorus.
In-nirien fil-foresti, l-għargħar u l-erożjoni staġonali jevokaw mużajk dejjem jinbidel ta' foresti u ta' bwar tal-ħaxix tul ix-xtut tax-xmajjar. Fuq is-sedimenti ddepożitati reċentement fejn ix-xmajjar u fiż-żona tal-art baxxa jiddominaw gruppi tal-akaċja tat-tip Acacia catechu bis-siġar tal-injam dagħmi tat-tip Dalbergia sissoo, segwiti minn gruppi ta' Bombax ceiba u t-Trewia nudiflora. Il-frott ta' din tal-aħħar huma l-frott favorit tar-rinoċeronti.[9] L-ispeċijiet ta' arbuxelli tal-Callicarpa macrophylla, tal-Clerodendrum sp. u tar-ribes (Phyllanthus emblica) joffru l-kenn u jintużaw bħala moħba minn varjetà wiesgħa ta' speċijiet.
Is-savana u l-bwar tal-ħaxix ta' Terai-Duar ikopru madwar 20 % tal-erja tal-park. Iżjed minn 50 speċi jinsabu f'dan l-ambjent, inkluż uħud mill-ogħla tipi ta' ħaxix fid-dinja bħall-ħaxix tal-iljunfanti (Saccharum ravennae), il-qasab ġgantesk (Arundo donax), il-qasab ukhagra (Phragmites karka) u diversi speċijiet ta' ħaxix ieħor. Il-ħaxix tat-tip kans (Saccharum spontaneum) huwa wieħed mill-ewwel tipi ta' ħaxix li jikkolonizzaw ix-xtut ġodda tar-ramel u kull sena jinqerdu mill-għargħar tal-monsoons.[10]
Fawna
[immodifika | immodifika s-sors]Il-firxa wiesgħa ta' tipi ta' veġetazzjoni fil-Park Nazzjonali ta' Chitwan tħaddan iktar minn 700 speċi ta' organiżmi selvaġġi u għadd li għadu ma ġiex mistħarreġ ta' speċijiet ta' friefet, kamli u insetti. Apparti l-kobra reali u l-pitun tal-blat, hemm ukoll 17-il speċi oħra ta' sriep, fkieren tal-art b'għamla ta' stilel fuq il-qoxra tagħhom u varani. Is-sistema tax-xmajjar ta' Narayani-Rapti, it-tributarji żgħar tagħhom u l-bosta lagi huma l-ħabitat ta' 113-il speċi rreġistrati ta' ħut u ta' kukkudrilli żgħar. Fil-bidu tas-snin 50 tas-seklu 20, kien hemm madwar 235 gharial fix-xmara Narayani. Il-popolazzjoni ta' dan it-tip ta' kukkudrill naqset b'mod drammatiku għal 38 gharial fis-selvaġġ biss fl-2003. Kull sena l-bajd tal-gharial jinġabar mix-xmajjar biex ifaqqsu fiċ-ċentru tat-tnissil tal-Proġett ta' Konservazzjoni tal-Gharial, fejn l-annimali jitrabbew sal-età ta' 6-9 snin. Kull sena gharials żgħar jerġgħu jiġu introdotti fis-sistema tax-xmajjar Narayani-Rapti, u b'xorti ħażina ftit minnhom biss jibqgħu ħajjin.[11]
Mammiferi
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Chitwan jospita 68 speċi ta' mammiferu. Ir-"re tal-ġungla" huwa t-tigra tal-Bengal. Il-ħabitat tal-pjanura tal-għargħar fejn ix-xmajjar ta' Terai huwa wieħed mill-aqwa ħabitats tat-tigri fid-dinja. Mill-istabbiliment tal-Park Nazzjonali ta' Chitwan, il-popolazzjoni inizjalment żgħira ta' madwar 25 individwu żdiedet għal xi 70-110 fl-1980. Matul xi snin din il-popolazzjoni ċkienet minħabba l-insib u l-għargħar. Fi studju fit-tul li twettaq mill-1995 sal-2002, ir-riċerkaturi tat-tigri identifikaw abbundanza relattiva ta' 82 tigra li kienu għadhom jitnisslu u densità ta' sitt tigri femminili għal kull 100 km2 (39 mil kwadru). Mill-informazzjoni miksuba permezz tan-nases bil-kameras fl-2010 u fl-2011, ġie indikat li d-densità ta' tigri kienet tvarja bejn 4.44 u 6.35 individwi għal kull 100 km2 (39 mil kwadru).[12] Dawn jikkumpensaw il-mudelli tal-attività temporali tagħhom u jkunu ferm inqas attivi binhar meta l-attività tal-bniedem tkun fil-eqqel tagħha.[13]
Il-leopardi Indjani huma prevalenti l-iktar fil-periferiji tal-park. Huma jikkoeżistu mat-tigri, iżda peress li soċjalment huma subordinati ma tantx issibhom fil-ħabitat ewlieni tat-tigri.[14] Fl-1988, leopard tat-tikek (Neofelis nebulosa) inqabad u tpoġġielu kullar bir-radju 'l barra miż-żona protetta. Ġie meħlus fil-park, iżda ma baqax jgħix hemm.[15]
Il-Park Nazzjonali ta' Chitwan jitqies li għandu l-ogħla densità ta' popolazzjoni ta' orsijiet ta' xufftejhom kbar, u huwa stmat li hemm 200 sa 250 individwu. Il-lontri tal-pil lixx jgħixu fil-bosta xquq u qaliet tax-xmajjar. Il-volpi tal-Bengal, il-linsang tat-tikek u l-baġers tal-għasel jgħarrxu fil-ġungla għall-priża. Il-jeni bl-istrixxi jgħixu l-iktar fix-xaqlibiet tan-Nofsinhar tal-Għoljiet ta' Churia.[16] Matul stħarriġ li sar fl-2011 bin-nases bil-kameras, ġew irreġistrati klieb selvaġġi fil-partijiet tan-Nofsinhar u tal-Punent tal-park, kif ukoll xakalli dehbija, felini li jieklu l-ħut, felini tal-ġungla, felini leopardi, żibetti kbar żgħar Indjani, żibetti tal-palm Asjatiċi, mangus wikkiela tal-granċijiet u martori tal-kullar isfar.[17]
Mill-1973 il-popolazzjoni tar-rinoċeronti Indjani rkuprat sew u żdiedet għal 544 animal lejn il-bidu tas-seklu 21. Mill-1986, sabiex jiġi żgurat l-għajxien tal-ispeċi mhedda, f'każ ta' epidemiji l-annimali jiġu trażlokati kull sena mill-Park Nazzjonali ta' Chitwan għall-Park Nazzjonali ta' Bardia u għall-Park Nazzjonali ta' Shuklaphanta. Madankollu, il-popolazzjoni kemm-il darba ġiet mhedda mill-insib: fl-2002 biss, in-nassaba qatlu 37 annimal sabiex jissegawlhom u jbigħu l-qarn prestiġjuż tagħhom. Il-Park Nazzjonali ta' Chitwan għandu l-ikbar popolazzjoni ta' rinoċeronti Indjani fin-Nepal, li huwa stmat li tlaħħaq is-605 minn 645 individwu b'kollox fil-pajjiż mill-2015. Il-gauri jqattgħu l-biċċa l-kbir tas-sena fl-inqas żona aċċessibbli tal-Għoljiet ta' Churia fin-Nofsinhar tal-park nazzjonali. Iżda meta n-nirien jaqbdu lejn ir-rebbiegħa u jerġa' jibda jikber il-ħaxix ġmielu mill-ġdid, jinżlu fil-bwar tal-ħaxix u fil-foresti fejn ix-xmajjar biex jirgħu u jgħarrxu għall-ikel. Il-popolazzjoni tal-Park Nazzjonali ta' Chitwan tal-ikbar speċi ta' annimal tal-ifrat selvaġġ fid-dinja, il-gauri, żdiedet minn 188 għal 368 annimal bejn l-1997 u l-2016. Barra minn hekk, 112-il annimal ġew magħduda fir-Riżerva tal-Annimali Selvaġġi ta' Parsa fil-qrib. L-annimali jimirħu liberament bejn dawn iż-żewġ parks. Minbarra l-bosta ċingjali selvaġġi, fil-park jgħixu wkoll iċ-ċriev sambar, iċ-ċriev nebbieħa ħomor, iċ-ċriev porċini u merħliet ta' chital. Il-gazzelli b'erbat iqran jgħixu b'mod predominanti fl-għoljiet. Ix-xadini rhesus, il-langur griżi, il-pangolini Indjani, il-porskuspini Indjani, diversi speċijiet ta' skojjattoli jtiru, il-fniek selvaġġi Indjani u l-fniek hispid mhedda jgħixu wkoll fil-park.
Għasafar
[immodifika | immodifika s-sors]Kull sena, dilettanti ddedikati li għandhom in-namra għall-għasafar u konservazzjonisti jistħarrġu l-ispeċijiet ta' għasafar differenti li jgħixu jew ipassu fil-pajjiż. Fl-2006 ġew irreġistrati 543 speċi fil-Park Nazzjonali ta' Chitwan, ferm iktar minn kwalunkwe żona protetta oħra fin-Nepal u madwar żewġ terzi tal-ispeċijiet mhedda globalment tan-Nepal. Barra minn hekk, fir-rebbiegħa tal-2008 intlemħu 20 yuhina tal-geddum iswed, par Aethopyga gouldiae, par pappagalli rashom ikkulurita u gallozza ta' sidirha aħmar, viżitatur rari tax-xitwa.[18]
Speċjalment il-bwar tal-ħaxix fejn ix-xmajjar tal-park huma ħabitats importanti għal diversi speċijiet ta' għasafar mhedda. Fl-2005 iktar minn 200 ċaċċarun tal-munqar irqiq intlemħu fi tliet tipi differenti ta' bwar tal-ħaxix. L-anhinga Orjentali huwa resident tal-park li jitnissel madwar bosta lagi, fejn hemm ukoll abbundanza ta' agretti, kappuni, ċikonji u għasafar ta' San Martin. Il-park huwa wieħed mill-ftit siti tat-tnissil magħrufa tal-ajkla tat-tikek li hija mhedda globalment. Il-paguni u l-paguni tal-ġungla jgħixu fil-baxx fil-foresti.
Apparti l-għasafar residenti, madwar 160 speċi jpassu fil-Park Nazzjonali ta' Chitwan fil-ħarifa mil-latitudnijiet tat-Tramuntana biex iqattgħu x-xitwa hemmhekk, fosthom l-ajkla kbira tat-tikek, l-ajkla imperjali tal-Lvant u l-ajkla ta' Pallas li tiekol il-ħut. Fost l-għasafar li jintlemħu spiss hemm il-papri u l-wiżż. Qatgħat kbar ta' wiżż b'strixxa skura ma' rashom jieqfu jistrieħu għal ftit jiem fi Frar huma u jpassu lejn it-Tramuntana.
Malli l-viżitaturi tax-xitwa jitilqu fir-rebbiegħa, il-viżitaturi tas-sajf jaslu mil-latitudnijiet tan-Nofsinhar. L-għana tad-daqquqa hija sinjal li tkun bdiet ir-rebbiegħa. Il-pitta kkulurit u diversi speċijiet ta' sunbirds jieqfu biex jitnisslu spiss matul l-istaġun tal-monsoons. Fost il-ħafna speċijiet ta' żanżarelli, iż-żanżarell Indjan b'denbu twil huwa tassew spettakolari.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Chitwan ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1984.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Kopertura tal-mezzi tax-xandir
[immodifika | immodifika s-sors]Il-merħla unika ta' rinoċeronti tal-park dehret fl-episodju 11 tat-tieni staġun tas-sensiela The Jeff Corwin Experience.
Esperjenza ta' ġita turistika bil-mixi, safari fuq jeep, u ġita fil-villaġġi dehret fuq Travel Photo Discovery dwar il-Park Nazzjonali ta' Chitwan.
Biblijografija
[immodifika | immodifika s-sors]- Bird Conservation Nepal (2006). Birds of Chitwan. Checklist of 543 reported species. Published in cooperation with Department of National Parks and Wildlife Conservation and Participatory Conservation Programme II, Kathmandu.
- Gurung, K. K., Singh R. (1996). Field Guide to the Mammals of the Indian Subcontinent. Academic Press, San Diego, ISBN 0-12-309350-3.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Chitwan National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-30.
- ^ a b Bhuju, U. R.; Shakya, P. R.; Basnet, T. B. & Shrestha, S. (2007). "Makalu Barun National Park". Nepal Biodiversity Resource Book. Protected Areas, Ramsar Sites, and World Heritage Sites. Kathmandu: International Centre for Integrated Mountain Development, Ministry of Environment, Science and Technology, in cooperation with United Nations Environment Programme, Regional Office for Asia and the Pacific. pp. 55–57. ISBN 978-92-9115-033-5.
- ^ Wikramanayake, E.D.; Dinerstein, E.; Robinson, J.G.; Karanth, K.U.; Rabinowitz, A.; Olson, D.; Mathew, T.; Hedao, P.; Connor, M.; Hemley, G. & Bolze, D. (1999). "Where can tigers live in the future? A framework for identifying high-priority areas for the conservation of tigers in the wild". In Seidensticker, J.; Christie, S. & Jackson, P. (eds.). Riding the Tiger. Tiger Conservation in human-dominated landscapes. Cambridge: Cambridge University Press. pp. 255–272. ISBN 0-521-64835-1.
- ^ Gurung, K. K. (1983). Heart of the Jungle: the Wildlife of Chitwan, Nepal. André Deutsch, Londra.
- ^ Gee, E. P. (1959). "Report on a survey of the rhinoceros area of Nepal". Oryx. 5: 67–76.
- ^ Gee, E. P. (1963). "Report on a brief survey of the wildlife resources of Nepal, including rhinoceros". Oryx. 7 (2–3): 67–76.
- ^ Adhikari, T. R. (2002). The curse of success. Habitat Himalaya - A Resources Himalaya Factfile, Volume IX, Number 3.
- ^ McLean, J. (1999). "Conservation and the impact of relocation on the Tharus of Chitwan, Nepal". Himalayan Research Bulletin. XIX (2): 38–44.
- ^ Dinerstein, E.; Wemmer, C. M. (1988). "Fruits Rhinoceros Eat: Dispersal of Trewia Nudiflora (Euphorbiaceae) in Lowland Nepal". Ecology. 69 (6): 1768–1774.
- ^ Shrestha, B. K., Dangol, D. R. (2006). Change in Grassland Vegetation in the Northern Part of Royal Chitwan National Park, Nepal. Scientific World, Vol. 4, No. 4: 78–83.
- ^ Priol, P. (2003). Gharial field study report (Report). Kathmandu, Nepal: A report submitted to Department of National Parks and Wildlife Conservation.
- ^ Barlow, A.; McDougal, C.; Smith, J. L. D.; Gurung, B.; Bhatta, S. R.; Kumal, S.; Mahato, B.; Tamang, D. B. (2009). "Temporal Variation in Tiger (Panthera tigris) Populations and its Implications for Monitoring". Journal of Mammalogy. 90 (2): 472–478.
- ^ Carter, N. H.; Shrestha, B. K.; Karki, J. B.; Pradhan, N. M. B. & J. Liu (2012). "Coexistence between wildlife and humans at fine spatial scales". Proceedings of the National Academy of Sciences of the United States of America. 109 (38): 15360–15365.
- ^ McDougal, C. (1988). "Leopard and Tiger Interactions at Royal Chitwan National Park, Nepal". Journal of the Bombay Natural History Society. 85: 609–610.
- ^ Carter, N. H.; Shrestha, B. K.; Karki, J. B.; Pradhan, N. M. B. & J. Liu (2012). "Coexistence between wildlife and humans at fine spatial scales". Proceedings of the National Academy of Sciences of the United States of America. 109 (38): 15360–15365.
- ^ nawali, S. R., Baral, H. S., Lee, S., Acharya, K. P., Upadhyay, G. P., Pandey, M., Shrestha, R., Joshi, D., Lamichhane, B. R., Griffiths, J., Khatiwada, A. P., Subedi, N. and Amin, R. (compilers) (2011). The Status of Nepal’s Mammals: The National Red List Series. Department of National Parks and Wildlife Conservation, Kathmandu, Nepal.
- ^ Thapa, K.; Kelly, M. J.; Karki, J. B.; Subedi, N. (2013). "First camera trap record of pack hunting dholes in Chitwan National Park, Nepal". Canid Biology & Conservation. 16 (2): 4–7.
- ^ Giri, T.; Choudhary, H. (2008). "Additional Sightings". Danphe. 17 (2): 6.