Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali Storiku ta' Trakai

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Kastell ta' Trakai.

Il-Park Nazzjonali Storiku ta' Trakai huwa park nazzjonali fil-Litwanja. Ġie ddeżinjat fl-1992 sabiex iħaddan il-belt storika ta' Trakai, xi 25 kilometru fil-Punent ta' Vilnius, u l-foresti, il-lagi u l-villaġġi fil-madwar. Il-park ġie kklassifikat fil-Kategorija II fil-klassifikazzjoni tal-IUCN. Huwa l-uniku park nazzjonali storiku fl-Ewropa.[1]

Il-park huwa inkluż fil-lista ta' siti indikattivi tal-Litwanja sabiex titqies għal deżinjazzjoni bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]

Il-ktajjen paralleli ta' għoljiet u ta' muntanji ffurmati mill-glaċier jalternaw bejn ktajjen dojoqo u fondi jew wesgħin u ċatti tal-lagi. B'kollox hemm 32 lag fil-park. Il-lagi ta' Galvė, ta' Skaistis, ta' Totoriškių u ta' Luka jikkollegaw ma' xi kanali u jiffurmaw sistema unika. L-ikbar lag huwa l-lag ta' Galvė li fih 21 gżira (l-iżjed waħda famuża hija l-Gżira tal-Kastell ta' Trakai) u l-iżjed lag nadif huwa l-lag ta' Akmena.

Huma ta' interess il-foresta ta' Kudrionys u l-artijiet mistagħdra ta' Plomėnų u ta' Varnikai, li fihom jistkennu bosta speċijiet ta' mammiferi u għasafar. L-art bassasa ta' Plomėnų fiha kolonja kbira ta' għasafar tal-ilma u bosta speċijiet ta' pjanti protetti. Il-lag ta' Plomėnų fih kolonji kbar ta' gawwin ta' rashom sewda. In-natura tar-Riżerva ta' Varnikai tista' tiġi esplorata permezz ta' mogħdija tal-mixi.

Il-park huwa famuż għall-għadd ta' attrazzjonijiet u għall-ambjent u għall-pajsaġġ attraenti tiegħu. Mal-kosta tat-Tramuntana tal-lag ta' Galvė hemm għolja fejn wieħed jista' jitpaxxa bil-veduta panoramiċi tal-park kollu.[1]

  1. ^ a b "Trakai NP". www.tourism.lt. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-07-16. Miġbur 2023-03-21.
  2. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Trakai Historical National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-21.