Palazz tal-Khan
Il-Palazz tal-Khan (bl-Ażerbajġani: Şəki xanlarının sarayı) f'Sheki, l-Ażerbajġan kien ir-residenza tas-sajf tal-Khan ta' Sheki. Inbena fl-1797 minn Muhammed Hasan Khan. Il-palazz kien maħsub biex jospita l-Khan li kellhom il-kontroll ta' Sheki f'idejhom, bħala viċirejiet tad-dinastiji Persjani mexxejja taz-Zand u iktar 'il quddiem tal-Qajar għall-ħabta tal-1750 saż-żmien meta dawn it-territorji ġew annessi mal-Imperu Russu permezz tat-Trattat ta' Gulistan fl-1813 wara l-Gwerra bejn ir-Russja u l-Persja fl-1804-1813.
Il-Palazz tal-Khan ta' Sheki ġie nnominat bħala sit indikattiv biex jitniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998 minn Gulnara Mehmandarova[1], il-President tal-Kumitat tal-ICOMOS tal-Ażerbajġan (il-Kunsill Internazzjonali tal-Monumenti u s-Siti). Fis-7 ta' Lulju 2019, iċ-Ċentru Storiku ta' Sheki flimkien mal-Palazz tal-Khan saru Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2][3]
Preservazzjoni u restawr
[immodifika | immodifika s-sors]Mill-1955 sal-1965 twettaq restawr taħt is-superviżjoni stretta ta' Niyazi Rzaev. Żewġ arkitetti, Kamal Mamedbekov u Nikolai Utsyn, kienu involuti f'dan ix-xogħol ta' kejl u ta' tpinġijiet tar-restawr. L-istudjo tar-restawr ġie stabbilit fis-sala ċerimonjali fit-tieni sular tal-palazz, u l-kmamar li jmissu mas-sala ntużaw biex jakkomodaw lill-arkitetti. It-tpinġijiet imfassla minn Mamedbekov u minn Utsyn iffurmaw il-bażi tal-proġett tar-restawr għall-kumpless kollu tal-palazz. It-twettiq tax-xogħol tar-restawr abbażi tat-tpinġijiet tal-arkitetti ġie fdat lill-artist F. Hajiyev u l-ħaddiem tas-sengħa tax-shabaka A. Rasulov.
L-aħħar restawr totali u komplut sar fl-2002-2004 bl-appoġġ tal-Bank Dinji u twettaq taħt it-tmexxija ta' tim Ġermaniż tar-restawr (Uwe Henschel, Dietrich Wellmer, Elisabeth Wellmer u Andreas Lessmeister) mill-kumpanija "Denkmalpflege Mecklenburg GmbH" (li llum il-ġurnata saret "Neumühler Bauhütte GmbH").
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1946 Konstantinov f'artikolu msejjaħ "Nuha" kiteb: "Dan il-Palazz tal-Għaġeb — li jħaddan fih l-ogħla livell ta' lussu u ta' ħila tal-arkitetti Persjani, inbena fl-1790 mir-resident ta' Shiraz Haji Zeynal Abdin".[4]
Il-poeta Nikolai Tikhonov, li żar il-palazz fl-1947, iddeskriva l-Palazz fl-istorja awtobijografika tiegħu msejħa "It-Toroq, il-Mogħdijiet": "Il-pitturi tal-Palazz tal-Khan u diversi disinni huma ppreservati tajjeb ħafna, u jiżgurawlna li l-arti ġiet żviluppata f'Nukha tal-qedem, u li l-poeżija u l-filosofija kienu apprezzati ferm".
Fl-1968, il-parti storika ta' Yukhari-Bash, li tinsab fil-Palazz tal-Khan ta' Sheki, ġiet iddikjarata bħala riżerva storika-arkitettonika. Il-Palazz tal-Khan ta' Sheki ġie nnominat bħala sit indikattiv biex jiddaħħal fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001 minn Gulnara Mehmandarova il-President tal-Kumitat tal-ICOMOS tal-Ażerbajġan. Id-Direttur Ġenerali tal-UNESCO, Irina Bokova, żaret il-Palazz tal-Khan ta' Sheki fi ħdan il-qafas ta' żjara uffiċjali f'Sheki fl-1 ta' Awwissu 2010.[2][3]
Fl-4 ta' Lulju 2012 ġie ċċelebrat il-250 anniversarju tal-palazz f'Sheki. L-ambaxxaturi ta' kważi 30 pajjiż u organizzazzjoni internazzjonali, inkluż figuri importanti tax-xjenza, tal-kultura u tal-arti tal-pajjiż, kif ukoll membri tal-Assemblea Nazzjonali, ħadu sehem fiċ-ċerimonja.[5]
Mill-fortizza ta' Sheki tal-qedem, l-unika binja li waslet sa żminijietna hija l-binja ta' żewġ sulari tal-palazz, li oriġinarjament kienet magħmula minn diversi binjiet. Għalkemm il-binja ġiet imsewwija u rikostruwita bosta drabi minn mindu nbniet, dan ix-xogħol kollu ma kellux wisq impatt fuq id-dehra tagħha. Wara li l-Khanat ta' Sheki ngħaqad mal-Imperu Russu, il-palazz ġie subordinat għall-amministrazzjoni lokali u ssewwa kemm-il darba. Ir-restawr twettaq fil-palazz min-neputi ta' Hussein Khan Mushtag, il-poeta Karim agha Fateh fl-1848-1851.[6]
Ir-restawr tal-Palazz tal-Khan ta' Sheki ġie diskuss fil-plenarja ta' Avercom fil-25 ta' April 1991, u ttieħdet id-deċiżjoni li ġejja: "Ir-restawr tal-Palazz tal-Khan huwa responsabbiltà ta' Narkomprosom skont id-deċiżjoni preċedenti ta' Azverkom. 25 miljun rubli ġew allokati mill-baġit ta' Narkomprosom għat-tiswija tal-Palazzi tal-Khan ta' Shusha u Sheki". Ir-rapport dwar ir-restawr li ntbagħat issejjes fuq ir-rieżami tal-proġett tar-restawr mill-arkitett Pyotr Baranovsky f'laqgħa tal-Akkademja tal-Arkitettura tal-Commonwealth li saret fit-13 ta' Marzu 1939.[7]
Ix-xogħol tar-restawr twettaq fis-snin 50 tas-seklu 20. Il-kritiku tal-arti Valentina Antonova tikteb dwar ix-xogħol tar-restawr ta' I.Baranov li, "xeni ta' ġlied kappriċċuż u brijuż kienu deskritti fl-affreski mal-ħitan tal-Palazz tal-Khan imorru lura għal żmien Nukha tas-seklu 18, li jfakkru s-swieq storbjużi tal-Lvant". Ix-xogħol tar-restawr twettaq bit-tħejjija u bit-tmexxija tal-arkitett Niyazi Rzayev fl-1955-1965. Matul dawn is-snin, l-artist F.Hajiyev u l-ornamentalist A.Rasulov ħadmu fil-palazz.
Ix-xogħol tar-restawr inbeda fil-palazz fl-2002, fi ħdan il-qafas tal-proġett dwar il-"protezzjoni tal-wirt kulturali".[8]
Flimkien mal-vaska u s-siġar tal-platanu, ir-residenza tas-sajf hija l-unika struttura li għad fadal mill-kumpless ikbar tal-palazz fi ħdan il-fortizza tal-Khan ta' Sheki, li fl-imgħoddi kienet tinkludi palazz tax-xitwa, residenzi għall-familja tal-Khan u kwartieri għall-qaddejja. Il-palazz fih madum dekorattiv, funtani u diversi twieqi bil-ħġieġ ikkulurit. Fuq barra l-palazz ġie mżejjen b'madum blu skur, turkważ u okra b'disinni ġeometriċi u l-affreski ġew ikkuluriti b'tempera u ġew ispirati mix-xogħlijiet ta' Nizami Ganjavi.[9]
Ir-residenza tas-sajf, li fiha 32 metru bi tmien metri u nofs fuq barra, hija struttura tal-ġebel ta' żewġ sulari mtawla tul l-assi tat-Tramuntana għan-Nofsinhar u msaqqfa b'saqaf imrikkeb tal-injam bi truf twal. Il-konfigurazzjoni taż-żewġ sulari hija l-istess; tliet kmamar rettangolari f'ringiela, isseparati b'iwan dojoq iħarsu lejn in-Nofsinhar li jagħtu aċċess għall-kmamar. L-aċċess għas-sulari huwa separat biex ikunu jistgħu jaqdu l-funzjonijiet pubbliċi u privati tagħhom. Il-pjan terran, aċċessat min-Nofsinhar permezz ta' żewġ iwan, kien jintuża primarjament minn skrivana u petizzjonanti. Żewġ garigori taraġ mehmuża mal-faċċata tat-Tramuntana jagħtu aċċess għall-ewwel sular, li kien irriżervat għall-familja tal-Khan u l-mistednin tagħhom.
Ir-residenza tas-sajf hija rinomata għat-tiżjin lussuż tagħha minn barra u minn ġewwa. Partijiet kbar mill-faċċata tar-residenza, inkluż l-elevazzjonijiet kollha tan-Nofsinhar tas-swali ċentrali fuq iż-żewġ sulari, huma miksija b'mużajk ta' ħġieġ ikkulurit ingastat f'lavur bl-injam magħruf bħala shebeke li kien jiġi assemblat mingħajr l-użu ta' msiemer jew kolla. L-erba' iwan huma msaqqfa bil-muqarna li huma mżejna bid-deheb fin-naħa t'isfel u miksija bil-frammenti ta' mirja fl-ewwel sular. Is-superfiċi l-oħra tal-faċċati kollha huma mżejna b'panewijiet tal-madum bil-fjuri u bil-mużajk.
Il-ħitan ta' ġewwa tar-residenza huma miksijin għalkollox bl-affreski mpittra fi żminijiet differenti matul is-seklu 18. Bosta mill-affreski fihom fjuri fil-vażuni, filwaqt li sensiela ta' pitturi fis-swali tal-ewwel sular juru xeni tal-kaċċa u tal-ġlied. Il-firem fuq l-affreski jelenkaw l-ismijiet tal-artisti li ġejjin: Ali Kuli, Kurban Kuli u Mirza Jafar minn Shemaha, Usta Gambar minn Shusha, u Abbas Kuli, li jaf kien ukoll l-arkitett tar-residenza tas-sajf.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Iċ-Ċentru Storiku ta' Sheki bil-Palazz tal-Khan ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2019.[3]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[3]
Riċerka
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Palazz tal-Khan ta' Sheki ġie studjat għall-ewwel darba mid-Dipartiment tal-Protezzjoni tal-Monumenti tal-Ażerbajġan. Iktar 'il quddiem, l-Istitut tal-Istorja msemmi għal Bakikhanov tal-Akkademja tar-Repubblika Sovjetika tax-Xjenzi, investiga bir-reqqa l-monument f'iktar dettall. Fil-perjodu ta' wara, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Arkitettoniċi taħt il-Kunsill tal-Ministri tal-Ażerbajġan.
Ix-xogħol bikri tar-riċerka fil-palazz twettaq bil-parteċipazzjoni tal-Professuri Fridolin u Sharifov. Fl-1936, persunal espert speċjali, li kien jinkludi lil Denike, Chepeleva, Weimar u Bolotova mill-Mużew Statali tal-Kulturi tal-Lvant ta' Moska ġabar ħafna informazzjoni dwar il-monument.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Sheki, the Khan's Palace - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2012-08-07. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-08-11. Miġbur 2023-04-26.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Six cultural sites added to UNESCO's World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-26.
- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Sheki with the Khan’s Palace". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-26.
- ^ Рзаев, Шэнэр (1988). "Об истории Имарета Муштага в г. Шеки". Известия Академии наук Азербайджанской ССР. Издательство Академии наук Азербайджанской ССР (3): 143.
- ^ "Şəki xanları sarayının 250 illik yubileyi böyük təntənələrlə qeyd olunmuşdur". azertag.az (bl-Ażerbajġani). Miġbur 2023-04-26.
- ^ Шәки Ханларынын Сарајы / Под ред. Дж. Кулиева (Т. 10. ed.). Азербайджанская советская энциклопедия: Главная редакция Азербайджанской советской энциклопедии. 1987. pp. 502–503.
- ^ Доклад на совещании комиссии при Всесоюзной Академии Архитектуры по рассмотрению проекта реставрации «Ханского Дворца» в г. Нухе Азерб. ССР от 13 марта 1939 г. Материалы по Имарету Муштага, папка № 2.
- ^ "Реставрация памятников архитектуры в Азербайджане". www.museum.ru. Miġbur 2023-04-26.
- ^ David C. King. Azerbaijan, Marshall Cavendish, 2006, p. 99.