Aqbeż għall-kontentut

Pajsaġġ Kulturali ta' Sukur

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Sukur.

Il-Pajsaġġ Kulturali ta' Sukur, jew fil-qosor Sukur, huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li jinsab fuq għolja fuq il-villaġġ ta' Sukur fl-Istat ta' Adamawa fin-Niġerja. Jinsab fil-Muntanji ta' Mandara, qrib il-fruntiera mal-Kamerun. Il-pajsaġġ tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO abbażi tal-wirt kulturali tanġibbli u r-raba' mtarraġ b'mod naturali. Sukur huwa l-ewwel pajsaġġ kulturali fl-Afrika li tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1][2]

Komunità tat-tidwib tal-ħadid ta' żmien il-ħaġa ta' Sukur fl-Istat ta' Adamawa, it-Tramuntana tan-Niġerja.

"Sukur" tfisser "tpattija" bil-lingwi Margi u Libi. Tfisser ukoll "taqbid" bil-lingwa Bura b'referenza għad-diżgwidi fost il-popli ta' Sukur.[3]

L-artefatti ta' Żmien il-Ħadid, fosthom fran, minerali u moli li nstabu fis-sit x'aktarx li jmorru lura għal żmien ta' qabel il-popli ta' Sukur. Instabu wkoll xi fdalijiet min-Neolitiku. L-istorja reċenti tmur lura għad-dinastija Dur tas-seklu 17. Id-dinastija Dur stabbiliet ir-reġjun bħala l-ikbar fornitur ta' materja prima għall-manifattura tal-ħadid lejn il-Grigal tan-Niġerja; dan il-forniment baqa' għaddej sal-ewwel deċennju tas-seklu 20. Mill-1912 sal-1922 Sukur ġarrbet l-invażjonijiet ta' Hamman Yaje, il-Fulbe Lamido (kap) ta' Madagali. Dawn il-gwerer irriżultaw fid-deklin tat-tidwib tal-ħadid sal-1960, perjodu li matulu n-nies wettqu migrazzjoni lejn il-pjanuri fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar ta' Sukur. Il-Brittaniċi li kkolonizzaw ir-reġjun mill-1927 ma għamlu l-ebda differenza lill-istili kulturali ta' dan l-insedjament. Nic David u Judy Sterner ġabru l-informazzjoni dwar dan is-sit li ftit li xejn kien magħruf u bosta pubblikazzjonijiet oħra ġew ikkompilati biex dan is-sit isir iktar magħruf mad-dinja kollha.[4]

Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO abbażi tal-wirt kulturali tal-kumpless tal-Palazz ta' Hidi u tal-villaġġ tal-madwar, u abbażi tar-raba' mtarraġ naturali. Dawn l-aspetti huma kkwotati bħala "l-pajsaġġ kulturali ta' Sukur li joħroġ fid-dieher b'mod ċar it-tradizzjoni kulturali b'saħħitha u kontinwa li ilha teżisti għal bosta sekli". Sukur huwa wieħed miż-żewġ Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-pajjiż.[5]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Għorfa ta' Sukur.

Il-Pajsaġġ Kulturali ta' Sukur ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Karatteristiċi

[immodifika | immodifika s-sors]

L-insedjament huwa maqsum f'żewġ partijiet. Il-parti ta' fuq, fejn jinsab il-palazz, tissejjaħ Sakur Sama u l-parti l-oħra tissejjaħ Sakur Kasa. Il-palazz fil-quċċata ta' għolja mdawwar b'ħitan kbar huwa r-residenza tal-Hidi (kap). Huwa struttura ċirkolari li nbniet bil-granit lokali b'ħitan u b'niċeċ mingħajr tkaħħil. Il-ħitan tal-istruttura jinkludu wkoll stalla għaż-żwiemel u kompartiment għall-barrin. Maġenb il-palazz hemm ukoll il-fdalijiet ta' ħarem. Fl-entrata għall-artijiet tal-palazz hemm bosta daħliet, b'daħla partikolari b'żewġ blokok monolitiċi kbar tal-granit. Il-mogħdija tal-aċċess hija pavimentata b'ħaġriet kbar tal-granit u hija orjentata mit-Tramuntana għal-Lvant, b'wisgħa ta' 5.7 metri (19-il pied). Meta wieħed iħares 'l isfel mill-għolja, jara l-promontorju b'raba' mtarraġ għall-biedja, li huwa wieħed mill-karatteristiċi uniċi ta' dan is-sit u jiġi deskritt bħala "kwalità sagra". Il-palazz għadu jintuża bħala r-residenza tal-kap tal-klann u ta' martu.

Fil-parti t'isfel tal-insejdament, hemm għorfiet ċirkolari sempliċi li jiffurmaw villaġġ folkloristiku komuni. Id-djar huma mibnija bit-tafal u huma msaqqfa bil-ħuxlief, b'artijiet miksija bi twapet minsuġa. Grupp minn dawn id-djar huwa mdawwar b'ħajt baxx.

Il-postijiet tad-dfin jinsabu qrib il-palazz u huma strutturi sempliċi tal-ġebel li jirrappreżentaw ċimiterji esklużivi għall-klannijiet u għall-gruppi soċjali tal-insedjament.

Karatteristika integrali oħra, f'kull dar tal-ħaddieda tal-insedjament, hija l-fdalijiet ta' fran tat-tidwib tal-ħadid f'xaft.

Il-karatteristiċi kollha msemmija hawn fuq jirrappreżentaw il-wirt politiku u ekonomiku tal-popli ta' Sukur.

Kultura popolari

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-ktieb tal-vjaġġi tagħha, Looking for Transwonderland, il-kittieba Noo Saro-Wiwa żżur Sukur u tiddeskrivi l-impatt tal-pajsaġġ fuqha.[6]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Sukur Cultural Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-03-04.
  2. ^ Brown, Jessica; Mitchell, Nora J.; Beresford, Michael (2005). The Protected Landscape Approach: Linking Nature, Culture, And Community. IUCN. p. 43. ISBN 978-2-8317-0797-6.
  3. ^ Lizzie Williams (2008). Nigeria: The Bradt Travel Guide. Bradt Travel Guides. p. 282. ISBN 978-1-84162-239-2.
  4. ^ "Home Page". sukur.info. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2024-03-04. Miġbur 2024-03-04.
  5. ^ Lizzie (2012). Nigeria: The Bradt Travel Guide. Bradt Travel Guides. p. 288. ISBN 978-1-84162-397-9.
  6. ^ "Review of Looking for Transwonderland: Travels in Nigeria | Centre for African Studies (LUCAS)". lucas.leeds.ac.uk. Miġbur 2024-03-04.