Osun-Osogbo

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-Ewwel Palazz fiż-Żona Sagra ta' Osun-Osogbo.

Osun-Osogbo hija żona sagra tul ix-xtut tax-xmara Osun ftit 'il barra mill-belt ta' Osogbo, fl-Istat ta' Osun tan-Niġerja.

Iż-żona sagra ta' Osun-Osogbo għandha storja ta' diversi sekli u hija fost l-aħħar foresti sagri li xi darba kienu jiksu t-truf tal-biċċa l-kbira tal-bliet tal-Yoruba qabel l-urbanizzazzjoni estensiva. Bħala rikonoxximent tal-importanza globali u l-valur kulturali tagħha, iż-żona sagra ta' Osun-Osogbo tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2005.[1][2]

Fis-snin 50 tas-seklu 20 iż-żona sagra ta' Osun-Osogbo ġiet kemxejn abbandunata: is-santwarji ġew ittraskurati u l-patrijiet abbandunaw iż-żona peress li r-responsabbiltajiet u d-drawwiet iddgħajfu. Azzjonijiet ipprojbiti bħas-sajd, il-kaċċa u l-qtugħ tas-siġar fiż-żona sagra bdew isiru ta' sikwit sakemm ċittadina Awstrijaka, Susanne Wenger (1915-2009),[3] għenet biex jerġgħu jiddaħħlu l-protezzjonijiet tradizzjonali.[4]

Bl-appoġġ u t-tħeġġiġ tal-Ataoja (ir-re ta' dak iż-żmien) u bis-sostenn tan-nies lokali kkonċernati, Wenger "iffurmat il-moviment tal-Arti Sagra l-Ġdida sabiex tisfida lill-ispekulaturi tal-art, tnaffar lin-nassaba, tipproteġi s-santwarji u tibda proċess twil ta' riabilitazzjoni taż-żona sagra, bħala l-qalba sagra ta' Osogbo".[5] Iktar 'il quddiem Wenger ġiet onorata bit-titlu ta' "Adunni Olorisha" għall-isforzi tagħha u għad-devozzjoni konsistenti tagħha lejn id-divinitajiet taż-żona sagra.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-Żona Sagra ta' Osun-Osogbo ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2005.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Festival ta' Osun-Osogbo[immodifika | immodifika s-sors]

Id-daħla prinċipali taż-Żona Sagra ta' Osun-Osogbo.

Kull sena f'Awwissu jiġi ċċelebrat il-Festival ta' Osun-Osogbo fiż-żona sagra. Il-festival jattira eluf ta' pellegrini u spettaturi minn Osun, kif ukoll turisti minn madwar id-dinja kollha.

Storja tal-Festival[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Festival ta' Osun-Osogbo huwa maħsub li għandu storja ta' iktar minn 700 sena. Storikament, okkorrenza anċestrali wasslet għaċ-ċelebrazzjoni ta' dan il-festival. Darba fost l-oħrajn, grupp ta' migranti li kien immexxija minn kaċċatur kbir imsejjaħ Olutimehin insedjaw ix-xatt tax-xmara Osun biex isalvaw mill-ġuħ. Fuq in-naħa tax-xmara, Yeye Osun, id-divinità femminili tax-xmara dehret mill-ilma quddiem Olutimehin u talbitu jmexxi lin-nies lejn post speċjali (fejn illum il-ġurnata hemm il-belt ta' Osogbo). Id-divinità femminili wegħdet li tipproteġi l-grupp u twasslilhom il-prosperità bil-patt li joffrulha sagrifiċċju annwali. Il-grupp aċċetta l-proposta, u llum il-ġurnata s-sagrifiċċju annwali lid-divinità femminili ta' Osun għadha tiġi ċċelebrata fil-Festival ta' Osun-Osogbo.

Ċelebrazzjonijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Ina, il-lampa sagra li tinxtegħel fil-bidu tal-festival annwali ta' Osun-Osogbo.
Statwa li tirrappreżenta l-maternità tad-divinità tax-xmara fiż-Żona Sagra ta' Osun-Osogbo..

Fiż-żminijiet moderni, Awwissu huwa xahar ta' ċelebrazzjonijiet għan-nies ta' Osogbo, li jinkludu t-tisfija tradizzjonali tal-belt u l-unjoni kulturali mill-ġdid tan-nies mal-antenati tagħhom, il-fundaturi tar-Renju ta' Osogbo.[6]

Il-Festival ta' Osun-Osogbo idum għaddej għal ġimagħtejn sħaħ. It-tisfija tradizzjonali ta' Osogbo tissejjaħ 'Iwopopo', u warajha jkun hemm tlett ijiem li matulhom tinxtegħel lampa b'16-il tarf li għandha 500 sena, imsejħa 'Ina Olojumerindinlogun' (li litteralment tfisser lampa b'16-il tarf). Imbagħad ikun hemm l-'Iboriade', fejn jinġabru l-kuruni f'daqqa tal-mexxejja tal-imgħoddi, l-Ataojas ta' Osogbo, għall-barka.

Il-qofol tal-festival huwa purċissjoni lejn is-santwarju fiż-żona sagra fejn tinġabar folla kbira. Id-daqq tat-tnabar, iż-żfin, l-ispettakli mużikali, l-ilbies ta' kostumi elaborati, it-tħaddit bil-lingwa Yoruba, il-qari ta' poeżiji ta' tifħir, eċċ. iżidu l-briju fil-festival. Dan l-avveniment jitmexxa mill-Ataoja attwali ta' Osogbo flimkien mal-Arugba u kumitat ta' patrijiet nisa, li jfakkru l-ewwel laqgħa bejn Oluwatimilehin u Yeye Osun.[7] L-Arugba tindaqq minn żagħżugħa ta' nisel irjali li toffri sagrifiċċju lid-divinità femminili tax-xmara.

Fl-2020, il-purċissjoni kienet limitata għall-persuni tar-ritwali u s-sehem tal-pubbliku kien sospiż minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

Benefiċċji tal-Festival[immodifika | immodifika s-sors]

Il-festival huwa ta' benefiċċju kbir għas-settur tat-turiżmu tan-Niġerja. Bis-saħħa tiegħu l-komunità jirnexxilha tesponi l-kultura tagħha lit-turisti kemm fi ħdan il-pajjiż kif ukoll mid-dinja kollha.

Il-Festival ta' Osun-Osogbo jservi wkoll bħala fattur b'saħħtu ta' għaqda f'Osogbo, peress li irrispettivament mill-aspetti soċjali, ekonomiċi, reliġjużi u politiċi tan-nies, kulħadd jinġabar flimkien kull sena biex jiċċelebra lid-divinità femminili tax-xmara.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Osun-Osogbo Sacred Grove". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-03-02.
  2. ^ Peter Probst. Osogbo and the Art of Heritage. Monuments. Deities, and Money. Bloomington: Indiana University Press, 2011.
  3. ^ Nigeria, Guardian (2019-09-15). "Susanne Wenger, a decade after the glow". The Guardian Nigeria News - Nigeria and World News (bl-Ingliż). Miġbur 2024-03-02.
  4. ^ Peter Probst. "Modernism against Modernity. A Tribute to Susanne Wenger." Critical Interventions, Journal of African Art History and Visual Culture, 2009, No.3/4, 245-255. Peter Probst. "From Iconoclasm to Heritage. The Osogbo Art Movement and the Dynamics of Modernism in Nigeria." A Companion to Modern African Art. Edited by Gitti Salami and Monica Blackmun Visona (eds.) Malden, MA: Wiley-Blackwell, 2013, pp. 294-310.
  5. ^ "Osun Osogbo: Carnival of culture in a sacred forest". web.archive.org. 2015-06-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-06-03. Miġbur 2024-03-02.
  6. ^ "Il-Festival ta' Osun-Osogbo". osunosogbofestival.com. Miġbur 2024-03-02.
  7. ^ Fasan, Rotimi (2016-09-01). "Arugba: superwoman, power and agency". Journal of African Cultural Studies. 28 (3): 283–291.