Aqbeż għall-kontentut

Orikteropu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Orycteropus afer)
Orikteropi jew Ħnieżer tal-art
Orikteropu Oryteropus afer omm biż-żgħir
Klassifikazzjoni xjentifika
Renju: Animalia
Phylum: Chordata
Klassi: Mammalia
Ordni: Tubulidentata
Huxley, 1872
Familja: Orycteropodidae
Gray, 1821
Ġeneru: Orycteropus
G. Cuvier, 1798
Speċi: O. afer
Isem binominali
Orycteropus afer
(Pallas, 1766)
Sottospeċi

Ara t-test

Firxa tal-orikteropu

L-orikteropu, oritteropu jew kif inhu magħruf ukoll ħanżir tal-art huwa mammiferu insettivoru ta' daqs medju, mifrux fil-kontinent Afrikan. Minkejja l-isem ħanżir tal-art, (terminu li ġej minn kelma olandiża Aardvarken aarde art u varken ħanżir), l-orikteropu mhux relatat mal-familja tal-ħnieżer u dan id-disgwid ta' termini u kliem ġara għax l-ewwel Ewropew li skoprieħ xebbaħ lill-orikteropu ma' ħanżir.

L-aktar fattizz distintiv li jagħmel il-membri tat-Tubulidentata uniċi (kif jindika ukoll l-isem tal-ordni) huma s-snien. Dawn minflok m' huma magħmulin minn kavità mimlija bil-polpa tas-snien, magħmulin minn tubi rqaq ta' dentina mimlijin bil-polpa tas-snien u mwaħlin flimkien biċ-ċement. Is-snien m' għandhomx kisi ta' enamel u b'hekk jittieklu u jikbru il-ħin kollu. L-orikteropu jitwieled bis-snien ta' quddiem (jew inċisivi) u bin-nejbiet (jew kanini) tal-ħalib, biss dawn, la darba jaqgħu ma jerġgħux jitilgħu. Fl-orikteropu adult l-uniċi snien preżenti huma id-dras (jew molari) fuq in-naħa ta' wara tal-ħalq.

L-orikteropu ftit li xejn jixbaħ lil-ħanżir. Dan il-mammiferu għandu ġisem robust, b' dahar mgħawweġ b' forma ta' arkata mill-għonq san-naħa ta' taħt id-dahar, b' denb oħxon ħafna fil-bażi li jidjieq gradwalment sakemm jispiċċa għall-ponta fit-tarf. Għonq qasir u oħxon, b'par widnejn sproporzjonalment twal, b'ras imġebbda fit-tul u b'wiċċ ċilindriku li jispiċċa ċatt fuq quddiem, b' 2 toqbiet tal-imnifsejn kbar (li jagħtuh sens ta' xamm żviluppat ħafna) u ħalq żgħir, b'forma tubulari, mgħammar b'ilsien twil tipikament ta' annimal li jiekol in-nemel u 4 saqajn b' saħħithom, moderatament twal, b' 4 swaba fuq ta' quddiem u 5 fuq ta' wara, b' difrejn b' forma ta' skalpel, uniċi qalb il-mammiferi.

Il-piż ivarja bejn 40 kilogramm u 65 kilogramm u t-tul normalment ikun bejn 1 metru u 1.3 metri. Il-kulur tal-orikteropu huwa isfar fil-griż imma ħafna drabi jkun jagħti fil-kannella ħamrani minħabba l-ħamrija. Il-pil tal-orikteropu ma tantx huwa folt u l-protezzjoni ewlenija ta' dan il-mammiferu hija l-ġilda ħarxa, tant li kapaċi jorqod ġewwa bejta tan-nemel li jkun għadu kemm ikisser mingħajr l-ebda problema ta' xejn.

Orikteropu ta' ftit ġranet biss ħajja

Riproduzzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara tqala jew gestazjoni ta' 7 xhur, jitwieled ferħ ta' bejn wieħed u ieħor 2 kilogrammi. Ġimgħatejn biss wara t-twelied dan jitlaq jimxi wara l-omm u 6 xhur wara jibda jħaffer il-bejta tiegħu taħt l-art, biss xorta jibqa' mal-omm sakemm jerġa' jasal l-istaġun tan-namra li jmiss. L-orikteropu magħruf li jgħix għal aktar minn 20 sena.

Distribuzzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

L-orikteropu huwa mifrux ma' kważi l-Afrika kollha ta' taħt id-deżert tas-sahara u għalkemm ikkaċċat mill-bniedem għal-laħam u s-snien (li jintużaw bħala dekorazjoni) ma jidhirx mhedded.

Klassifikazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

L-orikteropu huwa l-unika speċi ħajja tal-familja Orycteropodidae u tal-ordni Tubulidentata. Oriġinarjament l-orikteropu kien klassifikat fil-ġeneru tal-Wikkelin in-nemel tal-Amerika t' isfel minħabba xebħ superfiċjali, li l-lum il-ġurnata huwa magħruf li dan huwa r-risultat ta' evoluzzjoni konverġenti u mhux ta' antenat komuni.

L-eqdem fossilu tat-Tubulidentata huwa miż-żmienijiet ta' kmieni fil-Mijoċen li ġew misjuba fil-Kenja. Uħud mill-ispeċijiet ta' dan l-ordni kienu mifruxa mal-Ewropa u mal-Asja ta' taħt matul iż-żmienijiet ta' tard fil-Mijoċen sa kmieni fil-Plijoċen. Minbarra il-ġeneru Orycteropus, hemm 4 ġeneri oħra magħrufin fil-familja Orycteropodidae u dawn huma Archaeorycteropus, Leptorycteropus, Myorycteropus, u Palaeorycteropus.

Fil-passat ġew ikklassifikati ħafna speċijiet ta' orikteropi, madankollu, t-tagħrif li għandna llum jindika li hemm speċi waħda biss Orycteropus afer bil-fuq minn 18-il sottospeċi, biss il-biċċa l-kbira ta' dawn huma meqjusin invalidi u m' humiex aċċettati.

Ħoloq Esterni

[immodifika | immodifika s-sors]