Aqbeż għall-kontentut

Muntanja Pelée

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-bajja ta' Saint-Pierre bil-Muntanja Pelée fl-isfond.

Il-Muntanja Pelée (bil-Franċiż: Mont Pelée; pronunzja: /pəˈleɪ/ pə-LAY; jew Montagne Pelée, pronunzja: [mɔ̃taɲ pəle]; bil-Kreole tal-Antilli: Montann Pèlé), li tfisser "muntanja mingħajr veġetazzjoni" jew litteralment "muntanja mqaxxra" bil-Franċiż,[1] hija vulkan attiv fin-naħa tat-Tramuntana ta' Martinique, gżira u territorju ekstra-Ewropew fl-Ark Vulkaniku tal-Antilli Inferjuri tal-Karibew. Il-kon vulkaniku tagħha huwa magħmul minn saffi stratifikati ta' rmied imwebbes u lava ssolidifikata. L-iżjed żbroff reċenti seħħ fl-1932.[2][3]

L-iżbroff tal-istratovulkan tal-1902 qered ir-raħal ta' Saint-Pierre, u qatel bejn 29,000 u 30,000 ruħ fi ftit minuti, fl-agħar diżastru vulkaniku tas-seklu 20.[4][5][6][7] L-iżbroff prinċipali, fit-8 ta' Mejju 1902, ħalla tliet persuni biss ħajjin. Ludger Sylbaris irnexxielu jibqa' ħaj minħabba li kien jinsab f'ċella ta' ħabs bi ftit ventilazzjoni qisha kantina. Léon Compère-Léandre, li kien jgħix fit-tarf tar-raħal, ġarrab ħruq gravi.[8] It-tielet persuna kienet tifla żgħira jisimha Havivra Da Ifrile, li ħarbet lejn għar tal-baħar fil-qrib fuq dgħajsa, filwaqt li ġarrbet ħruq mill-irmied li niżel mill-iżbroff.[9]

Fl-2023, il-Muntanja Pelée u l-Pitons tat-Tramuntana tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[10][11]

Pożizzjoni ġeografika u deskrizzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Muntanja Pelée hija r-riżultat ta' żona tipika tas-subduzzjoni. Dan il-fenomenu ġeoloġiku fforma l-ark ta' gżejjer tal-Antilli Inferjuri, li huma katina ta' vulkani f'kurvatura b'tul ta' bejn wieħed u ieħor 850 kilometru (530 mil), bejn Puerto Rico u l-Venezwela, fejn il-Plakka Tettonika tal-Karibew tiltaqa' mal-qoxra oċeanika tal-Atlantiku li tagħmel parti mill-Plakka Tettonika tal-Amerka t'Isfel. Vulkani oħra fl-ark ta' gżejjer huma magħrufa wkoll għall-attività vulkanika tagħhom, fosthom il-vulkan La Soufrière ta' Saint Vincent, il-vulkan ta' La Grande Soufriere ta' Guadeloupe, il-vulkan tal-Għoljiet ta' Soufrière ta' Montserrat, u l-vulkan ta' taħt il-baħar magħruf bħala Kick 'em Jenny.

Il-vulkanologi identifikaw tliet fażijiet differenti fl-evoluzzjoni tal-Muntanja Pelée bħala vulkan: inizjali, intermedja u moderna. Fil-fażi inizjali, imsejħa l-istadju "Paléo-Pelée", il-Muntanja Pelée kienet stratovulkan komuni. Il-kon fl-istadju Paléo-Pelée kien magħmul minn bosta saffi ta' flussi tal-lava u radam vulkaniku frammentat. Il-fdalijiet tal-kon tal-istadju Paléo-Pelée għadhom viżibbli fil-veduta tat-Tramuntana tal-vulkan attwali.

It-tieni stadju, issa msejjaħ il-fażi intermedja, beda madwar 100,000 sena ilu, wara perjodu twil ta' tbaqbiq. Dan l-istadju huwa raggruppat mal-formazzjoni tal-"koppla" tal-lava ta' Morne Macouba, imbagħad iktar 'il quddiem, mal-kaldera ta' Morne Macouba. Matul il-fażi intermedja, kien hemm diversi żbroffi li pproduċew flussi piroklastiċi bħal dawk li qerdu lil Saint-Pierre fl-iżbroff tal-1902. Madwar 25,000 sena ilu, settur kbir tal-Lbiċ ikkrolla, u fforma ċediment tal-art. Dan l-avveniment kien simili għall-iżbroff tal-Muntanja St. Helens fl-1980.

L-istadju modern tal-evoluzzjoni tal-Muntanja Pelée ħoloq il-biċċa l-kbira tal-kon attwali, b'depożiti tal-ħaffiefa u r-riżultati ta' flussi piroklastiċi tal-imgħoddi. Iktar minn 30 żbroff ġew identifikati matul l-aħħar 5,000 sena tal-attività tal-vulkan.

3,000 sena ilu, wara żbroff kbir bil-ħaffiefa, iffurmat il-kaldera ta' Étang Sec (li bil-Franċiż litteralment tfisser Għadira Niexfa). L-iżbroff tal-1902 seħħ fi ħdan il-krater ta' Étang Sec. Dan l-iżbroff ifforma bosta flussi piroklastiċi u pproduċa koppla vulkanika li mliet il-kaldera. Il-Muntanja Pelée baqgħet tiżbroffa sal-4 ta' Lulju 1905. Minn dak iż-żmien 'il quddiem, il-vulkan baqa' rieqed sal-1929.

Fis-16 ta' Settembru 1929, il-Muntanja Pelée reġgħet bdiet tiżbroffa. Din id-darba, ma kien hemm l-ebda eżitazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet u ż-żona fil-periklu ġiet evakwata minnufih. L-iżbroff tal-1929 ifforma t-tieni koppla vulkanika fil-kaldera ta' Étang Sec u pproduċa flussi piroklastiċi li tbattlu fil-wied tax-xmara Blanche. Għalkemm kien hemm flussi piroklastiċi, l-attività ma kinitx daqshekk vjolenti daqs l-attività tal-1902. Laħqet il-qofol tagħha bil-ħolqien ta' "sinsla" jew "tapp" tal-lava, għalkemm ferm iżgħar minn tal-iżbroff tal-1902, fil-quċċata. L-attività vulkanika ntemmet fl-aħħar tal-1932.[12]

Qagħda attwali

[immodifika | immodifika s-sors]

Attwalment il-vulkan huwa attiv. Kull sena f'Martinique jkun hemm għadd ta' terremoti tettoniċi vulkaniċi, u l-Muntanja Pelée tiġi osservata b'mod kontinwu mill-ġeofiżiċi u mill-vulkanologi. Qabel l-iżbroff tal-1902 — saħansitra fis-sajf tal-1900 — kien hemm sinjali ta' żieda fl-attività tad-dħaħen vulkaniċi fil-krater ta' Étang Sec. Fl-1792 u fl-1851 kien hemm żbroffi freatiċi (tal-istim) relattivament żgħar li kienu evidenza li l-vulkana kien attiv. X'aktarx li l-vulkan jagħti sinjali ta' attività qabel ma jiżbroffa, u l-attività vulkanika tal-Muntanja Pelée (inkluż l-iżbroffi vjolenti żvelati permezz tad-datazzjoni bir-radjukarbonju) hija fattur estremament importanti għall-valutazzjoni tal-perikli.[13][14]

Ir-raħal ta' Saint-Pierre qatt ma reġa' nbena mill-ġdid, għalkemm minfloku nbnew xi villaġġi żgħar. Huwa stmat li l-popolazzjoni tal-Komun ta' Saint-Pierre fl-2017 kienet tammonta għal 4,123 ruħ.[15]

Fis-6 ta' Diċembru 2020, l-Osservatorju Vulkanoloġiku ta' Martinique tella' l-livell ta' allerta tal-Muntanja Pelée għal Isfar [Ibaqbaq] minn Aħdar [Normali], minħabba żieda fis-sismiċità taħt il-vulkan li bdiet minn April 2019, u osservazzjonijiet ta' theżżiżiet fix-xahar ta' qabel.

Sa fejn huwa magħruf, dan kien l-ewwel sinjal ta' attività vulkanika minn tmiem l-iżbroff tal-1929–1932. Tabilħaqq dan il-vulkan huwa tassew perikoluż, u b'hekk hija meħtieġa viġilanza kbira tal-attività tiegħu. Attwalment mhux magħruf jekk il-vulkan daħalx f'perjodu ġdid ta' żbroffar.

Skont l-istqarrija għall-istampa tal-Osservatorju Vulkanoloġiku ta' Martinique:[16]

Iż-żieda fis-sismiċità ta' oriġini vulkanika fil-wiċċ (sa 4–5 kilometri (2.5–3 mili) taħt il-quċċata) osservata minn April 2019, għaldaqstant hija ċertament 'il fuq mill-livell bażiku li huwa karatteristiku tal-Muntanja Pelée.

F'April 2019, is-sismiċità vulkanika seħħet f'fond madwar u taħt il-Muntanja Pelée (iktar minn 10 kilometri (6.2 mili) taħt il-livell tal-baħar). Din jaf tikkorrispondi għall-wasla fil-fond ta' fluwidi tal-magma.

Finalment, ġew osservati reġistrazzjonijiet ġodda ta' sinjali ta' theżżiżiet fit-8 u fid-9 ta' Novembru 2020: dawn jaf jikkorrispondu għall-attivazzjoni mill-ġdid tas-sistema idrotermika.

Anke jekk, fl-istat attwali tal-kejliet, ma seħħet l-ebda deformazzjoni tal-vulkan fuq l-iskala tan-network ta' osservazzjoni, it-tfaċċar, fi ftit xhur, ta' dawn it-tliet tipi differenti ta' sinjali sismiċi ta' oriġini vulkanika juri bidla ċara fl-imġiba tas-sistema vulkanika, u l-attività vulkanika qed tiżdied mil-livell bażiku osservat matul diversi deċennji (traduzzjoni mhux uffiċjali).

Iż-żrinġ vulkaniku ta' Martinique, Allobates chalcopis, huwa endemiku fil-Muntanja Pelée,[17] u huwa l-unika speċi fost iż-żrinġijiet relatati (tal-familja Aromobatidae) li huwa endemiku fi gżira oċeanika.[18]

Żona Importanti tal-Għasafar

[immodifika | immodifika s-sors]

Żona pjuttost forestali ta' 9,262 ettaru (22,890 akru), li tinkorpora il-muntanja u li tibqa' sejra sal-baħar lejn in-naħa tal-Majjistral tagħha, ġiet rikonoxxuta bħala Żona Importanti tal-Għasafar mill-BirdLife International peress li ssostni popolazzjonijiet ta' summien ta' Martinique, ronduni tal-Antilli Inferjuri, kolibri ta' sidirhom aħdar u vjola, kolibri ta' rashom blu, kolibri tat-toppu tal-Antilli, elenji tal-Karibew, żanżarelli tal-Antilli Inferjuri, pewee tal-Antilli Inferjuri, bgħula ta' sidirhom bit-tikek u ta' għajnejhom ikanġu, bgħula kannella u griżi, solitarji ta' sidirhom kannella, ewfonji tal-Antilli, orioles ta' Martinique, saltaturi tal-Antilli Inferjuri u sponsuni bumunqara tal-Antilli Inferjuri.[19]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Vulkani u l-Foresti tal-Muntanja Pelée u l-Pitons tat-Tramuntana ta' Martinique ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023.[10]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[10]

Fis-16 ta' Settembru 2023, l-artijiet vulkaniċi u l-foresti tal-Muntanja Pelée u l-Pitons tat-Tramuntana ta' Martinique tniżżlu flimkien bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Il-katina muntanjuża vulkanika tirrappreżenta 12 % tat-territorju ta' Martinique.[20] Barra minn hekk, dan is-sit huwa s-seba' Sit ta' Wirt Dinji naturali fi Franza.[21] Id-deżinjazzjoni bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jaf ikollha impatt pożittiv ukoll fuq it-turiżmu u fuq l-ekonomija ta' Martinique, b'żieda potenzjali ta' viżitaturi ta' bejn 30 u 40 %, skont uffiċjali tal-Park Naturali ta' Martinique.

Fil-letteratura

[immodifika | immodifika s-sors]
  • The Day The World Ended ta' Gordon Thomas u Max Morgan Witts (Stein and Day, 1969, 306 paġni). L-awturi użaw rekords kontemporanji u rendikonti ta' min baqa' ħaj biex joħolqu rumanz storiku tal-avvenimenti u tal-ħajja tar-residenti ta' Martinique sal-mument tal-iżbroff tat-8 ta' Mejju 1902.
  • Texaco ta' Patrick Chamoiseau (Gallimard, 1992. Trans. Rose-Myriam Réjouis u Val Vinokurov, Vintage International, 1998). F'dan ir-rumanz li jirrintraċċa diversi ġenerazzjonijiet tal-istorja ta' Martinique, Esternome, il-protagonista tal-ewwel parti tar-rumanz, jesperjenza personalment il-qerda kkawżata mill-vulkan. Marie-Sophie Laborieux, bint Esternome u n-narratriċi tar-rumanz, tirrakkonta l-esperjenzi li għadda minnhom missierha u tiddiskuti wkoll dwar it-traċċi ta' dan l-avveniment li rat hi stess, inkluż il-ġerħiet mill-ħruq fuq ġisem missierha u l-kappelli tal-għadam fil-fdalijiet ta' Saint-Pierre. L-iżbroff u dak li seħħ wara jiġu diskussi fit-taqsima "Amour grillée" ("Imħabba Mixwija").
  • Ti-Coyo and his shark ta' Clément Richer (ippubblikat għall-ewwel darba fl-1 ta' Jannar 1941 bħala Ti-Coyo et son requin). F'din il-ġrajja umoristika, tittrijonfa l-krudeltà peress li kapaċi tisseduċi. Il-ġrajja hija ambjentata fuq il-gżira eżotika tal-Karibew, Martinique, qabel, waqt u wara l-iżbroff misħut tal-Muntanja Pelée fl-1902. Ti-Coyo, tifel ta' razza mħallta b'moħħu jilħaqlu, isalva ferħ ta' kelb il-baħar midrub, u jibqa' ħbieb miegħu minkejja li jikber f'mostru li jibża' minnu kulħadd ħliefu. Bl-għajnuna tal-kelb il-baħar, Ti-Coyo jsir għani u jirbaħ qalb il-prinċipessa bjonda tal-ħolm tiegħu. Huwa l-istess kelb il-baħar, imbagħad, li jsalva lil Ti-Coyo, lill-ġenituri u lill-maħbuba tiegħu, meta l-Muntanja Pelée tiżbroffa u teqred lil St. Pierre.
  1. ^ Scarth, Alwyn (2002). La Catastrophe: The Eruption of Mount Pelee, the Worst Volcanic Eruption of the Twentieth Century. Oxford: Oxford University Press. p. 2. ISBN 0-19-521839-6.
  2. ^ "Global Volcanism Program | Pelée". Smithsonian Institution | Global Volcanism Program (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-03.
  3. ^ "Glossary - Guide to Stratovolcanoes". www.ngdc.noaa.gov. Miġbur 2025-01-03.
  4. ^ "Deadliest Volcano Eruptions | Indonesia | Martinique | St Vincent | Philippines | Papua New Guinea - PDC". web.archive.org. 2012-03-19. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-03-19. Miġbur 2025-01-03.
  5. ^ Wright, Thomas L.; Pierson, Thomas C. (1992). "Living with Volcanoes". USGS Circular 1073. USGS. p. 39. doi:10.3133/cir1073.
  6. ^ Tilling (1985). Volcanoes. USGS. pp. 16–17.
  7. ^ Blong, R.J. (1984). Volcanic Hazards: A Sourcebook on the Effects of Eruptions. Orlando, Florida: Academic Press. ISBN 9780121071806.
  8. ^ "How Volcanoes Work - the eruption of Mt. Pelee, Martinique". www.geology.sdsu.edu. Miġbur 2025-01-03.
  9. ^ Bressan, David. "May 8, 1902: La Pel e". Scientific American (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-03.
  10. ^ a b ċ "Volcanoes and Forests of Mount Pelée and the Pitons of Northern Martinique - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-03.
  11. ^ "Martinique: la montagne Pelée et les pitons du nord inscrits au patrimoine mondial de l'Unesco" (bil-Franċiż). 2023. Miġbur 2025-01-03.
  12. ^ Zebrowski Jr., Ernest (2002). The Last Days of St. Pierre-The Volcanic Disaster that Claimed 30,000 Lives. Rutgers University Press. p. 268. ISBN 978-0813530413.
  13. ^ "Global Volcanism Program | Pelée". Smithsonian Institution | Global Volcanism Program (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-03.
  14. ^ "Geotimes - May 2002 - Geophenomena". www.geotimes.org. Miġbur 2025-01-03.
  15. ^ "Évolution et structure de la population en 2017 − Commune de Saint-Pierre (97225) | Insee". www.insee.fr. Miġbur 2025-01-03.
  16. ^ Stqarrija għall-istampa tas-6 ta' Diċembru 2020 tal-Osservatorju Vulkanoloġiku ta' Martinique.
  17. ^ "Allobates chalcopis (Kaiser, Coloma, and Gray, 1994) | Amphibian Species of the World". amphibiansoftheworld.amnh.org. Miġbur 2025-01-03.
  18. ^ Fouquet, A.; Pineau, K. V.; Rodrigues, M. T.; Mailles, J.; Schneider, J. B.; Ernst, R.; Dewynter, M. L. (2013). "Endemic or exotic: The phylogenetic position of the Martinique Volcano Frog Allobates chalcopis (Anura: Dendrobatidae) sheds light on its origin and challenges current conservation strategies". Systematics and Biodiversity. 11 (1): 87–101. Bibcode:2013SyBio..11...87F. doi:10.1080/14772000.2013.764944. S2CID 84033689.
  19. ^ "Forêts du Nord et de la Montagne Pelée (Martinique (to France)) IBA | Summary | BirdLife International". datazone.birdlife.org. Miġbur 2025-01-03.
  20. ^ "L'inscription de la montagne Pelée à l'Unesco, un rare « succès collectif » pour les élus martiniquais" (bil-Franċiż). 2023-09-17. Miġbur 2025-01-03.
  21. ^ "Un volcan de l'île française de la Martinique au patrimoine de l'Unesco". Le Figaro (bil-Franċiż). 2023-09-16. Miġbur 2025-01-03.