Mudell:PaġnaPrinċipali/Vetrina/Settembru 2013
Michelangelo di Lodovico Buonarroti Simoni kien skultur, arkitett u pittur Taljan tar-Rinaxximent, meqjus bħala wieħed mill-aqwa artisti fl-istorja kemm fl-iskultura u l-pittura kif ukoll fl-arkitettura. Il-versatilità li wera f'dawn id-dixxiplini kienet ta' ordni tant għoli li ħafna nies iqisuh bħala l-bniedem arketipiku Rinaxximentali, flimkien mal-kompatrijott tiegħu Leonardo da Vinci.
Xi wħud mix-xogħlijiet tiegħu fil-pittura, l-iskultura u l-arkitettura huma fost l-aktar famużi fid-dinja. Il-kontribut tiegħu f'kull qasam li ħadem fih matul ħajtu kien tassew tal-għaġeb waqt li l-ammont kbir ta' korrispondenza, abbozzi u memorji li baqgħu jeżistu, jagħmluh l-artista l-aktar dokumentat tas-seklu 16.
Tnejn mill-aktar xogħlijiet magħrufa tiegħu, il-Pietà u David, skolpihom qabel għalaq it-tletin sena. Minkejja li kien iqis il-pittura inferjuri għall-iskultura, Mikelanġlu ħoloq tnejn mix-xogħlijiet fl-affresk l-iżjed influwenti fl-istorja tal-arti tal-Punent: ix-xeni mill-Ġenesi fis-saqaf u L-Aħħar Ġudizzju fuq il-ħajt tal-altar tal-Kappella Sistina f'Ruma. Bħala arkitett, Mikelanġlu kien pijunier fl-istil Manjerista meta fassal id-disinn tal-Bibljoteka Lawrenzjana. Fl-età 74 sena ħa post Antonio da Sangallo ż-Żgħir bħala l-arkitett tal-Bażilika ta' San Pietru. Mikelanġlu ttrasforma l-pjan u n-naħa tal-Punent tlestiet skont id-disinji tiegħu waqt li l-koppla tkompliet wara mewtu bi ftit modifiki.
Kemm kienet kbira tal-pożizzjoni ta' Mikelanġlu narawh mill-fatt li kien l-ewwel artista tal-Punent li l-bijografija tiegħu ġiet pubblikata matul ħajtu. Infatti żewġ bijografiji ġew pubblikati matul ħajtu; f'waħda minnhom, l-awtur Giorgio Vasari, kien tal-fehma li Mikelanġlu kien il-quċċata tal-kisbiet artistiċi kollha mill-bidu tar-Rinaxximent, opinjoni li baqgħet valida fl-istorja tal-arti għal sekli sħaħ.
Kien ammirat ħafna mill-kontemporanji tiegħu li laqqmuh id-Divin. Kien perfezzjonista mill-ikbar u ttrijonfa fl-arti kollha li ħadem fihom; jekk kien isib l-inqas difett f'waħda mix-xogħlijiet tiegħu, kien iqisu bħala diżastru.