Monte San Giorgio

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn in-navigazzjoni Aqbeż lejn it-tfittxija
Veduta ta' Monte San Giorgio u l-Lag ta' Lugano

Monte San Giorgio hija muntanja u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-fruntiera bejn l-Iżvizzera u l-Italja. Tagħmel parti mill-Prealpi ta' Lugano, u tinsab fuq il-Lag ta' Lugano fil-Kanton Żvizzeru ta' Ticino.

Monte San Giorgio hija muntanja bil-boskijiet li tlaħħaq sa 1,097 metru (3,600 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Bejn wieħed u ieħor għandha għamla qisha ta' piramida, b'naħa wieqfa fit-Tramuntana li xxaqleb lejn il-Lag ta' Lugano u naħa ħafna inqas wieqfa fin-Nofsinhar li xxaqleb lejn il-pjanura tax-xmara Po. In-naħa Żvizzera tal-Lvant tal-muntanja, li tinsab bejn il-muniċipalitajiet ta' Brusino Arsizio, Riva San Vitale, u Meride, tniżżlet bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-2003.[1] Dan kien rikonoxximent tal-importanza kulturali, bijoloġika u speċjalment paleontoloġika tagħha. Is-sit huwa rinomat għall-kontenut ta' fossili tiegħu, wieħed mill-aqwa reġistri magħrufa tal-ħlejqiet tal-baħar fil-perjodu Triassiku Medju.[2] Ir-reġjun Taljan fil-Punent ta' Poncione d'Arzo (Porto Ceresio) żdied bħala estensjoni tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2010 u b'hekk is-sit sar wieħed transnazzjonali.[3][4]

Storja u wirt kulturali[immodifika | immodifika s-sors]

Il-bnedmin ilhom jgħixu fuq Monte San Giorgio mill-inqas mill-ekwivalenti taż-Żmien Neolitiku taż-żona, madwar 6,000 sena ilu. In-naħa tan-Nofsinhar tal-muntanja tospita l-Park Arkeoloġiku ta' Tremona-Castello, fortizza u insedjament li kien abitat kontinwament minn artiġjani miż-Żmien Neolitiku sas-seklu 14. L-artefatti, l-arkitettura u evidenza oħra ta' attività Rumana u Medjevali huma abbundanti fuq il-muntanja u fil-madwar. Matul dan il-perjodu u lil hinn minnu kien hemm barrieri produttivi attivi tal-ġebel tal-ġir kemm fl-Italja (Viggiù u Saltrio) kif ukoll fl-Iżvizzera (Arzo).[1]

Sfruttament tal-fjuwils fossili u taż-żejt[immodifika | immodifika s-sors]

Fossila ta' Paċiplewrosawru

Iktar reċentement ġew sfruttati d-depożiti ta' fjuwils fossili tal-muntanja. Immotivati mit-tfittxija għaż-żejt għal-lampi u għall-fuklari għal Milan, il-proġetti tax-xogħol fil-minjieri ppruvaw jistabbilixxu lilhom infushom fl-aħħar tas-seklu 18 u fil-bidu tas-seklu 19, u ffukaw fuq ix-shale bituminuż tal-Formazzjoni ta' Grenzbitumenzone (magħrufa wkoll bħala l-Formazzjoni ta' Besano). Għalkemm dawn l-isforzi bikrin ma damux wisq, l-isfruttament tal-Formazzjoni ta' Grenzbitumenzone rrankat fil-bidu tas-seklu 20 ladarba ġew skoperti l-proprjetajiet farmaċewtiċi tagħha. Fl-1908, l-impjant ta' Spinirolo nbena bl-għan li x-shale jiġi pproċessat f'sawrol, li huwa ingwent tal-ġilda qisu l-ichthyol. Il-produzzjoni u l-estrazzjoni tas-sawrol baqgħet għaddejja sas-snin 50 tas-seklu 20, u l-operazzjonijiet fallew fl-1960. Minerali bħall-barit, il-fluworit, u l-galena kienu jiġu estratti wkoll mill-muntanja matul is-seklu 20.[1][3]

Profil ġeoloġiku ta' Monte San Giorgio

Il-paleontologu Taljan Giulio Curioni semma għall-ewwel darba li l-fossili kienu preżenti fil-muntanja fl-1847. L-ewwel dokument miktub fuq il-karta li ffoka fuq il-fossili ta' Monte San Giorgio b'mod partikolari ġie ppubblikat minn Emilio Cornalia fl-1854. Skavi żgħar minn soċjetajiet paleontoloġiċi ta' Milan fl-1863 u fl-1878 ipprovdew iktar kuntest speċifiku rigward il-paleontoloġija ta' Monte San Giorgio. L-estrazzjoni tax-shale wasslet id-depożiti ta' fossili għall-attenzjoni tal-paleontologu tal-Università ta' Zurich Bernhard Peyer fl-1919. Peyer u sħabu bdew sensiela ta' skavi kbar u sistematiċi fl-1924, u komplew ikabbru ferm l-għadd ta' siti magħrufa tal-fossili u l-għadd ta' saffi ġeoloġiċi li huwa magħruf li jippreservaw il-fossili fihom. L-iskavi ta' Peyer baqgħu għaddejjin sal-1938, u ġew skoperti speċijiet ġodda ta' annimali fossilizzati. It-Tieni Gwerra Dinjija wasslet għal pawża kemm fil-produzzjoni tas-sawrol kif ukoll fil-ġbir tal-fossili. Il-Mużew Ċiviku tal-Istorja Naturali ta' Milan (MSNM) ġie bbumbardjat fl-1943, u l-kollezzjoni ta' eżemplari minn Monte San Giorgio li kien hemm fih inqerdet. L-iskavi għall-fossili komplew fl-1950 taħt it-tmexxija ta' Emil Kuhn-Schnyder, is-suċċessur ta' Peyer u eks student tiegħu. Kuhn-Schnyder stabbilixxa l-Istitut u l-Mużew Paleontoloġiku tal-Università ta' Zurich (PIMUZ) fl-1956, li issa fih iktar minn 15,000 eżemplar ta' fossili minn Monte San Giorgio. Minn żmien għal żmien kien hemm kampanji oħra ta' ġbir tal-fossili u dawn għadhom isiru sa llum il-ġurnata, taħt il-ġestjoni tal-MSNM, tal-Università ta' Milan (UNIMI), u tal-Mużew tal-Istorja Naturali tal-Kanton ta' Lugano (MCSN). Sal-2010, b'kollox inġabru iżjed minn 21,000 eżemplar ta' fossili.[3][4]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta Panoramika ta' Monte San Giorgio u l-Lag ta' Lugano

Fl-2003, in-naħa Żvizzera ta' Monte San Giorgio ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, b'total ta' 849 ettaru ta' art protetta mill-komuni ta' Meride, Brusino Arsizio, u Riva San Vitale. Madwar din iż-żona protetta hemm żona ta' lqugħ ta' 1,389 ettaru oħra li tmiss ma' sitt komuni addizzjonali. In-nominazzjoni ta' Monte San Giorgio ġiet ispirata mill-valur paleontoloġiku eċċezzjonali tagħha, b'diversi saffi mimlijin fossili li jippreservaw fost l-aqwa reġistri ta' ħlejqiet tal-baħar tal-perjodu Triassiku Medju fid-dinja. Monte San Giorgio jirrappreżenta wkoll rabta bejn il-ġeoloġija u l-kultura lokali, kif ukoll wirt ekoloġiku uniku meta mqabbel mal-bqija tal-Iżvizzera.[3]

Fl-2010, is-Sit ta' Wirt Dinji ġie estiż iktar, u żdiedu 240.34 ettaru oħra mill-komuni Taljani ta' Besano, Porto Ceresio, u Viggiù. Dawn il-komuni, flimkien ma' Clivio u Saltrio, ġew inklużi wkoll fi ħdan żona ta' lqugħ Taljana ta' 1,818.45 ettaru. Din l-art addizzjonali twassal biex l-erja totali tal-proprjetà protetta tal-UNESCO titla' għal 1,089.34 ettary u biex l-erja totali taż-żona ta' lqugħ titla' għal 3,207.45 ettaru. Iż-żieda tan-naħa Taljana tal-muntanja ġiet motivata mill-istess wirt paleontoloġiku bħal tan-naħa Żvizzera. L-istorja tagħha ta' studju paleontoloġiku u ta' sfruttament ekonomiku hija saħansitra ferm iktar antika minn dik tan-naħa Żvizzera tal-muntanja. Barra minn hekk, in-naħa Taljana għandha kwalitajiet ġeoloġiċi uniċi, bħal firxa usa' ta' fossili ta' ħut u stratigrafija li tista' tiġi ttraċċata iktar faċilment fuq żona wiesgħa.[3]

Kull naħa tas-sit hija ġestita mill-organizzazzjonijiet Żvizzeri u Taljani rispettivi, kif ukoll minn bord transnazzjonali li jimmodera l-ġestjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet. Is-sit mhux mhedded minn xi periklu partikolari ta' użu żejjed jew degradazzjoni, għaldaqstant il-ġestjoni hija marbuta l-iktar mar-regolamentazzjoni rigoruża tal-iskavi għall-fossili, mal-promozzjoni, u mal-manutenzjoni tal-faċilitajiet turistiċi li ma tantx ikunu ffullati spiss. Il-fossili ta' Monte San Giorgio jinġabru, jiġu kkatalogati, jiġu ppreservati u jintwerew f'għadd żgħir ta' mużewijiet, primarjament il-PIMUZ, l-MSNM, u l-MCSN. Il-mużewijiet lokali f'Besano, f'Meride, u f'Induno Olona jaqdu rwol importanti wkoll fil-promozzjoni tas-sit u tal-fossili tiegħu. Il-Mużew tal-Fossili ta' Monte San Giorgio f'Meride nfetaħ għall-ewwel darba fl-1973, u ġie ddisinjat mill-ġdid u mkabbar fl-2012 mill-arkitett Mario Botta.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[3]

Ġeoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

Litografija ta' Monte San Giorgio

Is-saffi ġeoloġiċi ta' Monte San Giorgio jkopru iżjed minn 100 miljun sena, mill-perjodu Permjan sa dak Ġurassiku. Il-blat li jifforma l-muntanja jxaqleb lejn in-Nofsinhar, bl-eqdem blat espost iktar ma wieħed jersaq lejn it-Tramuntana, u blat iktar reċenti espost iktar ma wieħed jersaq lejn in-Nofsinhar. L-eqdem blat huwa materjal ta' bażi vulkanika Permjana fuq ix-xaqliba wieqfa tat-Tramuntana tal-muntanja. Dan huwa segwit minn sedimenti u karbonati Triassiċi f'elevazzjonijiet ogħla tal-muntanja. Is-saffi Triassiċi Medji huma l-iktar li fihom fossili u huma straordinarji minn perspettiva globali, u jinsabu fiż-żona protetta fit-Tramuntana ta' Meride. Fin-Nofsinhar ta' Meride, minflokhom hemm sedimenti kostali tal-Aħħar tat-Triassiku u fuqhom hemm saffi esposti tal-ġebla tal-ġir tal-Ġurassiku Bikri li jibqgħu sejrin sal-pjanura tax-xmara Po.[1][3][4]

Vulkanoloġija Permjana u trasgressjoni Triassika[immodifika | immodifika s-sors]

L-iktar blat baxx stratigrafikament fuq Monte San Giorgio huwa tal-bidu tal-perjodu Permjan, jiġifieri madwar 290-280 Ma (miljun sena ilu). Huwa fdal ta' qsim bikri u attività vulkanika wara l-oroġenija Variskana. Dan il-blat vulkaniku ħafna minnu huwa ħamrani, bħar-rijolit u l-andesit, b'karatteristiċi tal-porfidu, u jipproduċi kristalli kbar tal-kwarz, tal-barit u tal-fluworit. Il-blat tal-bażi Permjan huma kkaratterizzati minn nuqqas ta' konformità, superfiċe mnawwra u sedimenti Triassiċi.[5]

Dawn is-sedimenti Triassiċi għandhom oriġini siliċiklastika u terrestri, l-iktar blat ramli u konglomerati mnawwrin mill-materjal vulkaniku ta' taħthom. Is-sedimenti iktar antiki mill-perjodu Triassiku Bikri (madwar 252-247 Ma) jissejħu l-"Formazzjoni ta' Servino". Sedimenti kemxejn iktar reċenti mill-aħħar tal-perjodu Anisjan (l-ewwel stadju tat-Triassiku Medju; 247-242 Ma) jissejħu l-"Formazzjoni ta' Bellano". Il-Formazzjonijiet ta' Servino u ta' Bellano jaf ikun diffiċli li wieħed jiddistingwi bejniethom, iżda flimkien iwasslu għar-rikostruzzjoni ta' perjodu ta' trasgressjoni (żieda fil-livelli tal-baħar) f'xatt ramli mimli delti u pjanuri.[2][6][7][8]

Bit-tkomplija tal-perjodu Anisjan, il-blat ramli kostali tal-Formazzjoni ta' Bellano ġie sostitwit b'depożiti marini tal-ġir. Dawn kienu l-ewwel minn ħafna pjattaformi kbar tal-karbonati li bdew jinġemgħu fuq fergħa tal-Baħar ta' Tetide jew Tethys li kien qed jespandi lejn il-Punent. Il-pjattaforma tal-karbonati baxxa ta' Monte San Giorgio u taż-żoni tal-madwar hija magħrufa bħala l-pjattaforma ta' Salvatore, li issa hija ppreservata bħala d-Dolomit ta' San Salvatore. Twassal għar-rikostruzzjoni ta' ambjent tropikali sħun, u l-fossili l-iktar komuni huma ta' algi u ta' invertebrati bil-qxur. Il-parti iktar baxxa biss tad-Dolomit ta' San Salvatore hija ppreservata fuq Monte San Giorgio, u tikkorrispondi ma' perjodu partikolarment baxx u mmellaħ fl-istorja tal-pjattaforma. L-istromatoliti u laminazzjonijiet oħra ta' algi ġeneralment huma l-uniċi fossili li jinstaby fuq id-Dolomit iktar baxx ta' San Salvatore.[6][9]

Formazzjoni ta' Grenzbitumenzone / Besano[immodifika | immodifika s-sors]

Lejn l-aħħar tal-perjodu Anisjan, it-tarf tan-Nofsinhar tal-pjattaforma ta' Salvatore ssir fonda f'daqqa, u tikxef baċir iktar sterili li żviluppa bejn il-pjattaformi tal-karbonati. Il-baċir issa huwa ppreservat bħala faxx relattivament dejjaq ta' dolomit u shale skuri, mil-Lvant għall-Punent tul it-tarf ta' Monte San Giorgio. Din il-formazzjoni ssejħet il-Formazzjoni ta' Besano (fl-Italja) jew il-Formazzjoni ta' Grenzbitumenzone (fl-Iżvizzera). Tirrappreżenta l-ewwel minn diversi sezzjonijiet tal-muntanja mimlijin b'fossili ppreservati tajjeb ħafna. Il-Formazzjoni ta' Grenzbitumenzone, speċjalment is-saffi tax-shale tagħha, fiha wkoll arrikkiment b'materjal organiku li rriżulta miċ-ċjanobatterji. Dan l-akkumulu ta' materjal organiku x'aktarx wassal biex il-qiegħ tal-baċir ikun anossiku jew diżossiku, b'livelli baxxi ta' ossiġenu fl-ilma baħar. L-unika fossili ta' organiżmi tal-qiegħ tal-baħar huma tad-Daonella, organiżmu bivalvi b'qoxra rqiqa li adatta għal-livelli baxxi ta' ossiġenu. Il-fossili ta' annimali li kienu jgħumu b'mod ħieles huma iktar diversifikati, b'rettili tal-baħar, ħut, u ċefalopodi bil-qxur fost l-iktar prominenti. Organiżmi terrestri u tal-ilma baxx bħall-gambli, friegħi koniferi (Voltzia), u rettili tal-art (Ticinosuchus) xi kultant kienu jispiċċaw fil-baċir ukoll.[2][6][10]

Ġebel tal-Ġir ta' Meride[immodifika | immodifika s-sors]

Il-baċir responsabbli għall-Formazzjoni ta' Grenzbitumenzone baqa' jippersisti sal-perjodu Ladinjan, għakemm il-Formazzjoni ta' Grenzbitumenzone stess daħlet f'tranżizzjoni lejn formazzjoni inqas mimlija fossili, magħrufa llum bħala d-Dolomit ta' San Giorgio. Din il-formazzjoni għandha kontenut inqas organiku, l-ebda shale, u ftit fossili frammentarji biss. Kontenut iktar organiku u laminazzjonijiet ifjen jirritornaw ftit wara, u jifformaw il-parti iktar baxxa tal-Ġebla tal-Ġir ta' Meride mimlija fossili. Il-Ġebla tal-Ġir ta' Meride x'aktarx tirrappreżenta perjodu ta' żieda ta' instabbiltà fuq il-pjattaformi tal-karboniti li kienu qed jikbru, u dan wassal biex frammenti ta' karbonati jaqgħu iktar spiss fil-baċir. L-iskeletri għandhom it-tendenza li jkunu ppreservati aħjar milli fil-Formazzjoni ta' Grenzbitumenzone, u dan jissuġġerixxi li l-baċir kompla jsir iktar fond jew kiseb saffi mikrobiċi estensivi. Sezzjoni tad-dolomit, magħrufa bħala "Dolomitband", tifforma l-parti ta' fuq tal-Ġebla tal-Ġir iktar baxxa ta' Meride. Timmarka wkoll il-bidu tal-Ġebla tal-Ġir iktar 'il fuq ta' Meride, li hija simili għall-parti iktar baxxa tal-formazzjoni iżda għandha ftit sezzjonijiet bil-fossili biss. Il-Ġebla tal-Ġir iktar 'il fuq ta' Meride eventwalment issir dominata minn marls u shales laminati ifjen ħafna b'kontenut ferm iktar tafli. Dan l-intervall rikk fit-tafal, li huwa indikattiv ta' żieda ta' skular terrestri fi ħdan il-baċir li kien qed jiċkien, huwa magħruf bħala l-"Kalkschieferzone".[6]

L-Aħħar tat-Triassiku[immodifika | immodifika s-sors]

Sal-bidu tal-Aħħar tal-perjodu Triassiku, regressjoni maġġuri tal-baħar (waqgħa fil-livell tal-baħar) heddet il-baċir rikk bil-fossili u s-sistema ta' karbonati tat-Triassiku Medju. Matul il-perjodu Karnjan (madwar 237 sa 227 Ma), l-ewwel stadju tal-aħħar tat-Triassiku, pjattaformi ta' karbonati ġew sostitwiti b'sedimenti kostali u tal-ilma baxx. Din il-formazzjoni, magħrufa bħala l-Pizzella Marls, fiha ammont ferm ikbar ta' siliċiklastiċi (sedimenti mnawwra mill-blat terrestri) u evaporiti (depożiti minerali mill-ilma mnixxef), bħall-ġibs.[11] Fl-istadju Norjan ta' wara (madwar 227 sa ~208 Ma), il-pjattaformi ta' karbonati u ż-żieda fil-livelli tal-baħar ġew imġedda bil-kbir, u b'hekk ġew iddepożitati firxa wiesgħa ta' karbonati magħrufa bħala d-"Dolomia Principale" jew il-"Hauptdolomit".[12] Id-Dolomia Principale hija massa kristallina u dgħajfa tal-blat li ġiet fratturata minn xquq normali mhux wisq wara li ffurmat. Dan huwa impuls bikri ta' reġim tettoniku estensjonali kumplessiv, perjodu ta' qsim dinji li eventwalment kisser lil Pangea. Sal-istadju Retiku (~208 sa 201 Ma), id-Dolomia Principale ntradmet b'sekwenza iqsar iżda iktar stabbli ta' marl u karbonati tal-ilma baxx, magħrufa bħala s-Serje ta' Tremona.[13][14]

Ġurassiku Bikri[immodifika | immodifika s-sors]

Il-qsim tettoniku baqa' għaddej sal-Ġurassiku Bikri, flimkien mas-sedimentazzjoni tal-baħar. Mill-istadji Ettanġjani sa Plijensbakjani (201 sa 183 Ma), iż-żona reġgħet kisbet ambjent ta' baċir iktar fond. Dawn is-sedimenti tal-baċir ġew ippreservati bħala l-Ġebla tal-Ġir ta' Moltrasio, folja ħoxrna ta' mikrit (ġebla tal-ġir b'granuli fini) b'saffi tal-qiegħ abbundanti ta' chert u marl li nħolqu permezz ta' turbiditi (ċedimenti tal-art). Is-sedimenti Ġurassiċi ġew ippreservati lejn il-Lvant, in-Nofsinhar u l-Punent ta' Monte San Giorgio; il-pożizzjoni tal-muntanja moderna kienet ta' gżira jew ambjent baxx matul il-Ġurassiku. Is-sedimenti Ġurassiċi issa tnawwru għalkollox u ġie espost il-blat iktar antik tat-Triassiku u Permjan. Kuntrarjament, Monte Generoso, fil-Lvant ta' Monte San Giorgio, hija magħmula l-iktar minn sedimenti ta' baċir tal-Ġurassiku. Hemm sedimenti Ġurassiċi viżibbli wkoll lejn il-pjanura tax-xmara Po, fit-tarf tan-Nofsinhar ta' Monte San Giorgio (f'sens wiesa').[14][15] Il-barrieri produttivi tal-"irħam" fin-Nofsinhar ta' Monte San Giorgio effettivament kienu jwasslu għall-estrazzjoni ta' ġebla tal-ġir mhux metamorfizzata, iktar milli irħam reali. Dawn l-unitajiet tal-ġebla tal-ġir ġew iffurmati ġeneralment fl-istess ħin tal-Ġebla tal-Ġir ta' Moltrasio.

Wirt ekoloġiku[immodifika | immodifika s-sors]

Fossili ta' ħuta tal-qedem ta' Monte San Giorgio

Il-fawna u l-flora ta' Monte San Giorgio għandhom diversità kbira, b'xi speċijiet li ma jinstabu mkien iktar fl-Iżvizzera. L-ekosistemi prevalenti huma l-foresti mħallta b'weraq wiesa' u l-mergħat influwenzati mill-klima sub-Mediterranja tal-muntanja. Monte San Giorgio hija waħda mill-iktar żoni tan-Nofsinhar tal-Iżvizzera, bi xtiewi mhux daqstant qalila, umdità kbira, u bosta sigħat ta' xemx. Minħabba l-varjazzjoni fil-ġeoloġija sottostanti, ġiet żviluppata ħamrija aċidika u ħamrija alkalina, li jappoġġaw komunitajiet differenti ta' veġetazzjoni. Ix-xaqliba tat-Tramuntana b'bażi tar-riolit, fil-biċċa l-kbira, hija miksija b'Castanea sativa (qastan ħelu), Quercus petraea (ballut sessili), u Fraxinus excelsior (fraxxnu Ewropew). Ix-xaqliba tan-Nofsinhar b'bażi tad-dolomit hija iktar diversifikata fil-pjanti u fil-kwalità tal-ħamrija, bi pjanti komuni li jinkludu l-Carpinus betulus (karpin komuni), l-Ostrya carpinifolia (karpin iswed Ewropew), it-Tilia (tilju), l-Asperula taurina, il-Quercus pubescens (ballut pubexxenti), u l-Fraxinus ornus (fraxxnu tal-manna).[1]

L-iktar ħamrija niexfa u alkalina ta' Monte San Giorgio tgħajjex il-mergħat niexfa ta' Ticino, bijoma unika b'iktar minn 100 speċi ta' pjanti. 38 minnhom huma rari jew mhedda fl-Iżvizzera. L-iktar ħaxix komuni huwa l-Carex humilis (sogħda nana) u l-Molinia caerulea arundinacea (ħaxix twil tal-bwar), filwaqt li Monte San Giorgio jsostni wkoll ftit popolazzjonijiet Żvizzeri ta' fjuri selvaġġi bħall-Adenophora liliifolia, il-Gladiolus imbricatus, l-Iris graminea, il-Lotus herbaceus, u d-Danthonia alpina.[1]

Hemm 102 speċijiet ta' vertebrati f'Monte San Giorgio. 37 speċi minnhom huma mhedda fl-Iżvizzera. Il-muntanja hija l-unika post fl-Iżvizzera fejn jgħix il-Microtus savii (il-far ta' Savi), u tospita siti tat-tnissil għal anfibji bħall-Bufo bufo (rospu komuni), ir-Rana temporaria (żrinġ komuni), ir-Rana dalmatina (żrinġ aġli), l-Hyla intermedia (żrinġ tas-siġar Taljan), u speċijiet oħra. L-invertebrati huma saħansitra iktar diversifikati, inkluż xi speċijiet li huma rari ħafna fl-Iżvizzera, bħall-Pyrgus armoricanus (kamla ta' Oberthur), l-Euchorthippus declivus (ġurat ta' Jersey), u l-Pholidoptera littoralis insubrica (werżieq tax-xatt). Il-mergħat nexfin huma diversifikati ferm u jospitaw diversi speċijiet ta' brimb li qabel ma kienx għadu ġie skopert jew dokumentat. Popolazzjonijiet iżolati ta' krustaċji u ta' millipiedi jgħixu fis-sistemi karstiċi fondi tal-għerien tal-muntanja. Monte San Giorgio titqies bħala "post tal-għaġeb mikoloġiku", b'iżjed minn 500 speċi ta' fungi, ħafna minnhom endemiċi.[1]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b c d e f g "Nomination of Monte San Giorgio for inclusion in the World Heritage List" (PDF).
  2. ^ a b c Rieppel, Olivier (2019). Mesozoic Sea Dragons: Triassic Marine Life from the Ancient Tropical Lagoon of Monte San Giorgio. Bloomington, IN: Indiana University Press. ISBN 978-0-253-04013-8.
  3. ^ a b c d e f g h Centre, UNESCO World Heritage. "Monte San Giorgio". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-01.
  4. ^ a b c "Nomination of Monte San Giorgio (Italian extension of Monte San Giorgio, Switzerland, inscribed in 2003) for inscription on the UNESCO World Heritage List" (PDF).
  5. ^ Beltrán-Triviño, Alejandro; Winkler, Wilfried; von Quadt, Albrecht; Gallhofer, Daniela (2016). "Triassic magmatism on the transition from Variscan to Alpine cycles: evidence from U–Pb, Hf, and geochemistry of detrital minerals". Swiss Journal of Geosciences. 109 (3): 309–328. ISSN 1661-8734.
  6. ^ a b c d Bernasconi, Stefano Michele (1991). Geochemical and microbial controls on dolomite formation and organic matter production/preservation in anoxic environments: a case study from the Middle Triassic Grenzbitumenzone, Southern Alps (Ticino, Switzerland) (Doctoral Thesis) (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-01.
  7. ^ Sommaruga, A.; Hochuli, P.A.; Mosar, J. (1997). "The Middle Triassic (Anisian) conglomerates from Capo San Martino, South of Lugano-Paradiso (Southern Alps, Switzerland)". Geologia Insubrica. 2 (1): 1–14.
  8. ^ Renesto, Silvio; Stockar, Rudolf (2018). "FIRST RECORD OF A COELACANTH FISH FROM THE MIDDLE TRIASSIC MERIDE LIMESTONE OF MONTE SAN GIORGIO (CANTON TICINO, SWITZERLAND)". RIVISTA ITALIANA DI PALEONTOLOGIA E STRATIGRAFIA (bl-Ingliż). 124 (3).
  9. ^ Stockar, Rudolf (2010-07-01). "Facies, depositional environment, and palaeoecology of the Middle Triassic Cassina beds (Meride Limestone, Monte San Giorgio, Switzerland)". Swiss Journal of Geosciences (bl-Ingliż). 103 (1): 101–119.
  10. ^ Etter, Walter (2002). "Monte San Giorgio: remarkable Triassic marine vertebrates". In Bottjer, D.J.; Etter, W.; Hagadorn, J.W.; Tang, C.M. (eds.). Exceptional fossil preservation; a unique view on the evolution of marine life. New York: Columbia University Press. pp. 220–242.
  11. ^ Furrer, Heinz (1995). "The Kalkschieferzone (Upper Meride Limestone, Ladinian) near Meride (Canton Ticino, Southern Switzerland) and the evolution of a Middle Triassic intraplatform basin". Eclogae Geologicae Helvetiae. 88 (3): 827–852.
  12. ^ Meister, Patrick; Mckenzie, Judith A.; Bernasconi, Stefano M.; Brack, Peter (2013). "Dolomite formation in the shallow seas of the Alpine Triassic". Sedimentology. 60 (1): 270–291. ISSN 1365-3091.
  13. ^ Neuweiler, Fritz; Bernoulli, Daniel (2005-02-01). "Mesozoic (Lower Jurassic) red stromatactis limestones from the Southern Alps (Arzo, Switzerland): calcite mineral authigenesis and syneresis-type deformation". International Journal of Earth Sciences. 94 (1): 130–146. ISSN 1437-3262.
  14. ^ a b Berra, Fabrizio; Galli, Maria Teresa; Reghellin, Federico; Torricelli, Stefano; Fantoni, Roberto (2009-05-18). "Stratigraphic evolution of the Triassic–Jurassic succession in the Western Southern Alps (Italy): the record of the two‐stage rifting on the distal passive margin of Adria". Basin Research. 21 (3): 335–353. ISSN 1365-2117.
  15. ^ Schöllhorn, Iris; Adatte, Thierry; Charbonnier, Guillaume; Mattioli, Emanuela; Spangenberg, Jorge E.; Föllmi, Karl B. (2020-08-01). "Pliensbachian environmental perturbations and their potential link with volcanic activity: Swiss and British geochemical records". Sedimentary Geology. 406: 105665. ISSN 0037-0738.