Aqbeż għall-kontentut

Monasteru ta' Gelati

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Monasteru ta' Gelati.

Il-Monasteru ta' Gelati (bil-Georgian: გელათის მონასტერი) huwa kumpless monastiku Medjevali qrib Kutaisi fir-reġjun ta' Imereti tal-Punent tal-Georgia. Huwa wieħed mill-ewwel monasteri fil-Georgia u ġie stabbilit fl-1106 mir-Re David IV tal-Georgia bħala ċentru monastiku u edukattiv.[1]

Il-monasteru huwa eżemplar tal-Epoka tad-Deheb tal-Georgia u l-estetika bid-deheb toħroġ fid-dieher fil-pitturi u fil-binjiet tal-monasteru. Inbena biex tiġi ċċelebrata l-fidi Kristjana Ortodossa fil-Georgia.[2] Xi affreski fi ħdan il-Monasteru ta' Gelati jmorru lura għas-seklu 12. Il-monasteru tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994 minħabba l-arkitettura straordinarja tiegħu u minħabba l-importanza tiegħu bħala ċentru edukattiv u xjentifiku fil-Georgia Medjevali.[3]

Ħarsa ġenerali u deskrizzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-monasteru jinsab fuq għolja diversi kilometri lejn il-Grigal ta' Kutaisi u jagħti fuq il-Fondoq ta' Tskaltsitela. Huwa mibni bil-ġebel sod, b'arkati sħaħ. Il-pjanta tal-monasteru prinċipali ġiet iddisinjata f'għamla ta' salib, is-simbolu tal-kruċifissjoni ta' Ġesù u tal-Kristjaneżmu.[4] Il-monasteru ġie ddisinjat b'tali mod li jkun viżibbli fil-biċċa l-kbira tal-pajsaġġ, u l-ħitan tal-ġebel tiegħu nbnew apposta biex jirriflettu d-dawl tax-xemx. Fil-monasteru kollu hemm diversi arkati u kampnar.

Il-kostruzzjoni tal-Monasteru ta' Gelati bdiet fl-1106, taħt it-tmexxija tar-Re David IV tal-Georgia, meta Kutaisi kienet il-belt kapitali tal-Georgia. Il-monasteru nbena matul ir-renju tal-Imperu Biżantin; f'dak il-perjodu l-Kristjaneżmu kien ir-reliġjon ewlenija fi ħdan l-imperu kollu. Il-knisja prinċipali tal-monasteru, magħrufa bħala l-Knisja tal-Verġni Mqaddsa, tlestiet fl-1130 (matul ir-renju tas-suċċessur ta' David IV, Demetriju I tal-Georgia), u ġiet iddedikata lill-Verġni Mqaddsa. Il-monasteru jservi wkoll bħala s-sit għad-dfin tar-Re David IV, u maġenbu jinstabu d-Daħliet Antiki ta' Ganja, li kienu ttieħdu mir-Re Demetriju I fl-1138. Il-kappelli ż-żgħar fi ħdan il-monasteru jmorru lura għas-seklu 13.

Minbarra l-iskop reliġjuż tiegħu, il-monasteru nbena wkoll biex jintuża bħala akkademja tax-xjenza u tal-edukazzjoni fil-Georgia: ir-Re David IV impjega bosta xjenzati, teoloġi u filosfi mill-Georgia, u ħafna minnhom qabel kienu attivi f'diversi monasteri Ortodossi barra mill-pajjiż, bħall-Monasteru ta' Mangana f'Kostantinopli.[5] Fost l-istudjużi notevoli tiegħu kien hemm Ioane Petritsi, li ttraduċa diversi klassiċi tal-filosofija iżda huwa magħruf l-iktar għall-kummentarji tiegħu dwar Proclus; u Arsen Ikaltoeli, magħruf għad-Dogmatikon, jew il-ktieb tat-tagħlimiet, li kien influwenzat minn Aristotli. L-Akkademja ta' Gelati impjegat skribi biex jikkompilaw kopji ta' xogħlijiet importanti f'manuskritti, u n-nies ta' dak iż-żmien kienu jsejħulha "Hellas ġdida" u "t-tieni Athos".[6]

It-trittiċi kienu popolari matul l-Imperu Biżantin u kienu importanti fil-kultura tal-Georgia. It-trittiċi kienu jirrappreżentaw forma oħra ta' kontribuzzjoni lill-knisja. It-trittiċi kienu forma ta' ikonografija għall-kongregazzjoni.[7]

Waħda mill-iżjed ikoni ta' valur fil-monasteru kienet it-trittiku ta' Khakuli. Dan it-trittiku kien tinsab fil-Monasteru ta' Gelati mis-seklu 12 sa ma nsteraq fl-1859. Għalkemm ġie rritornat fl-1923, il-qagħda tiegħu kienet ferm inferjuri.[8]

Fuq ġewwa, il-monasteru huwa mżejjen bil-mużajk bi stil Biżantin klassiku fejn jintwerew diversi aspetti tat-twemmin Kristjan. L-ikbar mużajk, kapulavur tas-seklu 12 li juri lill-Madonna bil-Bambin Ġesù, jiddomina l-apsida tal-knisja prinċipali, u huwa opra tal-arti ta' importanza kulturali fil-Georgia. Fuq l-artal hemm statwa tal-Madonna li tidher qed tħares 'l isfel lejn il-Bambin Ġesù fi ħdanha.[9]

Konservazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-monasteru għadu attiv u l-knejjes tiegħu għadhom jintużaw b'mod regolari għas-servizzi reliġjużi. Taħt is-superviżjoni tal-UNESCO, is-sit jiġi rrestawrat u protett kontinwament. L-istrutturi oriġinali kollha tal-monasteru huma intatti u għadhom jiffunzjonaw għall-iskop li għalih inbnew.

Il-mużajk u l-affreski ġarrbu xi ħsarat qabel il-konservazzjoni tal-UNESCO, iżda dawn il-ħsarat trażżnu ladarba l-bejt tal-binja ġie ssostitwit minn konservazzjonisti mill-Georgia.[10] Permezz ta' digriet presidenzjali, il-monasteru żdied mar-Reġistru Nazzjonali tal-Monumenti għall-protezzjoni u għar-restawr fl-2006.

  • Demetriju I tal-Georgia
  • David IV tal-Georgia
  • David V tal-Georgia
  • Salamun I ta' Imereti
  • Salamun II ta' Imereti
  • Ġorġ III tal-Georgia
  • Vakhtang II tal-Georgia
  • Bagrat V tal-Georgia
  • Bagrat VI tal-Georgia
  • David IX tal-Georgia
  • Ġorġ V tal-Georgia
  • Alessandru II ta' Imereti
  • Ġorġ ta' Chqondidi
  • Tamar tal-Georgia
  • Chichinadze, Nina. "Some Compositional Characteristics of Georgian Triptychs of the Thirteenth Through Fifteenth Centuries". Gesta, vol. 35, nru 1, 1996, pp. 66–76.
  • Derlemenko I︠E︡vhen Anatoliĭovych u Gigilashvili Ėduard. Gelati: Arkhitektura, Mozaika, Freski (Gelati: Arkitettura, Mużajk u Affreski). Tbilisi, Khelovneba, 1982.
  • Hubert Kaufhold, Brill. Georgian Monasteries.
  • Mepʻisašvili, R. Gelati. "Sabčotʻa Sakʻartʻvelo", 1965.
  1. ^ Kaufhold, Hubert (2011). "Gelati Monastery". Religion Past and Present.
  2. ^ Calma, Dragos (2020). Reading Proclus and the Book of Causes, Volume 2. Dublin: University College Dublin.
  3. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Gelati Monastery". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-09.
  4. ^ McClymond, Michael (2015). "Christianity". Worldmark Encyclopedia of Religious Practices. 1: 119–168.
  5. ^ "Gelati Monastery in Georgia | Reinis Fischer". www.reinisfischer.com. Miġbur 2024-04-09.
  6. ^ Chatzidakis, Nano. Byzantine Mosaics, Volume 7. Ateni, il-Greċja: Ekdotike Athenon, 1994, p. 22.
  7. ^ Dzhindzhikhashvili, Zoia (1996). Encyclopedia of World Cultures, vol. 6: Russia and Eurasia/China. New York: Macmillan Reference USA.
  8. ^ Eastmond, Antony (2001), Eastern approaches to Byzantium: papers from the Thirty-third Spring Symposium of Byzantine Studies, University of Warwick, Coventry, March 1999, pp. 216-217. Ashgate/Variorum, ISBN 0-7546-0322-9, ISBN 978-0-7546-0322-1.
  9. ^ Most, W.G (2003). "Canon, Biblical". New Catholic Encyclopedia. 3: 20–34.
  10. ^ Riggs, Thomas (2015). Worldmark Encyclopedia of Religious Practices. 2nd ed., vol. 2: Countries, Afghanistan to Ghana. Farmington Hills: Gale.