Aqbeż għall-kontentut

Monasteri ta' Yuso u ta' Suso

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta mill-bogħod tal-Monasteri ta' Yuso u ta' Suso.

Il-Monasteri ta' Yuso u ta' Suso huma żewġ monasteri li jinsabu fil-villaġġ ta' San Millán de la Cogolla, La Rioja, Spanja. Il-Monasteru ta' Suso, magħruf ukoll bħala l-Monasteru ta' San Millán de Suso, inbena fis-seklu 6, filwaqt li l-Monasteru ta' Yuso, magħruf ukoll bħala l-Monasteru ta' San Millán de Yuso, inbena fis-seklu 11. Iż-żewġ monasteri ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Diċembru 1997.[1]

L-ismijiet taż-żewġ monasteri Suso u Yuso jfissru rispettivament "ta' fuq" u "t'isfel" bl-Ispanjol arkajku ta' Kastilja.

Lingwa Spanjola u Baska

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Monasteru ta' Suso huwa l-eqdem binja u x'aktarx li nbena fuq is-sit ta' eremitaġġ fejn kien għex San Emiljanu (bl-Ispanjol: San Millán). Probabbilment l-iżjed ħaġa li hu magħruf għaliha l-Monasteru ta' Suso hi li l-ewwel frażijiet bl-Ispanjol u bil-Bask inkitbu hemmhekk għall-ewwel darba. L-UNESCO tirrikonoxxi s-sit "bħala l-post fejn twieldet il-lingwa Spanjola miktuba u mitkellma moderna". Il-frażijiet bl-Ispanjol u bil-Bask huma glossi fuq test Latin u huma magħrufa bħala l-Glosas Emilianenses.[2] Hemm dibattitu miftuħ dwar jekk il-kelmiet bl-Ispanjol humiex miktubin f'forma bikrija ta' Kastiljan (Spanjol) jew f'forma bikrija simili ta' Navarro-Aragoniż (lingwa antenata tal-Aragoniż modern). Xorta waħda, l-importanza ta' San Millán bħala n-nieqa tal-lingwa Spanjola hija msaħħa mill-prossimità tal-villaġġ ta' Berceo li huwa assoċjat ma' Gonzalo de Berceo, l-ewwel poeta Spanjol magħruf b'ismu.[3]

Il-Monasteru ta' Suso

Hemm storja kontinwa ta' Kristjaneżmu f'San Millán minn żmien il-qaddis. L-iscriptorium ipproduċa t-tieni fażi tal-Beatus ta' San Millán u baqa' attiv matul il-perjodu tal-ħakma Musulmana. Tul is-sekli, il-komunità reliġjuża għelbet diversi diffikultajiet li affettwaw lill-monasteri (pereżempju s-serq tar-rikkezzi tagħhom mill-Prinċep l-Iswed). Madankollu, it-tip ta' ħajja monastika evolviet: il-patrijiet oriġinali li kienu jgħixu fil-Monasteru ta' Suso kienu eremiti, iżda l-Monasteru ta' Yuso, li prattikament kien l-istabbiliment mill-ġdid tal-monasteru f'sit iktar 'l isfel, żviluppa bħala komunità Benedittina. Kif innutat fl-evalwazzjoni tal-UNESCO, San Millán juri t-trasformazzjoni minn komunità ta' eremiti għal komunità ċenobitika f'termini materjali.[1]

Il-Monasteru ta' Suso kien ilu mhux abitat minn żmien il-Konfiski Ekkleżjastiċi ta' Mendizábal fis-seklu 19. Il-Monasteru ta' Yuso ġie abbandunat ukoll għal xi snin fis-seklu 19, iżda mbagħad reġa' ġie okkupat. Jospita l-komunità Awgustinjana, iżda parti mill-monasteru ġie kkonvertit f'lukanda. Illum il-ġurnata, San Millán jattira l-pellegrini tal-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu (anke jekk jinsab ftit 'il barra mir-rotta uffiċjali bejn Nájera u Burgos).[3]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-kjostru tal-Monasteru ta' Yuso

Il-Monasteri ta' Yuso u ta' Suso f'San Millán ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "San Millán Yuso and Suso Monasteries". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-18.
  2. ^ RAH (2016-10-02). "Glosas Emilianenses". Real Academia de la Historia (bl-Ispanjol). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-07-05. Miġbur 2022-08-18.
  3. ^ a b "Monasterio de San Millán". Monasterio de San Millán (bl-Ispanjol). Miġbur 2022-08-18.