Aqbeż għall-kontentut

Mogħdija tal-Ġgant

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Mogħdija tal-Ġgant.

Il-Mogħdija tal-Ġgant (bl-Ingliż: Giant's Causeway; bl-Irlandiż: Clochán an Aifir)[1] hija żona ta' madwar 40,000 kolonna tal-bażalt mdaħħlin ġo xulxin u li rriżultaw minn żbroff antik ta' fissura vulkanika.[2][3] Tinsab fil-Kontea ta' Antrim tul il-kosta tat-Tramuntana tal-Irlanda ta' Fuq, madwar tliet mili (ħames kilometri) fil-Grigal tar-raħal ta' Bushmills.

Ġiet iddikjarata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986 u bħala riżerva naturali nazzjonali mid-Dipartiment tal-Ambjent għall-Irlanda ta' Fuq fl-1987. Fi stħarriġ li sar fl-2005 fost il-qarrejja tar-Radio Times, il-Mogħdija tal-Ġgant ssemmiet bħala r-raba' l-ikbar fost l-għeġubijiet naturali fir-Renju Unit.[4]

L-uċuħ ta' fuq tal-kolonni jiffurmaw qisu taraġ li jwassal minn tarf l-irdumijiet u jisparixxi taħt il-baħar. Il-biċċa l-kbira tal-kolonni huma eżagonali, għalkemm uħud għandhom erba', ħames, seba' jew tmien naħat. L-itwal ilaħħqu għoli ta' xi 12-il metru (39 pied), u l-lava ssolidifikata fl-irdumijiet f'xi postijiet tlaħħaq saħansitra ħxuna ta' 28 metru (92 pied).[5]

Is-sjieda u l-ġestjoni tal-biċċa l-kbira tal-Mogħdija tal-Ġgant u l-Kosta tal-Mogħdija tal-Ġgant, bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, hija f'idejn in-National Trust. Is-sit huwa wieħed mill-iżjed attrazzjonijiet turistiċi popolari fl-Irlanda ta' Fuq[6], u laqa' iktar minn 998,000 viżitatur fl-2019.[7] L-aċċess għall-Mogħdija tal-Ġgant huwa mingħajr ħlas: wieħed mhux bilfors irid jaċċessa s-s-sit miċ-ċentru għall-viżitaturi li jimponi miżata.[8] Is-sjieda tal-kumplament tas-sit hija f'idejn il-Proprjetà tal-Kuruna u diversi sidien tal-art privati.

Bejn 50 u 60 miljun sena ilu, matul l-Epoka Paleoċena, il-Kontea ta' Antrim kienet soġġetta għal attività vulkanika intensiva, meta bażalt imdewweb u ferm fluwidu ppenetra s-saffi tal-karbonat tal-kalċju (magħruf aħjar bħala l-ġibs) u fforma promontorju vulkaniku estensiv. Meta l-lava birdet, seħħet il-kontrazzjoni. Il-kontrazzjoni orizzontali ħolqot xquq b'mod simili għal meta jinxef it-tajn, u x-xquq baqgħu jikbru iktar 'l isfel kif birdet il-massa, u b'hekk iffurmaw strutturi qishom pilastri, li ħolqu qishom konsenturi orizzontali u ssawru fi strutturi msejħa "gallettini ġeoloġiċi". F'bosta każijiet, il-frattura orizzontali rriżultat f'wiċċ fil-qiegħ li huwa konvess, filwaqt li l-wiċċ ta' fuq tas-segment t'isfel huwa konkavu u b'hekk jidħlu f'xulxin u jorbtu tajjeb ma' xulxin. Id-daqs tal-kolonni primarjament ġie ddeterminat mill-veloċità tat-tberrid tal-lava.[9] In-network estensiv tal-fratturi pproduċa l-kolonni distintivi li naraw attwalment. Il-bażalt oriġinarjament kien jagħmel parti minn promontorju vulkaniku kbir imsejjaħ il-Promontorju ta' Thule, li fforma matul l-Epoka Paleoċena.[10]

Sit ta' wirt ġeoloġiku

[immodifika | immodifika s-sors]

Bis-saħħa tar-rwol ewlieni tiegħu fl-iżvilupp tal-vulkanoloġija bħala dixxiplina tal-ġeoxjenzi, u b'mod partikolari l-oriġini tal-bażalt, il-blat tal-Epoka Paleoċena tal-Mogħdija tal-Ġgant u tal-Kosta tal-Mogħdija tal-Ġgant ġie inkluż mill-Unjoni Internazzjonali tax-Xjenzi Ġeoloġiċi (IUGS) fost il-lista ta' 100 "sit ta' wirt ġeoloġiku" minn madwar id-dinja li ġiet ippubblikata f'Ottubru 2022.[11]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Mogħdija tal-Ġgant u l-Kosta tal-Mogħdija tal-Ġgant ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986 u ż-żona ta' lqugħ tas-sit ġiet immodifikata kemxejn fl-2016.[12]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[12]

Inċiżjoni ta' Susanna Drury tal-1768 imsejħa "Veduta tal-Mogħdija tal-Ġgant mil-Lvant".

Skont leġġenda, il-kolonni huma l-fdalijiet ta' mogħdija mibnija minn ġgant. Il-ġrajja ssostni li l-ġgant Irlandiż Fionn mac Cumhaill (Finn MacCool), miċ-Ċiklu Fenjan tal-mitoloġija Gaelika, ġie sfidat għal ġlieda mill-ġgant Skoċċiż Benandonner. Fionn aċċetta l-isfida u bena l-mogħdija tul il-Fliegu tat-Tramuntana biex it-tnejn li huma setgħu jiltaqgħu. F'verżjoni waħda tal-ġrajja, Fionn jirbaħ kontra Benandonner.[13] F'verżjoni oħra, Fionn jistaħba minn Benandonner meta jinduna li l-għadu tiegħu huwa ferm ikbar minnu. Il-mara ta' Fionn, Sadhbh, għamlet tabirruħha li Fionn kien it-tarbija tagħha u poġġietu f'benniena. Meta Benandonner ra d-daqs tat-"tarbija", huwa jdaħħal f'moħħu li missier it-tarbija, Fionn, bilfors kien xi ġgant fost il-ġganti. B'hekk jaħrab lejn l-Iskozja bil-biża' u jeqred il-mogħdija warajh biex b'hekk Fionn ma jkunx jista' jiġi għalih.[14] Tul il-kosta hemm kolonni bażaltiċi identiċi (li huma parti mill-istess fluss antik tal-lava) fl-Għar ta' Fingal fil-gżejra Skoċċiża ta' Staffa, u x'aktarx li l-ġrajja ġiet influwenzata minn dan il-fatt.[15]

B'mod kumplessiv fil-mitoloġija Irlandiża, Fionn mac Cumhaill mhuwiex ġgant iżda eroj b'ħiliet sovranaturali, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi din il-leġġenda partikolari. F'Fairy and Folk Tales of the Irish Peasantry (1888), jiġi nnotat li maż-żmien, "l-allat pagani tal-Irlanda [...] ċkienu fuq li ċkienu fl-immaġinazzjoni popolari sa ma saru elfi; min-naħa l-oħra, l-eroj pagani kibru fuq li kibru sa ma saru ġganti".[16] Ma teżisti l-ebda ġrajja pre-Kristjana dwar il-Mogħdija tal-Ġgant, iżda x'aktarx li oriġinarjament jekk kienet teżisti kienet assoċjata mal-Fomorjani (Fomhóraigh);[17] l-isem bl-Irlandiż Clochán na bhFomhóraigh jew Clochán na bhFomhórach ifisser "taraġ tal-Fomhóraigh". Il-Fomhóraigh huma razza ta' ħlejqiet mitoloġiċi tal-mitoloġija Irlandiża li xi kultant kienu deskritti bħala ġganti u li oriġinarjament x'aktarx li kienu parti minn panteon pre-Kristjan.[18]

Kolonni bażaltiċi ħomor.

L-Isqof ta' Derry żar is-sit fl-1692. L-eżistenza tal-mogħdija tħabbret lid-dinja inġenerali s-sena ta' wara permezz tal-preżentazzjoni ta' dokument lis-Soċjetà Rjali mingħand Sir Richard Bulkeley, membru tal-Kulleġġ tat-Trinità, f'Dublin. Il-Mogħdija tal-Ġgant kisbet attenzjoni internazzjonali meta l-artista minn Dublin Susanna Drury għamlet pitturi tal-post bl-akkwarelli fl-1739; Drury rebħet l-ewwel premju għal dawn il-pitturi li ngħata lilha mis-Soċjetà Rjali ta' Dublin fl-1740 u ġew inċiżi fl-1743.[19] Fl-1765, entrata dwar il-mogħdija dehret fil-volum nru 12 tal-Encyclopédie Franċiża, bis-saħħa tal-inċiżjonijiet ta' Drury; l-inċiżjoni tal-"Veduta mil-Lvant" dehret f'volum ta' pjanċi tal-1768 li ġew ippubblikati għall-Encyclopédie.[20] Fid-didaskalija tal-pjanċi, il-ġeologu Franċiż Nicolas Desmarest issuġġerixxa, għall-ewwel darba fil-karta stampata, li dawn it-tip ta' strutturi kellhom oriġini vulkanika.

Is-sit sar popolari għall-ewwel darba mat-turisti matul is-seklu 19, b'mod partikolari wara l-ftuħ tal-Linja tat-Tramm tal-Mogħdija tal-Ġgant, u wħud mill-fdalijiet tal-kummerċjaliżmu tneħħew biss wara li n-National Trust bdiet tieħu ħsieb is-sit fis-snin 60 tas-seklu 20. Il-viżitaturi jistgħu jimxu fuq il-kolonni tal-bażalt li jinsabu qrib il-baħar, madwar nofs mil 'il bogħod mid-daħla tas-sit.

Ċentru għall-viżitaturi

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Mogħdija tal-Ġgant fid-dawl ta' nżul ix-xemx.

Il-mogħdija ma kellhiex ċentru permanenti għall-viżitaturi bejn is-sena 2000 u l-2012, peress li l-binja ta' qabel, li nbniet fl-1986, ħadet in-nar fis-sena 2000.[21] Filwaqt li l-approvazzjoni preliminari ngħatat għal żvilupp iffinanzjat pubblikament (iżda ġestit privatament) mill-Ministru għall-Ambjent ta' dak iż-żmien u l-membru tad-DUP Arlene Foster fl-2007[22], il-finanzjament pubbliku ġie ffriżat minħabba li ġie perċepit kunflitt ta' interess bejn l-iżviluppatur privat propost u d-DUP.[23][24] Fl-aħħar mill-aħħar, l-iżviluppatur privat irtira l-oġġezzjoni legali għall-pjan iffinanzjat pubblikament, u ċ-ċentru l-ġdid għall-viżitaturi nfetaħ uffiċjalment fl-2012.[25] Il-kostruzzjoni tiegħu ġiet iffinanzjata min-National Trust, mill-Bord tat-Turiżmu tal-Irlanda ta' Fuq, mill-Fond tal-Heritage Lottery u minn donazzjonijiet pubbliċi.[26] Mill-ftuħ tiegħu, iċ-ċentru l-ġdid għall-viżitaturi ngħata reċensjonijiet imħallta minn dawk li żaru l-mogħdija, minħabba l-prezzijiet tad-dħul, id-disinn taċ-ċentru, il-kontenuti tiegħu u l-kollokazzjoni tiegħu ftit 'il bogħod mill-mogħdija.[27] Fl-2018, iċ-ċentru għall-viżitaturi laqa' 1,011,473 ruħ.[28]

Kien hemm ftit kontroversji rigward il-kontenut ta' xi oġġetti eżibiti fiċ-ċentru għall-viżitaturi, li jirreferu għall-veduta kreazzjonista fir-rigward tal-età tad-dinja.[29][30] Filwaqt li dawn l-inklużjonijiet intlaqgħu mill-President tal-grupp evanġelista tal-Irlanda ta' Fuq, il-Fondazzjoni Caleb[31], in-National Trust iddikjarat li l-inklużjonijiet kienu jiffurmaw parti żgħira biss tal-wirja u li n-National Trust "tappoġġa bis-sħuħ l-ispjegazzjoni xjentifika tal-ħolqien tal-blat 60 miljun sena ilu".[32] Kampanja online biex jitneħħa l-materjal kreazzjonista ġiet varata fl-2012, u mbagħad, in-National Trust wettqet rieżami u kkonkludiet li għandhom jiġu emendati biex l-enfasi primarja tkun l-ispjegazzjoni xjentifika dwar l-oriġini tal-mogħdija. L-ispjegazzjonijiet kreazzjonisti xorta waħda għadhom imsemmijin iżda ġew ippreżentati bħala twemmin tradizzjonali ta' xi komunitajiet reliġjużi iktar milli spjegazzjoni li tikkompeti fir-rigward l-oriġini tal-mogħdija.[33]

Karatteristiċi notevoli

[immodifika | immodifika s-sors]

Uħud mill-istrutturi fiż-żona, peress li kienu soġġetti għal diversi miljuni ta' snin ta' erożjoni, u jingħad li qishom diversi oġġetti, fosthom Orgni u Buz tal-Ġgant. Karatteristiċi oħra jinkludu bosta kolonni bażaltiċi ħomor żgħar li ġew affettwati mill-erożjoni, magħrufa bħala Għajnejn il-Ġgant, li nħolqu bl-iżblukkar ta' ħaġriet bażaltiċi; it-Taraġ tar-Ragħaj; ix-Xehda tan-Naħal; l-Arpa tal-Ġgant; iċ-Ċmieni; ix-Xatba tal-Ġgant u l-Ħotba tal-Ġemel.

Flora u fawna

[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-żona tal-Mogħdija tal-Ġgant hija post fejn ifittxu l-kenn l-għasafar tal-baħar, bħall-gawwi tat-Tramuntana, iċ-ċiefa, il-margun komuni, il-margun tat-toppu, il-pluverott, il-mus geddumu rqiq u l-mus tal-baħar, filwaqt li l-formazzjonijiet tal-blat affettwati mill-erożjoni jospitaw bosta tipi ta' pjanti, inkluż l-Asplenium marinum, it-Trifolium arvense, ix-Scilla verna, iż-żwien tal-baħar u l-orkidea Coeloglossum viridae. F'Ottubru 2011 intqal li nstabet kolonja ta' stromatoliti fil-Mogħdija tal-Ġgant – sejba mhux tas-soltu, peress li l-istromatoliti normalment jinstabu f'ilmijiet iktar sħan b'kontenut ogħla ta' melħ mill-ilmijiet tal-Mogħdija tal-Ġgant.[34]

Strutturi simili

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kolonni bażaltiċi huma karatteristika vulkanika komuni u jeżistu f'diversi skali. It-tberrid veloċi jipproduċi kolonni bażaltiċi iżgħar.

Il-linja ferrovjarja bejn Belfast u Derry amministrata mill-Kumpanija Ferrovjarja tal-Irlanda ta' Fuq hija kkollegata ma' Coleraine u mal-binarji ferrovjarji bejn Coleraine u Portrush. Lokalment, Ulsterbus tipprovdi konnessjonijiet mal-istazzjonijiet ferrovjarji. Hemm mixja xenika ta' seba' mili (11-il kilometru) minn Portrush biswit il-Kastell ta' Dunluce u l-Mogħdija tal-Ġgant u l-linja ferrovjarja ta' Bushmills.

  • Letitia Elizabeth Landon, The Giant's Causeway (a poetical illustration to a painting by Thomas Mann Baynes).
  • Jagla, E. A.; Rojo, A. G. (2002). "Sequential fragmentation: the origin of columnar quasihexagonal patterns". PMID 11863628. S2CID 33030461.
  • Philip S. Watson (2000). The Giant's Causeway. O'Brien: Printing Press. ISBN 0-86278-675-4.
  1. "Clochán an Aifir/Giant's Causeway". logainm.ie (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-02.
  2. Centre, UNESCO World Heritage. "Giant's Causeway and Causeway Coast". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-02.
  3. Jack Challoner, John Farndon, Rodney Walshaw (2004). Rocks, Minerals and the Changing Earth. Southwater. p. 19. ISBN 9781842159750.
  4. "Caves win 'natural wonder' vote" (bl-Ingliż). 2005-08-02. Miġbur 2023-03-02.
  5. Meng, Qingxiang; Yan, Long; Chen, Yulong; Zhang, Qiang (9 November 2018). "Generation of numerical models of anisotropic columnar jointed rock mass using modified centroidal Voronoi diagrams". Symmetry. 10 (11): 618.
  6. "Northern Ireland Tourist Board - 2008-08-18 Giant's Causeway remains Northern Ireland's Top Attraction". web.archive.org. 2011-07-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-14. Miġbur 2023-03-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. "ALVA | Association of Leading Visitor Attractions". www.alva.org.uk. Miġbur 2023-03-02.
  8. "Giant's Causeway: Public right of way to be protected" (bl-Ingliż). 2018-03-14. Miġbur 2023-03-02.
  9. "Mystery Of Hexagonal Column Formations Such As Giant's Causeway Solved With Kitchen Materials". ScienceDaily (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-02.
  10. Geoffroy, Laurent; Bergerat, Françoise; Angelier, Jacques (September 1996). "Brittle tectonism in relation to the Palaeogene evolution of the Thulean/NE Atlantic domain: a study in Ulster". Geological Journal. 31 (3): 259–269.
  11. "The First 100 IUGS Geological Heritage Sites. IUGS International Commission on Geoheritage. IUGS" (PDF).
  12. 1 2 Centre, UNESCO World Heritage. "Giant's Causeway and Causeway Coast". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-02.
  13. "The Giant's Causeway". The Dublin Penny Journal, il-ħarġa nru 5 (1832), p. 33.
  14. Jones, Richard. Myths and Legends of Britain and Ireland. New Holland Publishers, 2006. p. 131.
  15. "The Giant Crystal Project : Basalt columns / Pseudocrystals". web.archive.org. 2007-11-07. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-04-11. Miġbur 2023-03-02.
  16. "Fairy and Folk Tales of the Irish Peasantry: Giants: Giants". www.sacred-texts.com. Miġbur 2023-03-02.
  17. Lyle, Paul. Between Rocks and Hard Places: Discovering Ireland's Northern Landscapes. The Stationery Office, 2010. p. 3.
  18. Monaghan, Patricia. The Encyclopedia of Celtic Mythology and Folklore. Infobase Publishing, 2004. p. 198.
  19. Arnold, Bruce (2002). Irish Art: A Concise History. New York: Thames & Hudson. p. 62. ISBN 0-500-20148-X.
  20. "Susanna Drury, the Causeway, and the Encyclopédie, 1768". web.archive.org. 2006-09-28. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2006-09-28. Miġbur 2023-03-02.
  21. "BBC News | NORTHERN IRELAND | Investigation into Causeway blaze". news.bbc.co.uk. Miġbur 2023-03-02.
  22. "Developer set to get Causeway nod" (bl-Ingliż). 2007-09-10. Miġbur 2023-03-02.
  23. "Causeway must be public - council" (bl-Ingliż). 2007-09-12. Miġbur 2023-03-02.
  24. "Developer's DUP link 'no bearing'" (bl-Ingliż). 2007-09-11. Miġbur 2023-03-02.
  25. "Developer ends Causeway challenge" (bl-Ingliż). 2009-05-19. Miġbur 2023-03-02.
  26. "Causeway gets £9m tourist grant" (bl-Ingliż). 2010-03-22. Miġbur 2023-03-02.
  27. "GIANT'S CAUSEWAY VISITOR CENTRE (Bushmills) - All You Need to Know BEFORE You Go". Tripadvisor (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-02.
  28. "ALVA | Association of Leading Visitor Attractions". www.alva.org.uk. Miġbur 2023-03-02.
  29. "National Trust in Giant's Causeway creationism row". The Independent (bl-Ingliż). 2012-07-05. Miġbur 2023-03-02.
  30. "Causeway centre gives creationist view - UTV Live News". web.archive.org. 2012-07-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-07-06. Miġbur 2023-03-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  31. "Online group calls for removal of creationist exhibit at Giant's Causeway" (bl-Ingliż). 2012-07-05. Miġbur 2023-03-02.
  32. "Trust in Causeway creationism row". independent (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-02.
  33. "Trust amends Causeway centre 'Creationist' exhibit" (bl-Ingliż). 2012-10-03. Miġbur 2023-03-02.
  34. "Stromatolite colony found in Giant's Causeway" (bl-Ingliż). 2011-10-14. Miġbur 2023-03-02.