Aqbeż għall-kontentut

Lunenburg

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Lunenburg
 Kanada
Amministrazzjoni
Stat sovranKanada
Province of CanadaNova Scotia
County of Nova ScotiaKontea ta' Lunenburg
Ġeografija
Koordinati 44°22′40″N 64°18′34″W / 44.3778°N 64.3094°W / 44.3778; -64.3094Koordinati: 44°22′40″N 64°18′34″W / 44.3778°N 64.3094°W / 44.3778; -64.3094
Lunenburg is located in Canada
Lunenburg
Lunenburg
Lunenburg (Canada)
Superfiċjenti 33 ha
Demografija
Popolazzjoni 2,262 abitanti (2016)
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni 1753
Kodiċi tat-telefon 902
Żona tal-Ħin Żona tal-Ħin tal-Atlantiku
townoflunenburg.ca

Lunenburg (pronunzja: /ˈluːnənbɜːrɡ/) huwa raħal portwali fix-xatt tan-Nofsinhar ta' Nova Scotia, il-Kanada. Stabbilit fl-1753, ir-raħal kien wieħed mill-ewwel tentattivi Brittaniċi ta' insedjament tal-Protestanti f'Nova Scotia.

L-ekonomija tradizzjonalment kienet ibbażata fuq is-sajd lil hinn mill-kosta u llum il-ġurnata f'Lunenburg hemm l-ikbar impjant tal-ipproċessar tal-ħut sekondarju fil-Kanada. Ir-raħal iffjorixxa fl-aħħar tal-ewwel deċennju tas-seklu 19, u l-biċċa l-kbira tal-arkitettura storika tiegħu tmur lura għal dak il-perjodu.

Fl-1995, Lunenburg tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] L-UNESCO tqis is-sit bħala l-aqwa eżempju ta' insedjament kolonjali Brittaniku ppjanat fl-Amerka ta' Fuq, peress li għad għandu l-istess konfigurazzjoni u dehra oriġinali tal-ewwel deċennju tas-seklu 19, inkluż l-arkitettura vernakolari lokali bl-injam. L-UNESCO tqis li r-raħal jeħtieġ jiġi protett minħabba li l-ġejjieni tal-attivitajiet ekonomiċi tradizzjonali tiegħu, is-sajd fl-Atlantiku, huwa pjuttost inċert.

Iċ-ċentru storiku tar-raħal huwa wkoll Sit Storiku Nazzjonali tal-Kanada.[2]

Lunenburg issemma fl-1753 għad-Duka ta' Braunschweig-Lüneburg li kien sar ir-Re Ġorġ II tal-Gran Brittanja.[3] L-abitanti Akadjani tas-sit kienu sejħulu Mirliguèche,[4] verżjoni ortografika Franċiża ta' isem Mi'kmaq b'tifsira mhux ċerta. Isem Mi'kmaq iktar bikri kien āseedĭk, li jfisser l-art tal-gandoffli.[5]

Il-poplu Mi'kmaq għex f'territorju estiż mis-sit attwali ta' Lunenburg sal-Bajja ta' Mahone. Kien hemm żmien fejn saħansitra 300 ruħ mill-poplu Mi'kmaq kienu jgħixu fis-sit fix-xhur iktar sħan tas-sajf. Il-kolonjalisti Franċiżi, li saru magħrufa bħala l-Akadjani, insedjaw l-inħawi għall-ħabta tas-snin 20 tas-seklu 17. L-Akadjani u l-poplu Mi’kmaq kellhom koeżistenza paċifika u xi wħud saħansitra żżewġu lil xulxin, u b'hekk inħolqu networks kummerċjali u soċjali. Fl-1688, 10 Akadjani u 11-il Mi’kmaq kienu residenti b'abitazzjonijiet f'Lunenburg u b'żona żgħira ta' raba' maħdum. Sal-1745, b'kollox kien hemm tmien familji.[6]

Meta Edward Cornwallis, il-Gvernatur ta' Nova Scotia li kien għadu kemm inħatar, żar Lunenburg fl-1749, huwa rrapporta li kien hemm diversi familji Mi’kmaq u Akadjani jgħixu flimkien f'Mirliguèche fi djar komdi u qal li kienu "jidhru għaddejjin ħajja tajba".

Fis-seklu 18, ir-Renju Unit u Franza ttrasportaw il-kunflitti militari tagħhom fl-Ewropa lejn id-Dinja l-Ġdida. Skont it-Trattat ta' Utrecht tal-1713, Franza ċediet il-parti tal-Akadja magħrufa llum bħala Nova Scotia peniżolari lir-Renju Unit. Sabiex jilqgħu kontra l-attakki kolonjali Mi'kmaq, Akadjani u Franċiżi, il-Brittaniċi bnew il-Forti ta' Ġorġ fl-1749 fl-Għolja taċ-Ċittadella u stabbilew ir-raħal ta' Halifax.[7]

Il-Brittaniċi ppruvaw jinsedjaw l-artijiet b'sudditi leali, u rreklutaw iktar minn 1,400 Protestant Barrani, l-iktar artiġjani u bdiewa, mill-Ewropa f'Lulju 1753 biex jippopolaw is-sit. Il-Brittaniċi ma pprovdewx l-art imwiegħda f'Halifax lil bosta minn dawn l-insedjaturi u b'hekk dawn tal-aħħar inkorlaw u kkawżaw problemi għall-Brittaniċi.[8] Għaldaqstant, l-insedjament mill-ġdid kellu l-iskop addizzjonali li jitneħħew bosta mill-Protestanti Barranin minn Halifax. Immexxija minn Charles Lawrence,[9] l-insedjaturi kienu akkumpanjati minn madwar 160 suldat. Huma bnew djar prefabbrikati u palizzati madwar l-art fejn ġie stabbilit il-villaġġ.[10] L-insedjaturi qattgħu s-sajf jibnu xelters għax-xitwa u peress li ma setgħux jistadu jew jaħdmu l-art,[11] kellhom jingħataw il-provvisti minn Halifax.[12] Meta l-insedjaturi bdew jilmentaw minħabba d-distribuzzjoni tal-provvisti u minħabba l-frustrazzjoni u l-garr ġenerali dovuti għat-trattament ħażin mill-Brittaniċi, huma wettqu ribelljoni armata magħrufa bħala r-Ribelljoni ta' Lunenburg u għal żmien qasir iddikjaraw repubblika, iżda malajr trażżnu mit-truppi mmexxija mill-Kurunell Robert Monckton.[13] Oħrajn ħarbu u marru man-naħa Akadjana.[14] Fl-1754, ir-raħal kellu impjant tal-produzzjoni tal-injam u maħżen.[15]

Fl-1755, wara t-tkeċċija tal-Akadjani, il-Brittaniċi kellhom bżonn jippopolaw mill-ġdid l-artijiet imbattla. Ir-Renju Unit offra għotjiet ġenerużi ta' art lill-kolonjalisti mill-Ingilterra l-Ġdida, li kienu qed jesperjenzaw skarsezza kbira ta' art.[16] Illum il-ġurnata, dawn l-immigranti jissejħu l-Bdiewa tal-Ingilterra l-Ġdida.[17] Lunenburg ġie attakkat fl-1756 minn grupp imħallat tal-popli Mi'kmaq u Maliseet, li għamlu ħerba fir-raħal.[18] L-attakki komplew kontra l-Brittaniċi permezz tal-Kampanja ta' Lunenburg tal-1758 u l-ostilitajiet mal-poplu Mi'kmaq intemmu għall-ħabta tal-1760.

Matul ir-Rivoluzzjoni Amerikana, kursara mill-kolonji ribelli attakkaw lil Lunenburg, inkluż fl-attakk tal-1782, u reġgħu għamlu ħerba fir-raħal. Ir-raħal ġie ffortifikat fil-bidu tal-Gwerra tal-1812.[19] L-uffiċjali Brittaniċi awtorizzaw lill-bastiment tal-kursara Lunenburg, operat minn residenti ta' Lunenburg, biex jattakka l-bastimenti tat-trasport marittimu Amerikani.[20]

Matul is-snin ta' wara, l-attivitajiet portwali għaddew minn tranżizzjoni minn kummerċ kostali u sajd imħallat lokali għal sajd lil hinn mill-kosta. Matul il-Projbizzjoni fl-Istati Uniti bejn l-1920 u l-1933, Lunenburg kien bażi għall-kuntrabandu tar-rum lejn l-Istati Uniti.

It-Tnixxif ta' Lunenburg kien jirreferi għal stil ta' tnixxif tal-bakkaljaw li r-raħal kien jesporta lejn is-swieq fil-Karibew. Illum il-ġurnata hemm pinnur kbir tar-ram b'għamla ta' bakkaljaw fuq il-quċċata tal-Knisja Presbitera ta' San Indrija.[21]

It-tarzna ta' Smith & Rhuland bniet bosta dgħajjes, fosthom Bluenose (1921), Flora Alberta (1941), Sherman Zwicker (1942), Bluenose II (1963), Bounty (1961), u r-replika tal-HMS Surprise (1970). Fl-1967, it-tarzna ttieħdet minn Scotia Trawler Equipment Limited. Wara tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, il-ħaddiema tat-tarzna bdew jibnu bastimenti tat-tkarkir minflok skuni, bl-għajnuna tal-migranti minn Newfoundland.[22]

Ġeografija fiżika

[immodifika | immodifika s-sors]

Lunenburg jinsab f'port naturali fin-naħa tal-Punent tal-Bajja ta' Mahone, madwar 100 kilometru (62 mil) fil-Lbiċ taċ-ċentru ta' Halifax.

Ir-raħal fil-biċċa l-kbira nbena fuq depożiti sedimentarji Kambrijani sa Ordoviċjani. L-aħħar era glaċjali ttrasformat il-pajsaġġ. Il-glaċieri kielu mill-blat matul l-avvanzi tagħhom fil-pajjiż, u ħallew warajhom diversi depożiti b'varjetà ta' ħxuna, inkluż drumlins, li huma karatteristika ewlenija tal-Kontea ta' Lunenburg.[23]

Ix-xatt tal-inħawi fih bosta daħliet, u r-raħal jinsab fuq istmu mal-Peniżola ta' Fairhaven, b'portijiet fuq in-naħa ta' quddiem u ta' wara.

Il-klima ta' Lunenburg hija moderata, bis-saħħa tal-pożizzjoni kostali tiegħu li jgħin biex jiġu limitati t-temperaturi estremi. Dan ifisser li l-klima tkun kemxejn iktar miti fix-xitwa u kemxejn iktar friska fis-sajf mill-biċċa l-kbira tal-inħawi f'latitudnijiet simili. Lunenburg igawdi minn sjuf sħan u biż-żiffa, b'temperaturi ta' madwar 20 °C (70 °F). Qajla jkun hemm wisq sħana u umdità. Ix-xtiewi jkunu kesħin u spiss bix-xita. Jaf tinżel ħafna borra fix-xitwa, iżda f'Lunenburg il-borra ma tantx iddum akkumulata minħabba x-xita li spiss tinżel fix-xitwa u ċ-ċikli frekwenti u regolari ta' ffriżar u ta' dewbien. Fi kwalunkwe żmien tas-sena jaf ikun hemm ħafna ċpar u nida, iżda speċjalment fir-rebbiegħa. Varjazzjonijiet staġonali b'temperaturi oċeaniċi iktar friski spiss jaslu f'Lunenburg mhux qabel nofs Mejju. Inġenerali, il-preċipitazzjoni ta' Lunenburg tkun għolja minn Novembru sa Mejju, u Lulju, Awwissu u Settembru jkollhom l-iżjed kundizzjonijiet tat-temp sħan u nexfin. Il-ħarifa tipikament tkun kiesħa, ċara u bnazzi. Jan: 1° Fra: 2° Mar: 5° Apr: 11° Mej: 15° Ġun: 21° Lul: 23° Aww: 24° Set: 21° Ott: 15° Nov: 9° Diċ: 4°.

Ċentru Storiku

[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-raħal oriġinali ppjanat inbena fuq ix-xaqliba tan-Nofsinhar ta' għolja wieqfa. Ġie stabbilit permezz ta' rqajja' kumpatti b'għamla ta' grilja rettangolari b'toroq dojoq mingħajr enfasi fuq it-topografija.[24] Din il-parti storika tar-raħal issa hija magħrufa bħala ċ-ċentru storiku tar-raħal li huwa protett mill-UNESCO. Hawnhekk wieħed isib ukoll il-port l-antik. Madwar 40 binja f'din iż-żona tniżżlu fuq ir-Reġistru Kanadiż tal-Postijiet Storiċi, fosthom:

  • id-Dar ta' Knaut-Rhuland, 1793: issa mużew amministrat mis-Soċjetà tal-Wirt ta' Lunenburg;[25]
  • il-Knisja Luterana Evanġelika ta' Zion, 1890: knisja kbira tal-injam;
  • il-Knisja Anglikana ta' San Ġwann, 1763: knisja Gotika kbira tal-injam.[26]

It-Teatru tal-Opri ta' Lunenburg jinsab ukoll f'din iż-żona, għalkemm inbena fl-1909 u mhux qiegħed imniżżel fuq ir-reġistru.

Fl-2005, il-provinċja ta' Nova Scotia xtrat 17-il binja max-xatt mingħand Clearwater Foods, is-sid tad-ditta High Liner Foods, biex tiżgura li jiġu ppreservati.[27] Is-sjieda ġiet ittrasferita lill-Assoċjazzjoni tax-Xatt ta' Lunenburg. L-infrastruttura tal-bini tal-bastimenti, b'valur ta' $1.5 miljun, żdiedet max-xatt ta' Lunenburg bħala parti mill-proġett ta' restawr ta' Bluenose II, li nbeda fl-2010.

Is-sit tat-tarzna ta' Smith & Rhuland issa huwa marina rikreattiva.

Il-Mużew tas-Sajd tal-Atlantiku, li jagħmel parti mill-Mużew ta' Nova Scotia, jinkludi flotta żgħira ta' bastimenti, inkluż Bluenose II.[28]

Partijiet mix-xatt għadhom jintużaw min-negozji. It-tarzna ta' ABCO Industries ġie stabbilit fl-1947 fuq is-sit tal-faċilità Norveġiża tat-taħriġ militari tat-Tieni Gwerra Dinjija, u issa tibni l-bastimenti wweldjati bl-aluminju. Is-sjieda u l-amministrazzjoni tat-tarzna ta' Lunenburg hija f'idejn Lunenburg Industrial Foundry & Engineering. Din il-faċilità fiha baċiri, siti tal-manifattura u tal-ħidma, sit tal-bini tal-bastimenti, u forġerija li kapaċi tferra' forom sa 272 kilogramma. Hemm ukoll imħażen għall-bastimenti tas-sajd kummerċjali qrib il-kosta.

Fil-bidu tas-seklu 19, Lunenburg kiseb il-prosperità permezz tat-trasport marittimu, tal-kummerċ, tas-sajd, tal-agrikoltura, tal-agrikoltura, tal-bini tal-bastimenti, eċċ. u l-konfini oriġinali kibru ferm. Ir-raħal ġie estiż lejn il-Lvant u l-Punent taċ-ċentru storiku f'dak li issa huwa magħruf bħala r-Raħal Ġdid. Din iż-żona tinkludi madwar 12-il binja mniżżla fuq ir-Reġistru Kanadiż tal-Postijiet Storiċi.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta panoramika ta' Lunenburg.

Iċ-ċentru storiku ta' Lunenburg ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]

Il-governanza f'Nova Scotia għandha żewġ saffi biss: provinċjali u muniċipali. Il-provinċja hija maqsuma f'50 muniċipalità, u l-muniċipalità ta' Lunenburg hija waħda minnhom. Ir-raħal jinsab ukoll fi ħdan il-Kontea ta' Lunenburg, li nħolqot għal skopijiet tas-sessjonijiet tal-qorti fis-snin 60 tas-seklu 19 u llum il-ġurnata ma għandhiex gvern tagħha stess bħala kontea, iżda l-fruntieri tagħha jmissu ma' ċerti distretti elettorali provinċjali u federali bħad-Distrett Elettorali Provinċjali ta' Lunenburg, u distretti taċ-ċensiment. Il-kontea tkopri wkoll l-istess erja bħall-Muniċipalità tad-Distrett ta' Lunenburg li tinsab madwar, iżda ma tinkludix, lil Bridgewater, Lunenburg, u l-Bajja ta' Mahone, peress li dawn huma inkorporati separatament u ma jagħmlux parti mill-muniċipalità tad-distrett.

Stampa:Businesses along the north side of Montague Street, Lunenburg, Nova Scotia.jpg
Diversi tabelli kkuluriti li jattiraw lit-turisti.

Skont iċ-ċensiment tal-2016, l-iżjed Klassifikazzjoni Okkupazzjonali Nazzjonali komuni kienet dik tal-bejgħ u tas-servizzi, b'24 fil-mija tal-impjiegi. Skont is-Sistema tal-Klassifikazzjoni Industrijali tal-Amerka ta' Fuq, madwar nofs l-impjiegi kollha kienu fil-kura tas-saħħa u l-assistenza soċjali, fl-akkomodazzjoni u fil-bejgħ bl-imnut. High Liner Foods topera l-ikbar impjant tal-ipproċessar tal-ħut sekondarju fil-Kanada f'dan ir-raħal.[29]

Il-pożizzjoni arkitettonika u pittoreska tar-raħal jagħmluha attraenti għall-industrija tal-films.[30] Ix-xeni drammatiċi u ambjentali tat-tieġ tal-film Kanadiż rebbieħ tal-premjijiet Cloudburst bil-protagonista Olympia Dukakis inġibdu f'Lunenburg. Films oħra ambjentati fi New England u miġbuda parzjalment f'Lunenburg jinkludu The Covenant u Dolores Claiborne. Il-film Ġappuniż tal-2010 Hanamizuki kien miġbud parzjalment f'Lunenburg.[31] Barra minn hekk, il-programm televiżiv tad-dramm sovranaturali Haven inġibed parzjalment hemmhekk matul il-ħames staġun, għalkemm il-ġrajja hija ambjentata fl-istat Amerikan ta' Maine. Il-film tal-2012 The Disappeared, is-sensiela televiżiva tal-2020 Locke & Key, u r-raba' staġun tas-sensiela televiżiva tal-2017 The Sinner inġibdu f'Lunenburg.[32][33]

Fiċ-ċensiment tal-popolazzjoni tal-2021 li twettaq minn Statistics Canada, Lunenburg kellu popolazzjoni ta' 2,396 resident f'1,089 abitazzjoni privata minn total ta' 1,242 abitazzjoni privata, u fl-2016 kien hemm bidla fil-popolazzjoni ta' 5.9 % b'ammont totali ta' 2,263 ruħ. B'erja territorjali ta' 4.04 km2 (1.56 mil kwadru), Lunenburg kellu densità tal-popolazzjoni ta' 593.1/km2 (1,536.0/mil kwadru) fl-2021.[34]

Fl-2016, il-maġġoranza tal-popolazzjoni kienu Protestanti Kanadiżi li jitkellmu bl-Ingliż. L-età medja ta' 58 sena hija ogħla mill-medja provinċjali ta' 46 sena. L-introjtu tal-unitajiet domestiċi huwa simili għall-medji provinċjali.

  1. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Old Town Lunenburg". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-21.
  2. "HistoricPlaces.ca - HistoricPlaces.ca". www.historicplaces.ca (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-22.
  3. "Lunenburg | The Canadian Encyclopedia". web.archive.org. 2019-06-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-06-09. Miġbur 2024-06-22.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. "Journal of New Brunswick Studies / Revue d'etudes sur le Nouveau-Brunswick". web.archive.org. 2014-06-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-06-22. Miġbur 2024-06-22.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. Rand, Silas (1875). A First Reading Book in the Micmac Language: Comprising the Micmac Numerals, and the Names of the Different Kinds of Beasts, Birds, Fishes, Trees, &c. of the Maritime Provinces of Canada. Also, Some of the Indian Names of Places, and Many Familiar Words and Phrases, Translated Literally Into English. Nova Scotia Printing Company. p. 91.
  6. Wicken, Bill (1993). "26 August 1726: A Case Study in Mi'kmaq-New England Relations in the Early 18th Century". Acadiensis. XXIII (Autumn): 5–22.
  7. Knickle, Margaret JA (2017). Creating Space for Historical Narratives Through Indigenous Storywork and Unsettling the Settler. Mount Saint Vincent University. p. 59.
  8. Bumsted, J. M. (2009). The Peoples of Canada: A Pre-Confederation History. Oxford University Press. pp. 121–125. ISBN 978-0-19-543101-8.
  9. "Biography – LAWRENCE, CHARLES – Volume III (1741-1770) – Dictionary of Canadian Biography". www.biographi.ca. Miġbur 2024-06-22.
  10. "Biography – SUTHERLAND, PATRICK – Volume III (1741-1770) – Dictionary of Canadian Biography". www.biographi.ca. Miġbur 2024-06-22.
  11. Grenier, John (2008). The Far Reaches of Empire: War in Nova Scotia, 1710–1760. University of Oklahoma Press. ISBN 978-0-8061-3876-3.
  12. Genier, John (2008). The Far Reaches of Empire: War in Nova Scotia, 1710–1760. University of Oklahoma Press. p. 166. ISBN 978-0806138763.
  13. Griffiths, N.E.S. (2005). From Migrant to Acadian: A North American Border People, 1604–1755. McGill-Queen's Press – MQUP. p. 422. ISBN 978-0773526990.
  14. Murdoch, Beamish (1866). A History of Nova Scotia, Or Acadie. J Barnes. p. 227.
  15. Beck, J (1979–2019). "Philip Augustus Knaut". Dictionary of Canadian Biography. University of Toronto/Université Laval.
  16. "The Population Explosion in 1700s America - dummies". web.archive.org. 2019-05-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-05-01. Miġbur 2024-06-22.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  17. Gwyn, Julian (2010). Planter Nova Scotia 1760-1815: Falmouth Township. Wolfville: Kings-Hants Heritage Connection. p. 17.
  18. Bell, Winthrop (1961). The Foreign Protestants and the Settlement of Nova Scotia: The History of a Piece of Arrested British Colonial Policy in the Eighteenth Century. University of Toronto Press. p. 513.
  19. "Parks Canada - Canadian Historic Sites: Occasional Papers in Archaeology and History No. 23". web.archive.org. 2018-10-31. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-10-31. Miġbur 2024-06-22.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  20. Boileau, John (2005). Half-Hearted Enemies: Nova Scotia, New England and the War of 1812. Formac Publishing Company. p. 66. ISBN 9780887806575.
  21. Kurlansky, Mark (1998). Cod : A Biography of the Fish that Changed the World. Vintage Canada. p. 128. ISBN 978-0676971118.
  22. Neary, Peter (1982). "Canadian Immigration Policy and the Newfoundlanders, 1912–1939". Acadiensis: 78–83.
  23. Roland, Albert (1982). Geological Background and Physiography of Nova Scotia. Halifax, N.S.: Ford Publishing Co. p. 71. ISBN 978-0-919680-19-7.
  24. "Home - Town of Lunenburg". townoflunenburg.ca. Miġbur 2024-06-22.
  25. "Knaut-Rhuland House Museum". Lunenburg Heritage Society (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-22.
  26. "HistoricPlaces.ca - HistoricPlaces.ca". www.historicplaces.ca. Miġbur 2024-06-22.
  27. "Nova Scotia to buy historic Lunenburg buildings" (bl-Ingliż). 2005-08-24. Miġbur 2024-06-22.
  28. "Home Port". bluenose.novascotia.ca (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-22.
  29. "Lunenburg". www.thecanadianencyclopedia.ca (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-22.
  30. "Lunenburg". www.thecanadianencyclopedia.ca (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-22.
  31. "映画/ガッキー主演『ハナミズキ』 釧路での開始から延べ5か月…カナダでクランクアップ - cinemacafe.net". web.archive.org. 2011-07-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-23. Miġbur 2024-06-22.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  32. "Locke And Key Netflix Lunenburg Nova Scotia Filming Location Explained" (bl-Ingliż). 2020-02-08. Miġbur 2024-06-22.
  33. "'The Sinner' Season 4 Filming Location Was Not Hanover Island" (bl-Ingliż). 2021-10-14. Miġbur 2024-06-22.
  34. Government of Canada, Statistics Canada (2022-02-09). "Population and dwelling counts: Canada, provinces and territories, census divisions and census subdivisions (municipalities)". www150.statcan.gc.ca. Miġbur 2024-06-22.