Loġġa tal-Ħarir
Il-Loġġa tal-Ħarir (bid-djalett ta' Valencia: Llotja de la Seda; il-pronunzja bid-djalett ta' Valencia: [ˈʎɔdʒa ðe la ˈseða]; bl-Ispanjol: Lonja de la Seda) hija binja ċivika tal-aħħar tal-istil Gotiku ta' Valencia, li tinsab fil-belt ta' Valencia, Spanja. Hija attrazzjoni turistika prinċipali fil-belt u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Il-loġġa nbniet bejn l-1482 u l-1533, u hija magħmula minn tliet partijiet (u flimkien magħhom il-Ġnien tas-Siġar tal-Larinġ f'bitħa interna mdawra bil-ħitan). Is-sala prinċipali, Sala de Contratacion (is-Sala tal-Kuntratti jew tal-Kummerċ), hija spazju mżejjen b'mod lussuż u hija mirfuda b'diversi kolonni spirali mill-isbaħ. Din is-sala kienet iċ-ċentru finanzjarju tal-loġġa, fejn il-merkanti kienu jfasslu l-kuntratti. Il-parti laterali hija msejħa l-Padiljun tal-Konsolat, u kienet is-sede tat-Tribunal del Mar - l-ewwel tribunal tal-merkanti marittimi li qatt ġie msawwar fi Spanja. L-ewwel żewġ sulari kienu jospitaw il-kmamar funzjonali ewlenin, u s-sular ta' fuq għandu saqaf imżejjen b'mod rikk ħafna. Dawn il-kmamar għad għandhom l-għamara u t-tiżjin oriġinali. Minn żmien għal żmien, it-Tribunal kien jikkundanna lill-merkanti l-ħabs minħabba d-djun, u dawn kienu jintefgħu fit-torri ċentrali tal-Loġġa tal-Ħarir - it-tielet parti tal-istruttura.[2]
Wara l-binja attwali kien hemm binja oħra iktar bikrija tas-seklu 14, li kienet tissejjaħ il-Loġġa taż-Żejt (bid-djalett ta' Valencia: Llotja de l’Oli jew bl-Ispanjol: Lonja del Aceite). Din kienet tintuża mhux biss għall-kummerċ fiż-żjut agrikoli, iżda għal kull tip ta' negozju. Hemmhekk ukoll fl-1348 kien isir il-kummerċ fil-perxal (perkal) li kien tip ta' drapp tal-qoton b'nisġa fina ħafna bħall-ħarir.[3]
Il-prosperità kummerċjali tal-belt ta' Valencia laħqet il-quċċata tagħha matul is-seklu 15, u din wasslet għall-kostruzzjoni ta' binja ġdida.
Id-disinn tal-Loġġa l-ġdida ta' Valencia oriġina minn struttura simili fil-Loġġa ta' Palma de Majorca, li nbniet mill-arkitett Guillem Sagrera fl-1448. L-arkitett inkarigat tal-loġġa l-ġdida kien Pere Compte, li bena l-qafas prinċipali tal-binja – is-Sala tal-Kuntratti/Kummerċ – fi ħmistax-il sena biss mill-1483 sal-1498. Dan huwa miktub ukoll fi strixxa blu tul l-erba' ħitan tas-sala, li hija magħrufa wkoll bħala s-"Sala tal-Kolonni". L-istrixxa fiha iskrizzjoni li ġejja b'ittri tad-deheb:
Inclita domus sum annis aedificata quindecim. Gustate et videte concives quoniam bona est negotiatio, quae non agit dolum in lingua, quae jurat proximo et non deficit, quae pecuniam non dedit ad usuram eius. Mercator sic agens divitiis redundabit, et tandem vita fructur aeterna (Jien binja mill-isbaħ li nbniet fi ħmistax-il sena. Għeżież ċittadini, tkixxfu u araw b'għajnejkom kif in-negozjar huwa ħaġa tajba meta ma jkunx hemm gideb, meta wieħed jaħlef lil ġaru u ma jqarraqx bih, meta ma jiġux mislufa flejjes b'rata tal-imgħax. Il-merkant li jaġixxi b'dan il-mod jistagħna bil-bosta u fl-aħħar mill-aħħar igawdi l-ħajja eterna).
Skont l-istudjuż lokali Joan Francesc Mira, din l-iskrizzjoni kienet turi li ma kienx meħtieġ li wieħed ikun Protestant jew barrani biex tiġi stabbilita bażi għal kummerċ tajjeb; kienet turi l-unjoni tal-etika mal-ekonomija. Xogħlijiet oħra ta' kostruzzjoni u ta' tiżjin baqgħu sejrin sal-1548, bħall-Consolat del Mar (il-Konsulat tal-Baħar), binja Rinaxximentali li żdiedet maġenb il-Loġġa tal-Ħarir.
Matul is-sekli ta' wara, il-Loġġa tal-Ħarir iffunzjonat tassew għall-kummerċ tal-ħarir. L-onestà tal-merkanti tagħha ġiet onorata bl-iskrizzjoni mal-ħitan tas-Sala tal-Kolonni.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Loġġa tal-Ħarir ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996, bħala eżempju ta' binja sekolari bl-istil Gotiku aħħari, li tħaddan b'mod drammatiku s-setgħa u l-ġid ta' waħda mill-bliet merkantili Mediterranji l-kbar.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "La Lonja de la Seda de Valencia". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-28.
- ^ "Halle De La Soie| Monument à Valencia". www.visitvalencia.com (bil-Franċiż). Miġbur 2021-09-28.
- ^ Diccionari Aguiló: materials lexicogràfics / aplegats per Marià Aguiló i Fuster; revisats i publicats sota la cura de Pompeu Fabra i Manuel de Montoliu, page 134, Institut d'Estudis Catalans, Barcelona 1929.