Linji tal-Ilma Difensivi Olandiżi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta mill-ajru tal-linja tal-ilma u tal-fortifikazzjonijiet ta' Naarden

Il-Linji tal-Ilma Difensivi Olandiżi (bl-Olandiż: Hollandsche Waterlinie, ortografija moderna bl-Olandiż: Hollandse Waterlinie), magħrufa wkoll bħala Linja tal-Ilma Olandiża, kienu serje ta' linji tal-ilma difensivi maħsuba minn Maurice ta' Nassau fil-bidu tas-seklu 17, u mwettqa minn ħuh tar-rispett Frederick Henry. Flimkien ma' korpi naturali tal-ilma, il-Linja tal-Ilma ntużat biex tittrasforma l-Olanda, ir-reġjun l-iktar fil-Punent tan-Netherlands u biswit il-Baħar tat-Tramuntana, kważi fi gżira. Fis-seklu 19, il-Linji tal-Ilma Difensivi ġew estiżi biex tiġi inkluża l-belt ta' Utrecht.[1]

Il-Linja Difensiva ta' Amsterdam ġiet miżjuda fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996 u din ġiet estiża bil-Linji tal-Ilma Difensivi Olandiżi fis-26 ta' Lulju 2021.[2]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-bidu tal-Gwerra tal-Indipendenza ta' Tmenin Sena kontra Spanja, l-Olandiżi rrealizzaw li billi jimlew l-artijiet il-baxxi bl-ilma setgħu jiffurmaw difiża eċċellenti kontra t-truppi tal-għadu. Dan ħareġ fid-dieher, pereżempju, matul l-Assedju ta' Leiden fl-1574. Fl-aħħar nofs tal-gwerra, meta l-provinċja tal-Olanda kienet ġiet meħlusa mit-truppi Spanjoli, Maurice ta' Nassau ppjana li jiddifendiha b'linja ta' artijiet mgħerrqa, protetti b'fortizzi miz-Zuiderzee (illum Ijsselmeer) sax-xmara Waal.

Mappa tal-Linja tal-Ilma Difensiva Olandiża l-Antika

Linja tal-Ilma Difensiva Olandiża l-Antika[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1629, il-Prinċep Frederick Henry beda jwettaq il-pjan. Ġew kostruwiti swieqi fid-digi kif ukoll fortijiet, u nħolqu rħula ffortifikati f'punti strateġiċi tul il-linja tal-ima b'kanuni jħarsu speċjalment lejn id-digi. Il-linja tal-ilma fiż-żoni mimlija bl-ilma kienet tinżamm b'attenzjoni kbira sa livell fond biżżejjed biex l-għadu ma setax javvanza faċilment bil-mixi u fl-istess ħin baxx biżżejjed biex l-għadu ma setax juża xi dgħajjes biex javvanza. L-unika opri tal-ilma li setgħu jintużaw kienu l-barkuni b'qiegħ ċatt li kienu jintużaw mid-difensuri Olandiżi biex iġorru l-kanuni u l-armi). Taħt il-livell tal-ilma kien ikun hemm ostakli addizzjonali bħal gandotti, ħniedaq u trous de loup (u ferm iktar 'il quddiem, saħansitra fildiferru tal-ingiegeż u mini splussivi tal-art). Is-siġar tul il-ħniedaq li kienu jiffurmaw l-uniċi toroq tul il-linja tal-ilma setgħu jinbidlu f'abatis (ostaklu biz-zkuk tas-siġar imwaqqgħin) fi żminijiet ta' gwerra. Fix-xitwa, il-livell tal-ilma seta' jiġi mmanipulat biex jiddgħajjef is-silġ f'wiċċ l-ilma, filwaqt li s-silġ stess, meta kien jitkisser, seta' jintuża biex jiġu ffurmati ostakli oħra li kienu jesponu t-truppi tal-għadu u d-difensuri Olandiżi kien ikollhom iktar żmien biex jisparawlhom.

Il-Linja tal-Ilma Difensiva Olandiża l-Antika wriet kemm kienet utli inqas minn erbgħin sera wara l-kostruzzjoni tagħha, matul il-Gwerra bejn il-Franċiżi u l-Olandiżi (jew it-Tielet Gwerra bejn l-Ingliżi u l-Olandiżi) fl-1672, meta waqqfet lill-armati ta' Lwiġi XIV milli jaħkmu l-provinċja tal-Olanda, għalkemm f'xi waqtiet l-iffriżar tal-linja tal-ilma kważi għamilha inutli. Fl-1794 u fl-1795, l-armati rivoluzzjonarji Franċiżi għelbu l-ostaklu tal-Linja tal-Ilma Difensiva Olandiża l-Antika minħabba maltempata kbira bil-ġlata li kienet iffriżat il-partijiet bl-ilma u ġabithom solidi.

Linja tal-Ilma Difensiva Olandiża l-Ġdida[immodifika | immodifika s-sors]

Wara l-aħħar telfa ta' Napuljun fl-1815 fil-Battalja ta' Waterloo, ġie ffurmat ir-Renju Unit tan-Netherlands. Ftit wara, ir-Re William I ddeċieda li jimmodernizza l-Linja tal-Ilma. B'hekk il-Linja tal-Ilma Difensiva Olandiża l-Ġdida ġiet parzjalment estiża lejn il-Lvant ta' Utrecht.

Fil-100 sena ta' wara, il-linja tal-ilma difensiva Olandiża prinċipali kienet proprju l-Linja tal-Ilma Difensiva Olandiża l-Ġdida. Din ġiet estiża u mmodernizzata iktar fis-seklu 19, b'fortijiet li fihom torrijiet tondi għall-kanuni u għall-armi tan-nar qishom torrijiet tat-tip Martello. Il-linja tal-ilma ġiet immobilizzata iżda qatt ma ġiet attakata matul il-Gwerra bejn il-Franza u Prussja fl-1870 u fl-Ewwel Gwerra Dinjija.

Meta faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, il-biċċa l-kbira tal-fortifikazzjonijiet tal-ħamrija u tal-brikks fil-linja tal-ilma kienu vulnerabbli wisq għall-attakki bl-artillerija moderna u bil-bombi biex jifilħu assedju fuq żmien twil. Sabiex ikunu ta' għajnuna fid-difiża, ġew miżjuda għadd kbir ta' xelters u torrijiet tal-għassa. Madankollu, l-Olandiżi ddeċidew li jużaw linja tal-ilma difensiva prinċipali iktar lejn il-Lvant, magħrufa bħala l-Linja tal-Ilma Difensiva ta' Grebbe, u taw rwol sekondarju lil-Linja tal-Ilma Difensiva l-Ġdida.

Meta l-Linja tal-Ilma Difensiva ta' Grebbe falliet fit-13 ta' Mejju, l-armata tal-art ġiet irtirata lejn il-Linja tal-Ilma Difensiva Olandiża l-Ġdida. Madankollu, it-tattiki moderni setgħu faċilment jevitaw u jgħelbu l-linji tal-ilma difensivi fissi, kif ġara tul il-Linja Franċiża ta' Maginot. Filwaqt li l-armata Olandiża kienet qed tiġġieled battalja fissa fil-Linja tal-Ilma Difensiva ta' Grebbe, it-truppi tal-ajru Ġermaniżi qabdu l-approċċi tan-Nofsinhar fil-qalba tal-"Fortizza tal-Olanda" fuq sieq waħda u ħatfu l-punti kruċjali li kienu l-pontijiet ta' Moerdijk, Dordrecht u Rotterdam. Meta r-reżistenza ma waqfitx, il-Ġermaniżi obbligaw lill-Olandiżi jarrendu wara li bumbardamenti mill-ajru fuq Rotterdam u wara li hedduhom li kienu se jagħmlu l-istess ħaġa fuq Utrecht u fuq Amsterdam.

Mit-tisħiħ tagħha fl-1815, sal-aħħar modernizzazzjoni fl-1940, intefqu madwar 50 biljun Ewro fuq il-Linja tal-Ilma Difensiva Olandiża l-Ġdida.

Mappa tal-Linja tal-Ilma Difensiva ta' Grebbe

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-gvern Olandiż iddisinja mill-ġdid l-idea ta' linja tal-ilma biex tilqa' kontra invażjoni possibbli mill-Unjoni Sovjetika. Din it-tielet verżjoni tal-Linji tal-Ilma Difensivi Olandiżi nbniet iktar lejn il-Lvant tal-Linja tal-Ilma Difensiva ta' Ijssel u f'Gelderland. F'każ ta' invażjoni, kien maħsub li l-ilma tar-Renu u tal-Waal jitwassal f'Ijssel, u b'hekk ix-xmara tfur u tgħerreq l-artijiet tal-madwar. Il-pjan qatt ma ġie ttestjat, u din il-linja tal-ilma tneħħiet mill-gvern Olandiż fl-1964.

Dimensjonijiet u Unitajiet[immodifika | immodifika s-sors]

Tul 85 km
Wisa' 3–5 km
Erja 50,000 ha
Strutturi difensivi 60
Żoni tal-Għargħar 10 baċiri

Preżent[immodifika | immodifika s-sors]

Illum il-ġurnata ħafna mill-fortijiet għadhom ftit jew wisq intatti, u hemm interess imġedded fil-linja tal-ilma għas-sbuħija naturali tagħha. Jiġu organizzati żjarat turistiċi bir-roti u bil-mixi tul il-linja tal-ilma. Uħud mill-fortijiet huma miftuħin bħala lukandi jew postijiet għall-kampijiet. Oħrajn għandhom varjetà ta' użi; pereżempju l-Università ta' Utrecht għandha l-ġnien botaniku tagħha fil-Forti ta' Hoofddijk. Pjan ta' 25 sena ġie żviluppat mill-artist Agnes Denes.

Fl-2010, wieħed mill-fortijiet fuq il-Linja tal-Bunker 599, infetaħ bħala opra tal-arti aċċessibbli għall-pubbliku. Il-bunker ġie maqtugħ min-nofs, b'mogħdija tgħaddi minn ġo fih biex b'hekk il-pubbliku seta' jimxi minn ġo fih u jara kif ikun bunker minn ġewwa.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Minħabba n-natura unika tal-Linji tal-Ilma Difensivi Olandiżi, il-gvern Olandiż ikkunsidra li jinnomina l-linji tal-ilma difensivi kollha bħala estensjoni tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO tal-Linja Difensiva ta' Amsterdam li kienet ilha fil-lista mill-1996. L-estensjoni ntlaqgħet fis-26 ta' Lulju 2021.[2][3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[2]

Fortijiet u rħula ffortifikati tul il-Linji tal-Ilma Difensivi Olandiżi[immodifika | immodifika s-sors]

Sabiex jagħmlu tajjeb għad-dgħufijiet fil-linja tal-ilma difensiva l-antika, inbnew serje ta' fortijiet u rħula ffortifikati.

L-ordni ta' wħud mill-fortijiet tul il-Linji tal-Ilma Difensivi Olandiżi mit-Tramuntana għan-Nofsinhar.

Mappa tal-Linja tal-Ilma Difensiva Olandiża l-Ġdida

Il-fortijiet li nbnew espliċitament biex jiddefendu xi raħal jissemmew flimkien mar-raħal rilevanti f'parentesi.

  • Batterija permanenti ta' De Westbatterij (Muiden)
  • Kastell ta' Muiderslot (Muiden)
  • Raħal iffortifikat ta' Muiden
  • Raħal iffortifikat ta' Weesp
  • Forti aan de Ossenmarkt (Weesp)
  • Forti ta' Uitermeer
  • Forti ta' Hinderdam
  • Forti ta' Ronduit (Naarden)
  • Raħal iffortifikat ta' Naarden
  • Batteriji permanenti tal-Karnemelksloot (Naarden)
  • Forti ta' Uitermeer
  • Forti ta' Kijkuit
  • Forti ta' Spion
  • Forti ta' Nieuwersluis
  • Forti bij Tienhoven
  • Forti aan de Klop (Utrecht)
  • Forti ta' Gagel (Utrecht)
  • Forti op de Ruigenhoeksedijk (Utrecht)
  • Forti ta' Blauwkapel (Utrecht)
  • Forti op de Voordorpsdijk (Utrecht)
  • Forti aan de Biltstraat (Utrecht)
  • Forti minuri ta' Werk aan de Hoofddijk (Utrecht)
  • Forti bij Rhijnauwen (Utrecht)
  • Lunetti, serje ta' fortijiet żgħar b'għamla ta' nofs qamar:
  • Lunet I (Utrecht)
  • Lunet II (Utrecht)
  • Lunet III (Utrecht)
  • Lunet IV (Utrecht)
  • Forti bij Vechten (Utrecht)
  • Forti bij 't Hemeltje
  • Forti bij Jutphaas (Nieuwegein)
  • Forti minuri ta' Werk aan de Waalse Wetering
  • Forti minuri ta' Werk aan de Korte Uitweg
  • Lunet aan de Snel
  • Forti ta' Honswijk
  • Forti minuri ta' Werk aan de Groeneweg
  • Forti ta' Everdingen
  • Forti minuri ta' Werk aan het Spoel
  • Forti ta' Pannerden
  • Forti ta' Boven Lent
  • Forti minuri ta' Werk op de spoorweg bij de Diefdijk
  • Forti bij Asperen
  • Forti bij de Nieuwe Steeg
  • Forti bij Vuren
  • Raħal iffortifikat ta' Gorinchem
  • Raħal iffortifikat ta' Woudrichem
  • Kastell ta' Loevestein
  • Forti minuri ta' Werk aan de Bakkerskil
  • Forti ta' Steurgat
  • Forti aan de Uppelse Dijk (Forti ta' Altena)
  • Forti ta' Giessen

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Plan jouw dagje uit in de Nieuwe Hollandse Waterlinie". Nieuwe Hollandse Waterlinie (bl-Olandiż). Miġbur 2021-10-15.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Dutch Water Defence Lines". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-15.
  3. ^ "Nieuwe Hollandse Waterlinie verrassend opgenomen op Werelderfgoedlijst". nos.nl (bl-Olandiż). Miġbur 2021-10-15.