Aqbeż għall-kontentut

Linja ferrovjarja ta’ Semmering

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta panoramika tal-linja ferrovjarja ta' Semmering

Il-linja ferrovjarja ta' Semmering (bil-Ġermaniż: Semmeringbahn) fl-Awstrija, li tibda minn Gloggnitz, tgħaddi minn mal-għolja ta' Semmering, u twassal sa Mürzzuschlag. Din kienet l-ewwel linja ferrovjarja fil-muntanji fl-Ewropa li nbniet b'binarji b'gejġ standard. Tiġi msejħa wkoll bħala l-ewwel linja ferrovjarja fil-muntanji fid-dinja, minħabba d-diffikultà biex tinbena fuq art muntanjuża u d-differenza konsiderevoli fl-altitudni. Għadha tiffunzjona għalkollox bħala parti mill-Linja Ferrovjarja tan-Nofsinhar li hija mħaddma mil-Linji Ferrovjarji Federali Awstrijaċi.

Fl-1998, il-linja ferrovjarja ta' Semmering tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Il-linja ferrovjarja ta' Semmering f'Mürzzuschlag, għall-ħabta tal-1900

Il-linja ferrovjarja ta' Semmering inbniet bejn l-1848 u l-1854 minn xi 20,000 ħaddiem taħt id-disinjatur u f-direttur tal-proġett Carl von Ghega li twieled f'Venezja bħala Carlo Ghega f'familja Albaniża. Il-kostruzzjoni fiha 14-il mina (fosthom il-mina tal-quċċata f'għoli ta' 1,431 metru), 16-il vjadott (diversi minnhom fihom żewġ sulari) u 'l fuq minn 100 pont bil-ħnejjiet tal-ġebel u 11-il pont żgħir tal-ħadid. L-istazzjonijiet u l-binjiet għas-superviżuri ħafna drabi nbnew direttament mill-iskart tal-blat imħaffer meta għamlu l-mini.[2]

F'tul kumplessiv ta' 41 kilometru ta' binarji, il-linja ferrovjarja ta' Semmering fiha differenza fl-altitudni ta' 460 metru; fuq 60 % tat-tul tagħha, il-pendil huwa 2.0-2.5 % (ekwivalenti għal differenza ta' metru fl-altitudni fuq distanza ta' rotta ta' 40 metru) u 16 % tat-tul tagħha fiha kurvatura jew lilwa b'raġġ ta' 190 metru biss. Din kienet dimensjoni teknika ġdida għalkollox fil-kostruzzjoni tal-linji ferrovjarji, u b'hekk kellhom jiġu żviluppati strumenti u metodi ta' stħarriġ ġodda sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li tfaċċaw. Barra minn hekk, intużaw teknoloġiji ġodda għall-ferroviji Engerth minħabba li t-tipi ta' ferroviji li kienu jintużaw b'mod ġenerali dak iż-żmien ma setgħux jifilħu l-pendili u r-raġġi estremi tal-lilwiet.[2]

Anke waqt li kienet qed tinbena, il-linja ferrovjarja ta' Semmering kienet meqjusa bħala sforz ta' “ġardinaġġ tal-pajsaġġ”, jiġifieri kienet tentattiv ta' taħlita armonjuża ta' teknoloġija u natura. L-esperjenza unika tal-ivvjaġġar li bdiet toffri il-linja ferrovjarja ta' Semmering ikkontribwiet b'mod sinifikanti għall-ftuħ oriġinali tar-reġjun ta' Semmering għat-turiżmu. Bosta lukandi u vilel huma xhieda ta' din l-epoka. Dan it-tkabbir enormi għall-ħabta tal-aħħar tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20 u l-evalwazzjoni mill-ġdid tar-reġjun bħala żona għall-isport tax-xitwa fl-ewwel terz tas-seklu 20 ġew interrotti l-ewwel mill-Ewwel Gwerra Dinjija u mbagħad mill-bidla fil-ħtiġijiet rikreattivi tal-popolazzjoni. Għalhekk, dan il-pajsaġġ kulturali uniku seta' jiġi ppreservat bi ftit bidliet. Vjaġġ fuq il-linja ferrovjarja ta' Semmering, li ilha tintuża għal iktar minn 160 sena mill-kostruzzjoni tagħha, għadu jimpressjona lill-vjaġġaturi peress li joffri esperjenza speċjali bis-saħħa tal-varjetà fil-pajsaġġ, l-istil tipiku tal-vilel tal-madwar u s-sekwenza karatteristika ta' vijadotti u mini.[2]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1998, il-linja ferrovjarja ta' Semmering ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) “Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”.[1]

Provi f'Semmering

[immodifika | immodifika s-sors]

Ġiet organizzata kompetizzjoni biex jiġi deċiż liema ferroviji kellhom jinxtraw sabiex jitħaddmu fil-linja ferrovjarja ta' Semmering. Medda waħda tal-linja ferrovjarja kellha pendili ta' 2.5 % u lilwiet b'raġġ minimu ta' 190 metru u b'raġġ massimu ta' 285 metru. Kienet meħtieġa veloċità stabbli ta' 11.5-il kilometru fis-siegħa, b'tagħbija massima fuq il-fusien ta' 14-il tunnellata, u bi pressjoni tal-bojler li ma taqbiżx it-8.5 kgf/cm² (830 kPa).[3]

Parteċipanti

[immodifika | immodifika s-sors]

Kien hemm erba' parteċipanti fil-kompetizzjoni, il-ferrovija Bavaria, mibnija minn Maffei; il-ferrovija Neustadt mibnija minn Wiener Neustädter Lokomotivfabrik; il-ferrovija Seraing mibnija minn Société anonyme John Cockerill fil-Belġju; u l-ferrovija Vindobona mibnija mill-Fabbrika Ferrovjarja ta' Wien-Gloggnitzer fi Vjenna. L-erba' ferroviji kollha ssodisfaw il-kundizzjonijiet tal-provi, iżda ma kinux affidabbli fil-prattika.[4]

Ferroviji antiki ta' Semmering

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-ferrovija Bavaria
Il-ferrovija Neustadt
Il-ferrovija Seraing

Il-Provi ta' Semmering wasslu għal għadd ta' żviluppi fid-disinn tal-ferroviji: il-Privattiva ta' Fairlie tal-1863, il-ferrovija Meyer u l-ferrovija Mallet.[5]

Disinn tal-ferrovija Engerth

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-ferrovija ekspress internazzjonali fuq il-linja ferrovjarja ta' Semmering, miġbuda minn 1044 274-7 (2004)

Id-disinn tal-ferrovija Engerth artikola l-vagun tat-tagħbija tal-fjuwil mal-qafas ewlieni tal-ferrovija, u ppermetta li ftit mill-piż tal-fjuwil u tal-ilma jinġarr fuq ir-roti tas-sewqan biex tittejjeb l-aderenza. Minħabba li l-vagun tat-tagħbija tal-fjuwil kien artikolat, iktar milli direttament imqabbad mal-qafas, il-ferrovija setgħet tgħaddi minn lilwa relattivament qawwija għall-oħra, filwaqt li tibqa' tgawdi l-vantaġġ taż-żieda fil-piż b'aderenza addizzjonali. Id-disinn oriġinali kien jinkludi wkoll propulsjoni indiretta mir-roti tas-sewqan ewlenin għar-roti ta' taħt il-vagun tat-tagħbija tal-fjuwil. Dan l-arranġament kien wisq ikkumplikat biex jinżamm u eventwalment tneħħa mid-disinn.[3]

Ġew ipprovduti sittax-il ferrovija għal-linja ferrovjarja ta' Semmering bejn Novembru 1853 u Mejju 1854. Dawn setgħu jilħqu veloċità ta' 19-il kilometru fis-siegħa għat-telgħa fuq pendili ta' 2.5 %. Fl-2004, il-ferrovija Engerth dehret fuq bolla Awstrijaka li kienet inħarġet biex tfakkar il-150 anniversarju tal-linja ferrovjarja ta' Semmering. Il-ferrovija Engerth dehret ukoll fuq munita ta' 25 Ewro maħruġa mill-Awstrija fl-2004.[6]

Attwalment, fuq il-linja ferrovjarja ta' Semmering jintużaw il-ferroviji Siemens ES64U2, magħrufa sew għal din ir-rotta bħala l-inġenji ewlenin tal-ÖBB. Mill-1963, bdew jintużaw ukoll il-ferroviji ÖBB tal-Klassi 1142, li issa jintużaw bħala inġenji b'magni li jagħtu spinta meta jkun hemm bżonn tul il-linja ferrovjarja, u mill-1977 bdew jintużaw il-ferroviji ÖBB tal-Klassi 1144 bħala inġenji b'magni ta' spinta meta jkun hemm bżonn kif ukoll bħala inġenji tal-merkanzija/passiġġieri.

Fl-1971, fil-linja ferrovjarja ta' Semmering saru provi wkoll fir-rigward tal-ferrovija SJ Rc li wittew it-triq għall-ferrovija ÖBB tal-Klassi 1043.

Għall-ferroviji lokali jintużaw il-Bombardier Talent u l-ÖBB tal-Klassi 4020.

Mina fil-Bażi tal-Linja Ferrovjarja ta' Semmering

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-25 ta' April 2012 beda t-tħaffir meħtieġ għall-kostruzzjoni tal-mina fil-bażi tal-linja ferrovjarja ta' Semmering li hija twila 27.3 kilometru. Permezz ta' din il-mina jistgħu jiġu ffrankati 41 kilometru tal-linja ferrovjarja ta' Semmering. Huwa mistenni li l-mina tinfetaħ fl-2024, b'kost totali ta' €3.1 biljun.[7]

Stampa:2004 Austria 25 Euro 150 Years Semmering Alpine Railway back.jpg
Munita kommemorattiva tal-150 sena tal-Linja Ferrovjarja Alpina ta' Semmering

Il-Linja Ferrovjarja Alpina ta' Semmering kienet il-motiv ewlieni ta' bosta muniti u medalji għall-kollezzjonisti.

Waħda mill-iktar famużi u reċenti hija l-munita kommemorattiva tal-150 sena tal-Linja Ferrovjarja Alpina ta' Semmering. Fuq in-naħa ta' quddiem tal-munita jidhru żewġ ferroviji: waħda storika u waħda moderna. Fuq in-naħa ta' wara tal-munita hemm veduta tipika ta' Semmering b'ferrovija Engerth għadha kemm ħarġet minn mina li taqsam wieħed mill-vjadotti distintivi. In-nota tal-iskilling Awstrijaka tal-1967 tidher fuq l-inġinier fuq naħa waħda, u xena Semmering (inkluż wieħed mill-pontijiet distintivi fuq żewġ livelli) fuq in-naħa l-oħra.

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Semmering Railway". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-15.
  2. ^ a b ċ "Semmering Railway - New World Encyclopedia". www.newworldencyclopedia.org. Miġbur 2021-05-15.
  3. ^ a b Hamilton Ellis, Cuthbert (1973). The Pictorial Encyclopedia of Railways. Hamlyn. ISBN 0-600-03075-X.
  4. ^ "Garrattfan's model railroading pages". www.modelrailroading.nl. Miġbur 2021-05-15.
  5. ^ "Homepage verplaatst van Het Net naar KPN - KPN". archive.is. 2012-12-20. Miġbur 2021-05-15.
  6. ^ "25 Euro, Austria". en.numista.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-15.
  7. ^ 2012-05-03T13:40:00. "Semmering base tunnel ground-breaking". Railway Gazette International (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-15.