Kwistjoni tal-Iskejjel tal-Knisja
Il-Kwistjoni tal-Iskejjel tal-Knisja kienet kwistjoni politiko-reliġjuża bejn il-Gvern ta' Malta (għall-ewwel immexxi minn Dom Mintoff u mbagħad minn Karmenu Mifsud Bonnici) u l-Knisja. Il-kwistjoni laħqet il-quċċata tagħha fl-ewwel nofs tas-snin tmenin tas-Seklu XX.[1]
Il-Kwistjoni kienet tikkonċerna deċiżjoni tal-gvern Soċjalista li l-iskejjel ikunu b'xejn għal kulħadd.
Fis-snin '70, minkejja li l-iskejjel tal-Gvern kienu b'xejn u dawk tal-Knisja bil-ħlas, beda eżodu ta' studenti minn skejjel primarji u sekondarji tal-gvern għal dawk tal-Knisja, meqjusin skejjel ta' kwalità aħjar minn dawk statali.[2]
Fil-manifest elettorali tal-1981, il-Malta Labour Party wiegħed skola b'xejn għal kulħadd, u wara l-elezzjoni, f'Diċembru tal-1982, daħħal legal notice li ffriżat il-miżati tal-iskejjel tal-knisja filwaqt li ġegħlet li d-donjazzjonijiet li jingħataw l-istess skejjel jingħaddu bħala parti mal-istess miżati.[3] Sal-1984, f'kuntest dejjem iktar jiħrax, il-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici kompla bl-għajta li l-edukazzjoni għandha tkun "jew b'xejn, jew xejn".[2] Kienet għajta li, skont Patri Duminku Scerri, dak iż-żmien rettur ta' waħda mill-iskejjel tal-knisja, il-kulleġġ San Albert il-Kbir fil-Belt Valletta, ġarret riperkussjonijiet fuq "l-awtonomija, l-identità, u l-karattru" tal-iskejjel tal-Knisja".[4]
Kien tentattiv oppost qatigh mill-istess Knisja u mill-Parent-Teachers Association (PTA)[4], u li wassal għal dimostrazzjonijiet fit-toroq u pressjoni fuq il-Gvern. L-istess skejjel tal-Knisja daru mat-tneħħija tad-dħul mill-miżati billi addottaw sistema ta' donazzjoni mill-ġenituri.[2]
Il-Kwistjoni tal-Iskejjel tal-Knisja bdiet tiġi riżolta mal-bidla fil-gvern għal wieħed immexxi minn Eddie Fenech Adami u l-Partit Nazzjonalista, wara l-elezzjoni ġenerali tal-1987.[5]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ L-Eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici Jiċċelebra Għeluq Sninu, [1], 17 ta' Lulju 2021, 09:13
- ^ a b ċ The MLP and Education. The Malta Independent. [2]. 11 ta' Frar 2008.
- ^ Fenech, Gerald. 'Jew b'Xejn, Jew Xejn', maltatoday. (25 t'April 2010)
- ^ a b Scerri, Dominic V. (2000). The Saga of the Church Schools in Malta (1970-1986).
- ^ Ilkoll Aħwa fi Kristu: Ġużeppi Mercieca - Memorji, [3] 19 t'Ottubru 2014