Kumpless tal-Muntanji u tat-Tempji ta' Chengde
Il-Kumpless tal-Muntanji u tat-Tempji ta' Chengde (biċ-Ċiniż: 承德避暑山庄; bil-Manchu: Halhūn be jailara gurung) huwa kumpless kbir ta' palazzi u ta' ġonna imperjali li jinsab fid-Distrett ta' Shuangqiao f'Chengde fil-Grigal tal-provinċja ta' Hebei, fit-Tramuntana taċ-Ċina, madwar 225 kilometru (140 mil) fil-Grigal tal-belt kapitali Beijing. Dan il-kumpless spiss kien jintuża bħala palazz tas-sajf matul żmien id-dinastija Qing. Minħabba l-kollezzjoni vasta u rikka ta' pajsaġġi u ta' arkitettura Ċiniżi, il-Kumpless tal-Muntanji u tat-Tempji ta' Chengde f'ħafna modi kien il-quċċata tal-varjetajiet kollha ta' ġonna, pagodi, tempji u palazzi minn diversi reġjuni taċ-Ċina.[1] Fl-1994, il-Kumpless tal-Muntanji u tat-Tempji ta' Chengde tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]
Il-Ġnien ta' Chengde huwa wieħed mill-erba' ġonna famużi taċ-Ċina li ngħata protezzjoni bħala relikwa nazzjonali u jitqies bħala attrazzjoni turistika tal-Klassi 5A fiċ-Ċina.[3]
Isem
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kumpless tal-Muntanji u tat-Tempji ta' Chengde xi kultant jissejjaħ ukoll bħala Rehe Xinggong (biċ-Ċiniż: 热河行宫) jew Ligong (biċ-Ċiniż: 离宫).
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kumpless tal-Muntanji u tat-Tempji ta' Chengde nbena bejn l-1703 u l-1792 matul żmien id-dinastija Qing. B'kollox ikopri erja ta' 5.6 km2 (2.2 mili kwadri), jiġifieri kważi nofs l-erja urbana ta' Chengde. Huwa kumpless kbir ta' palazzi u ta' binjiet amministrattivi u ċerimonjali. Tempji bi stili arkitettoniċi differenti u ġonna imperjali nbnew flimkien f'armonija u joħolqu pajsaġġ ta' lagi, mergħat u foresti.
L-imperaturi Kangxi, Qianlong u Jiaqing spiss kienu jqattgħu diversi xhur fis-sena hawnhekk biex jaħarbu s-sħana tas-sajf fil-belt kapitali ta' Beijing. Għaldaqstant, iż-żona tal-palazzi fin-naħa tan-Nofsinhar tal-kumpless ġiet iddisinjata biex tixbaħ lill-Belt Projbita f'Beijing. Tikkonsisti minn żewġ partijiet: qorti quddiem, fejn l-imperatur kien jilqa' lill-uffiċjali għoljin, lin-nobbli ta' diversi nazzjonalitajiet minoritarji u mibgħuta barranin; u kmamar tas-sodda fuq wara, li kienu l-kwartieri residenzjali tal-familja imperjali, fosthom is-Sala ta' Yanbozhishuang, fejn l-Imperatur Kangxi qatta' total ta' 12-il sajf, filwaqt li l-Imperatur Qianlong qatta' 52 sajf matul ir-renju tiegħu. L-Imperaturi Jiaqing u Xianfeng it-tnejn li huma mietu waqt li kienu jinsabu f'Chengde fl-1820 u fl-1861 rispettivament.
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kumpless tal-Muntanji u tat-Tempji ta' Chengde jinsab fiż-żona ta' tranżizzjoni bejn iż-żona miti sħuna u ż-żona miti kiesħa. Għandu klima kontinentali semimiti u semiarida tal-monsuni. Ikun hemm differenza kbira fit-temperatura binhar u billejl. Fix-xitwa, tagħmel ħafna kesħa u ftit borra. Fis-sajf, ikun hemm ħafna maltempati bir-ragħad u x-xita, għaldaqstant ikun hemm ftit perjodi bis-sħana. Il-Kumpless tal-Muntanji u tat-Tempji ta' Chengde huwa adattat għall-ivvjaġġar f'kull staġun, iżda l-aqwa perjodu x'aktarx li huwa minn April sa Ottubru.[4]
Punti xeniċi
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kumpless tal-Muntanji u tat-Tempji ta' Chengde huwa famuż l-iktar għat-72 punt xeniku li ngħataw isimhom mill-Imperaturi Kangxi u Qianlong. Bosta mill-punti xeniċi madwar l-inħawi tal-lag tal-kumpless ġew ikkopjati mill-ġonna pajsaġġistiċi famużi fin-Nofsinhar taċ-Ċina. Pereżempju, il-binja prinċipali fuq il-Gżira tal-Lotus Aħdar, it-"Torri taċ-Ċpar u tax-Xita" (biċ-Ċiniż: 烟雨楼 jew 煙雨樓; bil-Pinjin: Yānyǔ Lóu), hija mmudellata fuq torri fil-Lag ta' Nanhu f'Jiaxing fil-Provinċja ta' Zhejiang.
Iż-żona tal-pjanura tal-kumpless tħaddan karatteristiċi mix-xenarju tal-bwar tal-ħaxix tal-Mongolja. Il-muntanji bil-foresti u bil-widien fihom diversi binjiet sparpaljati. Fosthom hemm pagoda Ċiniża tal-ġebel għolja 70 metru (230 pied), waħda mill-ogħla fiċ-Ċina, li nbniet fl-1751 matul ir-renju tal-Imperatur Qianlong. Il-pagoda għandha bażi ottagonali, disa' sulari mżejna b'madum igglejżjat ikkulurit, u quċċata bi spira tonda ndurata.
F'Diċembru 1994, il-Kumpless tal-Muntanji u tat-Tempji ta' Chengde tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]
Avvenimenti
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kampjonat Dinji tal-Bandy tan-Nisa tal-2018 seħħ fil-lag iffriżat naturalment fil-kumpless.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kumpless tal-Muntanji u tat-Tempji ta' Chengde ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Journal of garden history, Volume 19. Taylor & Francis from University of California. 1999.
- ^ a b ċ d "Mountain Resort and its Outlying Temples, Chengde". whc.unesco.org. Miġbur 2024-08-24.
- ^ "中华人民共和国文化和旅游部". web.archive.org. 2007. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-11-23.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "承德 - 气象数据 -中国天气网". www.weather.com.cn. Miġbur 2024-08-24.