Kumpless tal-Bażar Storiku ta' Tabriz
Il-Kumpless tal-Bażar Storiku ta' Tabriz (bil-Persjan: بازار تبریز; b'ittri Rumani: Bāzār-e Tabriz; bl-Ażerbajġani: تبریز بازاری; b'ittri Rumani: Tabriz Bazari) huwa suq storiku li jinsab fiċ-ċentru tal-belt ta' Tabriz, l-Iran. Dan il-kumpless huwa wieħed mill-eqdem swieq fil-Lvant Nofsani u wieħed mill-ikbar bażars (swieq imsaqqfa) fid-dinja.[1] Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2][3]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Il-bażar ta' Tabriz ilu post ta' skambju kulturali mill-qedem. Il-bażar storiku huwa wieħed mill-iżjed ċentri kummerċjali importanti tul it-Triq tal-Ħarir. Ilu jkun hemm bażar fl-istess sit mill-perjodi bikrin tal-urbaniżmu Iranjan wara l-wasla tal-Iżlam. Il-bażar issemma mill-vjaġġatur Venezjan Marco Polo, li stqarr li għadda minn hemm fil-vjaġġ tiegħu tul it-Triq tal-Ħarir.[4]
Al-Maqdisi fis-seklu 10, Yaqut al-Hamawi għall-ħabta tal-1213, Zakariya al-Qazwini għall-ħabta tal-1252, Marco Polo fl-1271, Odorico ta' Pordenone għall-ħabta tal-1321, Ibn Battuta għall-ħabta tal-1330, Ambrogio Contarini fl-1474, Hamdallah Mustawfi għall-ħabta tas-sekli 13-14, John Cartwright fl-1606, Jean Chardin fi żmien Suleiman I tal-Persja, Jean-Baptiste Tavernier għall-ħabta tal-1636, Giovanni Francesco Gemelli Careri għall-ħabta tal-1642 u għexieren ta' esploraturi u storiċi oħra kitbu dwar il-Bażar ta' Tabriz, u dan juri l-importanza tiegħu matul żminijiet differenti.[5]
Il-kumpless jinsab fiċ-ċentru tal-belt ta' Tabriz, l-Iran, u huwa maqsum f'ringieli, ħafna minnhom allokati għal kategoriji partikolari ta' prodotti. Dawn jinkludu l-Bażar ta' Amir (għad-deheb u għall-ġojjellerija), il-Bażar ta' Mozzafarieh (għat-twapet minsuġin bl-idejn, imqassmin skont id-daqs għeqiedi u t-tipi ta' nsiġ), il-Bażar ta' Bashmakhchi (għaż-żraben), il-Bażar ta' Kiz Basdi, u l-Bażar ta' Rahli (għall-għelejjel). Tabriz u l-bażar tagħha kellhom l-iktar prosperità fis-seklu 16, meta l-belt saret il-belt kapitali tar-renju Safavid. Il-belt tilfet dan l-istatus fis-seklu 17, iżda l-bażar tagħha baqa' importanti bħala ċentru kummerċjali u ekonomiku fir-reġjun u tul it-Triq tal-Ħarir. Għalkemm f'dawn l-aħħar snin ġew stabbiliti bosta ħwienet u stabbilimenti kummerċjali moderni, il-Bażar ta' Tabriz żamm ir-rwol vitali tiegħu bħala ċentru ekonomiku tal-belt u tal-Majjistral tal-Iran.[6]
Il-Bażar ta' Tabriz kien ukoll post ta' importanza politika, pereżempju fir-Rivoluzzjoni Kostituzzjonali Iranjana u fir-Rivoluzzjoni Iżlamika kontemporanja.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Bażar ta' Tabriż ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Lulju 2010.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]
Ċerimonji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-bażar jintuża għal xi ċerimonji reliġjużi importanti. L-iżjed waħda famuża hija Jum Ashura li matulu l-merkanti ma jagħmlux kummerċ għal madwar għaxart ijiem u minflok isiru ċerimonji reliġjużi fi ħdan il-bażar. Bħal f'bażars oħra fil-Lvant Nofsani, hemm diversi moskej li nbnew wara l-bażar; l-iżjed waħda notevoli minnhom hi l-Moskea ta' Jome' jew il-Moskea tal-Ġimgħa.
Restawr
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-sena 2000, l-Organizzazzjoni tal-Eremitaġġi Storiċi bdiet proġett ta' restawr tal-Bażar ta' Tabriz, bil-parteċipazzjoni sħiħa tas-sidien tal-ħwienet. Il-proġett ta' restawr u ta' riabilitazzjoni rebaħ il-Premju Aga Khan għall-Arkitettura fl-2013.[7]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Iktar qari
[immodifika | immodifika s-sors]- Gregorian, Vartan (2003), The Road to Home: My Life and Times. New York: Simon & Schuster.
- Levinson, David, Christensen, Karen (2002), Encyclopedia of Modern Asia. New York: Scribner's.
- Swiętochowski, Thaddeus (1995), Russia and Azerbaijan: A Borderland in Transition. New York: Columbia University Press.
- Hosseini, Hamid-Rezā (2010), "وسیع ترین بازار ایران" [L-ikbar bażar fl-Iran]. Jadid Online, (bil-Persjan).
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Mehdipour, H.R.N, "Persian Bazaar and Its Impact on Evolution of Historic Urban Cores: The Case of Isfahan," The Macrotheme Review [A multidisciplinary Journal of Global Macro Trends], Vol. 2, no. 5, 2013, p. 14.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Tabriz Historic Bazaar Complex". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-29.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "World Heritage Committee inscribes seven cultural sites on World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-29.
- ^ Assari,A., Mahesh, T.M., Emtehani, M.E. and Assari, E., "Comparative Sustainability of Bazaar in Iranian Traditional Cities: Case Studies of Isfahan and Tabriz," International Journal on “Technical and Physical Problems of Engineering”, Vol. 3, Nru 9, 2011, pp. 18-24.
- ^ "Editorial Board, East Azarbaijan Geography, Iranian Ministry of Education". 2000. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-06-16. Miġbur 2023-12-29.
- ^ "بازار بزرگ تبریز - پرتال شهرداری تبریز". web.archive.org. 2020-07-25. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-07-25. Miġbur 2023-12-29.
- ^ "Rehabilitation of Tabriz Bazaar - Aga Khan Award for Architecture". web.archive.org. 2013-07-06. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-07-06. Miġbur 2023-12-29.