Aqbeż għall-kontentut

Kultura ta' Chinchorro

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-mumji tal-Kultura ta' Chinchorro fil-Mużew ta' San Miguel de Azapa.

Il-Kultura ta' Chinchorro tal-Amerka t'Isfel kienet kultura ta' qabel il-produzzjoni taċ-ċeramika li damet mis-7000 sal-1500 Q.K.). In-nies li kienu jagħmlu parti mill-Kultura ta' Chinchorro kienu sajjieda sedentarji li kienu jgħixu fir-reġjun kostali Paċifiku tat-Tramuntana taċ-Ċilì u tan-Nofsinhar tal-Perù attwali. Il-preżenza tal-ilma ħelu fir-reġjun aridu tul il-kosta ffaċilitat l-insedjament uman f'dawn l-inħawi. Il-Kultura ta' Chinchorro kienet famuża għall-mummifikazzjoni u għall-prattiki funebri dettaljati tagħha. L-inħawi tal-Kultura ta' Chinchorro bdew jiġu influwenzati mill-Promontorju tal-Andes għall-ħabta tal-4,000 sena qabel il-preżent, u dan wassal għall-adozzjoni tal-agrikoltura. Ferm wara, l-inħawi sfaw taħt l-influwenza tal-Imperu ta' Tiwanaku.

Fl-2021, is-Siti Arkeoloġiċi tal-Kultura ta' Chinchorro tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Mappa tad-distribuzzjoni tas-siti arkeoloġiċi tal-Kultura ta' Chinchorro.

Il-Kultura ta' Chinchorro ngħatat isem il-Bajja ta' Chinchorro (bl-Ispanjol: Playa Chinchorro), qrib Arica, iċ-Ċilì, fejn ġew skoperti l-ewwel mumji.[2]

Il-pajsaġġ ta' Arica, iċ-Ċilì.

Il-kultura nfirxet fir-reġjuni kostali aridi tad-Deżert ta' Atacama minn Ilo, fin-Nofsinhar tal-Perù, sa Antofagasta fit-Tramuntana taċ-Ċilì. Iżda l-qalba kulturali tal-Kultura ta' Chinchorro jidher li kien ir-reġjun Ċilen ta' Arica-Camarones, li huwa estiż bejn l-irħula kostali ta' Arica u ta' Caleta Camarones lejn in-Nofsinhar. Madwar Arica kif ukoll madwar Caleta Camarones hemm bosta siti arkeoloġiċi.

Il-Kultura ta' Chinchorro kienet magħmula minn sajjieda esperti. Dawn żviluppaw ġabra estensiva u sofistikata ta' rkaptu tas-sajd. In-nies kellhom irkaptu tas-sajd effiċjenti, bħal snanar magħmula mill-qxur tal-baħar u mill-kakti, u piżijiet tal-ġebel għax-xbieki magħmula minn materjali bil-malji. In-nies tal-Kultura ta' Chinchorro saru wkoll nissieġa tas-sengħa tal-qfief u tat-twapet.[3]

Riti funebri tal-perjodu aħħari tal-Kultura ta' Chinchorro (1000-500 Q.K.).
Rappreżentazzjoni artistika.
Ir-rit funebri jintwera bħala kranju uman b'elmu funebri u diversi oġġetti; kollezzjoni tal-Mużew ta' Anker Nielsen f'Iquique, iċ-Ċilì. Il-prattika tal-mummifikazzjoni tintwera wkoll fil-Mużew Arkeoloġiku ta' San Miguel de Azapa.

The funeral rite is shown as a human skull with funeral helmet and various items, collection of the Anker Nielsen museum in Iquique, Chile. The mummification practice is displayed in the Archaeology Museum of San Miguel de AzapaFilwaqt li l-biċċa l-kbira tas-siti tal-Kultura ta' Chinchorro jinsabu tul il-kosta, uħud jinsabu wkoll 'il ġewwa u fl-artijiet għoljin fil-qrib ukoll. L-istil tal-ħajja tagħhom kien sostnut b'mod predominanti mill-ħut, mill-qxur tal-baħar u mill-mammiferi tal-baħar. Ġew skavati wkoll xi tumbati kostali kbar bid-depożiti. L-analiżi tax-xagħar u tal-għadam uman mill-mumji tindika li madwar 90 fil-mija tad-dieta tagħhom kienet tikkonsisti minn ikel tal-baħar u l-10 fil-mija l-oħra minn annimali u pjanti terrestri.[4]

Is-sit ewlieni tal-Kultura ta' Chinchorro nstab f'Arica, iċ-Ċilì; ġie skopert mill-arkeologu Ġermaniż Max Uhle fil-bidu tas-seklu 20.

Tul din il-kosta ġew skoperti bosta siti arkeoloġiċi bikrin ħafna. Fil-Perù, l-arkeologi studjaw Quebrada Tacahuay u Quebrada Jaguay. Iktar lejn in-Nofsinhar hemm ukoll sit b'ċirku u Quebrada Los Burros. Dawn fil-biċċa l-kbira jmorru lura għall-Plejstoċen Aħħari u għall-Oloċen Bikri (għall-ħabta tal-11000-9000 Q.K.). Iktar 'il ġewwa fiċ-Ċilì nstabu wkoll is-siti ta' Achas u ta' Las Conchas.[5]

Quebrada Jaguay huwa l-iżjed sit fit-Tramuntana u l-eqdem sit, li jmur lura għall-11,000 Q.K. Quebrada Tacahuay, iktar fin-Nofsinhar, huwa kemxejn iktar reċenti. Xi studjużi jsostnu li l-Kultura ta' Chinchorro żviluppat minn dawn l-insedjamenti iktar bikrin għalkemm id-dettalji ta' dan għadhom qed jiġu investigati. Is-sit ta' Achas huwa s-sit fejn instabet l-iżjed mumja bikrija tal-Kultura ta' Chinchorro (ir-raġel ta' Acha).

Is-sit magħruf sew ta' Monte Verde, li jinsab ukoll qrib il-kosta Ċilena, għandu jissemma wkoll f'dan il-kuntest. Dan l-aħħar, is-sit ta' Monte Verde ġie datat mill-ġdid li jmur lura saħansitra sas-16500 Q.K.).[6]

Mumji ta' Chinchorro

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-mumji ta' Chinchorro tas-sit ewlieni ta' Arica, iċ-Ċilì.

Il-mumji ta' Chinchorro jmorru lura għal 9,000 sena qabel il-preżent, jew is-7000 Q.K. Il-mumji ta' Chinchorro huma ferm iktar antiki minn dawk tal-Eġittu tal-Qedem. Parti mid-DNA tagħhom ġie rkuprat. Il-kultura damet għal diversi eluf ta' snin, u evolviet u ġiet adattata tul iż-żmien. It-tmiem tal-Kultura ta' Chinchorro seħħ għall-ħabta ta' 3,500 sena qabel il-preżent.

Dr. Bernardo Arriaza huwa antropologu fiżiku Ċilen li kkontribwixxa ferm għall-għarfien attwali tagħna dwar il-Kultura ta' Chinchorro. Fl-1984, huwa ppubblika studju fil-ġurnal Chungara, li kien l-ewwel xogħol tiegħu dwar il-Kultura ta' Chinchorro. Iktar 'il quddiem, fl-1994, Arriaza ppubblika klassifikazzjoni tal-mumji ta' Chinchorro, it-tipoloġija li llum il-ġurnata tintuża b'mod mifrux mill-komunità xjentifika u ġenerali. Fl-1995 huwa kiteb artiklu[7] importanti għar-rivista National Geographic dwar il-mumji ta' Chinchorro, li ġie tradott b'diversi lingwi u dan għen biex il-mumji tal-qedem jiġu promossi fuq livell internazzjonali. Il-ktieb tiegħu "Beyond Death: The Chinchorro Mummies of Ancient Chile"[8] (Lil Hinn mill-Mewt: Il-Mumji ta' Chinchorro taċ-Ċilì tal-Qedem) ġie ppubblikat mis-Smithsonian Institution Press f'Washington, D.C. Iktar 'il quddiem dan ix-xogħol ġie tradott bl-Ispanjol minn Marlene Onate (l-Università ta' Nevada, Las Vegas) u ġie ppubblikat fiċ-Ċilì mill-Universidad de Chile flimkien mal-Editorial Universitaria Press.

Ras ta' mumja ta' Chinchorro.

Il-mummifikazzjoni fil-biċċa l-kbira ma kinitx marbuita mal-età u mal-istatus soċjali tal-mejtin, għalkemm l-eks membri ta' grad għoli tal-Kultura ta' Chinchorro ngħataw trattament funebri iktar elaborat u iktar kumpless. Il-konċentrazzjonijiet għoljin ta' arseniku fl-ambjent wasslu għal mortalità kbira fost it-trabi tal-Kultura ta' Chinchorro, u dan jitqies bħala l-kawża tal-iżvilupp tal-mummifikazzjoni bħala pproċessar soċjali u emozzjonali. It-teknika tal-mummifikazzjoni varjat maż-żmien. B'mod partikolari, il-kulur tal-mumji nbidel, minn iswed ileqq prodott mill-manganiż għal lewn aħmar iktar 'il quddiem (għall-ħabta tal-2000 Q.K.).

Wara l-mewt, il-laħam tal-mejtin kien jitneħħa u n-naħa ta' barra tal-iġsma kienet tiġi mmudellata bl-użu ta' stikek u tafal. Imbagħad il-mumji kienu jiġu midluka b'wieħed mill-materjali msemmija hawn fuq. Inħolqu maskri ħomor u suwed b'toqob karatteristiċi għall-ħalq, għall-imnieħer u għall-għajnejn, bl-użu ta' pigmenti tal-kulur u x'aktarx li ġew immudellati skont wiċċ il-mejtin. Il-mejtin imbagħad kienu jitgeżwru fuq drapp magħmul mill-qasab u kienu jindifnu superfiċjalment fil-ħamrija tad-deżert.[9]

Tpinġija bikrija ta' fuq il-ġisem

[immodifika | immodifika s-sors]

Mumja maskili tal-Kultura ta' Chinchorro għandha l-iżjed tpinġija bikrija ta' fuq il-ġisem li qatt instabet fl-Amerki. Il-mumja għandha tpinġija qisha ta' mustaċċi b'linja bit-tikek impinġija fuq ix-xoffa ta' fuq; it-tpinġija ta' fuq il-ġisem tmur lura għall-ħabta tal-2300 Q.K.[10][11]

Żviluppi iktar 'il quddiem

[immodifika | immodifika s-sors]
Mumja ta' Chinchorro, fil-kosta tan-Nofsinhar tal-Perù jew fil-kosta tat-Tramuntana taċ-Ċilì, 5000-2000 Q.K., il-Mużew tal-Bniedem ta' San Diego.

Il-Fażi ta' Azapa tal-iżvilupp kulturali lokali (4,000‐2,500 sena qabel il-preżent) kienet perjodu tranżizzjonali bejn tmiem il-Faċżi ta' Chinchorro u l-bidu tal-Fażi ta' Alto Ramírez. Dawn l-iżvilupp seħħew fil-Wied ta' Azapa qrib il-kosta. Għall-ħabta ta' 4,000 sena qabel il-preżent, il-poplu fil-Wied ta' Azapa esperjenza xi bidliet kulturali li ġabu magħhom l-immigranti mill-Altiplano. Dawn l-influwenzi wasslu għall-adozzjoni tal-agrikoltura għall-ħabta ta' 3,000 sena qabel il-preżent, kif ukoll għall-introduzzjoni taċ-ċeramika. Dawn il-gruppi li ġew wara ma baqgħux jimmummifikaw il-mejtin tagħhom.

L-influwenza tal-kulturi bikrin tal-Andes fit-Tramuntana taċ-Ċilì ġiet studjata minn bosta arkeologi. Speċjalment l-influwenza mill-kultura ta' Wankarani, u mill-kultura bikrija ta' Pukara mill-inħawi tal-Lag ta' Titicaca jaf huma rilevanti hawnhekk. Matul fażi tranżizzjonali, il-kultura ta' Chinchorro jaf kienet teżisti flimkien ma' tradizzjoni emerġenti tal-Andes tul il-kosta.[12]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Insedjamenti u l-Mummifikazzjoni Artifiċjali tal-Kultura ta' Chinchorro fir-Reġjun ta' Arica u ta' Parinacota ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2021.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Settlement and Artificial Mummification of the Chinchorro Culture in the Arica and Parinacota Region". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-22.
  2. ^ "National Geographic Magazine". National Geographic (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-22.
  3. ^ "Making the Dead Beautiful: Mummies as Art - Archaeology Magazine Archive". archive.archaeology.org. Miġbur 2023-10-22.
  4. ^ "The History and Definition of Chinchorro Culture". ThoughtCo (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-22.
  5. ^ Arriaza, Bernardo T.; Standen, Vivien G.; Cassman, Vicki; Santoro, Calogero M. (2008). "Chinchorro Culture: Pioneers of the Coast of the Atacama Desert". The Handbook of South American Archaeology. pp. 45–58. doi:10.1007/978-0-387-74907-5_3. ISBN 978-0-387-74906-8.
  6. ^ Dillehay, Tom D.; Ocampo, Carlos (November 18, 2015). "New Archaeological Evidence for an Early Human Presence at Monte Verde, Chile". PLOS One. 10 (11): e0141923.
  7. ^ "National Geographic Magazine". National Geographic (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-22.
  8. ^ Smith, Maria O. (1996-12-01). "Beyond Death: The Chinchorro Mummies of Ancient Chile. Bernardo T. Arriaza". The Quarterly Review of Biology. 71 (4): 557.
  9. ^ Arriaza, Bernardo T. (December 2005). "Arseniasis as an Environmental Hypothetical Explanation for the Origin of the Oldest Artificial Mummification Practice in the World". Chungará (Arica). 37 (2).
  10. ^ Arriaza, Bernardo (1988). "Modelo bioarqueológico para la búsqueda y acercamiento al individuo social" (PDF). Chungara. 21: 9–32.
  11. ^ Arriaza, Bernardo (1988). "Modelo bioarqueológico para la búsqueda y acercamiento al individuo social" (PDF). Chungara. 21: 9–32.
  12. ^ Carlos A. Baied, Review of: Historias del Desierto: Arqueología del Norte de Chile, by Mario Rivera, Editorial del Norte, 2002, pp. 238, La Serena. Volumen 39, N° 1, 2007. pp. 135–136 Chungara, Revista de Antropología Chilena.