Kultura ta' Liangzhu
Il-Kultura ta' Liangzhu (pronunzja: /ˈljɑːŋˈdʒuː/; 3300–2300 Q.K.) kienet l-aħħar kultura Neolitika Ċiniża tal-ġada fid-delta tax-xmara Yangtze. Il-kultura kienet stratifikata sew, tant li l-artefatti tal-ġada, tal-ħarir, tal-avorju u tal-laker instabu esklużivament fl-oqbra tal-elit, filwaqt li l-oġġetti tal-fuħħar instabu iktar fl-oqbra ta' individwi ifqar. Din id-diviżjoni skont il-klassi tindika li l-Kultura ta' Liangzhu kienet stat bikri, u dan joħroġ fid-dieher mid-distinzjoni ċara bejn il-klassijiet soċjali fl-istrutturi funebri. Ċentru urban panreġjonali feġġ fis-sit tal-Kultura ta' Liangzhu fil-Majjistral ta' Hangzhou, Zhejiang, u gruppi tal-elit minn dan is-sit kienu jippresjedu fuq iċ-ċentri lokali.[1] Il-Kultura ta' Liangzhu kienet tassew influwenti u l-isfera tal-influwenza tagħha laħqet saħansitra sa Shanxi fit-Tramuntana u saħansitra sa Guangdong fin-Nofsinhar.[2] Is-sit primarju tal-Kultura ta' Liangzhu x'aktarx li kien fost l-eqdem siti Neolitiċi fil-Lvant tal-Asja li tqies bħala soċjetà statali.[3][4] Dan is-sit tal-Kultura ta' Liangzhu ġie skopert fil-Kontea ta' Yuhang, Zhejiang u inizjalment ġie skavat minn Shi Xingeng fl-1936.
Fis-6 ta' Lulju 2019, il-fdalijiet arkeoloġiċi tal-Kultura ta' Liangzhu tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[5]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Fdalijiet Arkeoloġiċi tal-Belt ta' Liangzhu ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2019.[5]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[5]
Għebien
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kultura ta' Liangzhu ffjorixxiet għall-ħabta tal-2500 Q.K., iżda għebet mill-inħawi tal-Lag ta' Taihu wara l-l-2300 Q.K. Ma nstabet kważi l-ebda traċċa tal-kultura fl-inħawi mis-snin ta' wara.[6]
Ir-riċerka reċenti wriet li ż-żieda fil-livell tal-ilma waqqaf l-iżvilupp ta' insedjamenti umani kemm-il darba fl-inħawi. Dan wassal biex ir-riċerkaturi jikkonkludu li l-waqgħa tal-Kultura ta' Liangzhu waslet minħabba bidliet ambjentali estremi bħal għargħar, peress li s-saffi kulturali spiss huma interrotti minn saffi bit-tajn, bir-ramel jew biż-żrar li jinkludu siġar Paleolitiċi mirduma.[7] Xenarju alternattiv jipproponi li matul il-perjodu tal-Kultura ta' Liangzhu kien hemm monsoni tassew qawwijin li rriżultaw f'għargħar kbar li qerdu d-digi u l-insedjamenti tal-Kultura ta' Liangzhu.[8] Din it-teorija ġiet appoġġata minn studju fl-2021, li ssuġġerixxa li perjodu twil deċennju ta' xita qliel (bejn l-4345 ± 32 sena u l-4324 ± 30 sena qabel il-preżent), x'aktarx ikkawżat minn żieda fil-frekwenza tal-kundizzjonijiet ta' El Niño jew l-Oxxillazzjoni tan-Nofsinhar, wassal għall-għebien tal-kultura. Ir-riċerkaturi stqarrew li "xita qawwija fin-naħa t'isfel u tan-nofs tal-wied tax-xmara Yangtze jaf wasslet għal għargħar mix-xmara u/jew mill-baħar ittrasportat mix-xmara Yangtze, u b'hekk dan xekkel l-abitazzjoni umana u t-tkabbir tar-ross. L-għargħar kbir minħabba n-nuqqas ta' drenaġġ avvanzat fl-art baxxa jaf ġiegħel lill-Kultura ta' Liangzhu tabbanduna l-belt kapitali u l-abitazzjonijiet tagħha fil-Pjanura ta' Taihu, u fl-aħħar mill-aħħar dan wassal għall-kollass tal-Kultura ta' Liangzhu".[9][10] Dan kollu jaf seħħ matul jew qabel is-seklu fejn kien hemm nixfa globali li jingħad li qerdet il-biċċa l-kbira tal-ewwel ġenerazzjoni taċ-ċivilizzazzjonijiet umani, inkluż dawk tal-wied tal-Indus, tar-Renju Antik tal-Eġittu u tal-Imperu Akkadjan fis-Sumerja.
Kostruzzjoni tal-bliet u agrikoltura
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kultura kienet tipprattika agrikoltura avvanzata, inkluż l-irrigazzjoni, il-kultivazzjoni tal-għelieqi tar-ross u l-akkwakultura. Id-djar spiss kienu mibnija fuq il-puntali fix-xmajjar jew fix-xtut.
Skoperta ġdida ta' relikwi fil-bażi ta' swar antiki tħabbret mill-gvern provinċjali ta' Zhejiang fid-29 ta' Novembru 2007. Ġie konkluż li s-sit kien iċ-ċentru tal-Kultura ta' Liangzhu. Mużew ġdid tal-Kultura ta' Liangzhu tlesta fl-2008 u nfetaħ iktar tard f'dik is-sena.
Il-Belt Antika ta' Liangzhu tinsab f'art mistagħdra fil-pjanura ta' bejn il-Muntanja Daxiong u l-Muntanja Dazhe tal-Katina Muntanjuża ta' Tianmu. Din il-belt tal-qedem jingħad li kienet l-ikbar belt ta' dak iż-żmien. Iż-żona interna tagħha kien fiha 290 ettaru u kienet imdawra b'ħitan tat-tafal li kellhom sitt daħliet li jagħtu għall-belt. Żewġ daħliet kienu jinsabu fit-Tramuntana, żewġ daħliet kienu jinsabu fil-Lvant u żewġ daħliet kienu jinsabu fin-Nofsinhar. Fin-nofs tal-belt kien hemm palazz li kien fih 30 ettaru u nstabet ukoll evidenza ta' disinn artifiċjali ta' protezzjoni mill-għargħar li ġie implimentat fi ħdan il-belt. Dawn iż-żewġ kostruzzjonijiet jingħad li huma indikaturi tal-kumplessità soċjali li żviluppat f'Liangzhu dak iż-żmien. Jaf kien hemm ukoll foss tal-qmuħ li fih kienu jinħażnu sa 15,000 kilogramma ta' ħbub tar-ross.
Hemm bosta daħliet permezz ta' mogħdijiet tal-ilma kemm fi ħdan kif ukoll barra mill-belt, li jikkollegawha man-networks tax-xmajjar. Fi ħdan il-belt kien hemm tumbati tal-ħamrija artifiċjali u għoljiet naturali. 'Il barra miż-żona tal-ħitan, instabu fdalijiet f'erja ta' 700 ettaru. Ir-residenzi jingħad li nbnew b'sistema ta' ppjanar urban. Tmien kilometri lejn it-Tramuntana nstabu diversi siti qishom digi u ġie spekulat li kienu parti minn sistema ta' protezzjoni tal-qedem mill-għargħar. Ġewwa u barra mill-belt ġew skoperti wkoll bosta utensili għall-produzzjoni, għall-għajxien u għal skopijiet militari u ritwali rrappreżentati b'bosta oġġetti delikati tal-ġada ta' Liangzhu ta' importanza kulturali kbira; il-fdalijiet jinkludu l-ħitan tal-belt, il-pedamenti ta' strutturi kbar, oqbra, artali, residenzi, irmiġġi u postijiet tax-xogħol fejn kienu jinħadmu l-oġġetti. Is-sit tal-belt ta' Liangzhu jingħad li ġie insedjat u żviluppat bi skop speċifiku peress li din iż-żona fiha ftit fdalijiet li jmorru lura għal perjodi iktar bikrin.[11]
Komunità tipika tal-Kultura ta' Liangzhu, waħda minn iktar minn 300 li nstabu sa issa, għażlet li tgħix qrib ix-xmajjar. Kien hemm dgħajjes u mqadef li ġew irkuprati li jindikaw il-ħakma li kellhom tan-navigazzjoni. Sit tal-Kultura ta' Liangzhu pprovda l-fdalijiet ta' moll tal-injam u ta' xatt li huwa maħsub li kienu jintużaw bħala protezzjoni mill-għargħar. Id-djar kienu olzati fuq l-injam ukoll bħala protezzjoni mill-għargħar, għalkemm id-djar iktar fl-għoli kienu jinkludu djar nofshom taħt l-art b'soqfa tal-ħuxlief.[12] It-teknoloġija tal-bjar fis-sit ta' Miaoqian ta' dan il-perjodu kienet simili għal dik tal-perjodu iktar bikri ta' Hemudu.[13] Il-Kultura ta' Liangzhu jingħad li kienet iktar żviluppata u kumplessa soċjalment mill-kulturi kontemporanji tat-Tramuntana fil-Wied ta' Han.[14]
Artefatti u teknoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]L-abitanti tas-siti tal-Kultura ta' Liangzhu kienu jużaw disinni u stili fuq l-artefatti tal-ġebel b'manku b'għamla ta' "rkoppa mgħawġa", b'enfasi fuq l-użu ta' spirali u ta' ċrieki, markaturi bil-kordi fuq l-oġġetti tal-fuħħar, pedestalli tal-fuħħar b'tiżjin imnaqqax, spirali fuq l-oġġetti tat-tafal moħmi, skieken tal-lavanja għall-ħsad u ponot tal-lanez tal-lavanja. L-oġġetti tal-fuħħar spiss kienu jiġu mżejna b'faxx aħmar. Dawn l-artefatti huma komuni wkoll iktar 'il quddiem fil-perjodu Neolitiku tax-Xlokk tal-Asja, u l-għodod teknoloġiċi u ekonomiċi ta' dawn is-soċjetajiet x'aktarx li żviluppaw fil-perjodu Neolitiku madwar ix-xmara Yangtze.[15] Uħud mill-oġġetti tal-fuħħar tal-Kultura ta' Liangzhu tixbah l-istil tal-"qxur tal-bajd" suwed tal-Longshan ta' Shandong, madankollu l-biċċa l-kbira kienu differenti u kellhom lewn griż moħmi b'faxx iswed jew aħmar.[16] Instabet ukoll evidenza ta' partiċelli tat-tremolit li kien jintuża bħala ingredjent għall-produzzjoni ta' wħud mill-oġġetti tal-fuħħar bl-istil tal-"qxur tal-bajd" suwed. Ġie stabbilit li l-kulur iswed tal-oġġetti tal-fuħħar irriżulta minn avvanzi simili fil-proċessi ta' karbonizzazzjoni u tal-ħami. Xebħ bejn il-proċess tal-produzzjoni tal-oġġetti tal-fuħħar ta' Liangchengzhen, l-ikbar sit tal-Kultura ta' Dawenkou, u dak tal-Kultura ta' Liangzhu ġew innutati, u dan wassal biex ir-riċerkaturi jemmnu li kien hemm komunikazzjoni bejn iż-żewġ kulturi. Is-sit ta' Guangfulin wera influwenza minn kulturi iktar fit-Tramuntana iżda kellu prattiki tal-produzzjoni tal-oġġetti tal-fuħħar li kienu simili ħafna għal dawk tas-siti tipiċi tal-Kultura ta' Liangzhu.[17]
Ir-riċerkaturi sabu li wħud mill-imnanar fis-siti tal-Kultura ta' Liangzhu inħadmu bl-użu ta' għodod tad-djamanti. L-abitanti ta' Liangzhu, permezz ta' dawn l-għodod, kienu jipproduċu l-imnanar ċerimonjali mill-korundum. Kien jingħad li l-imnanar "kienu jiġu llostrati biex jiġu jleqqu qishom mirja". It-tekniki li kienu jużaw iġġeneraw riżultati li jingħad li diffiċli jiġu rreplikati saħansitra bit-teknoloġija moderna. Dan huwa l-eqdem użu ta' għodod tad-djamanti fid-dinja, eluf ta' snin qabel ma l-ħaġra prezzjuża ntużat f'inħawi oħra. Ir-riċerkaturi jinnotaw ukoll li din hija l-unika kultura preistorika magħrufa li kienet taħdem iż-żaffiri.[18]
Xogħol bil-ġada
[immodifika | immodifika s-sors]Il-ġada minn din il-kultura hija kkaratterizzata minn oġġetti kbar tal-ġada maħduma bir-reqqa, li spiss kienu jitnaqqxu bil-motiv tat-taotie. L-iżjed artefatti eżemplari tal-kultura kienu l-cong (ċilindri), u l-ikbar wieħed li ġie skopert kellu piż ta' 3.5 kilogrammi. Instabu wkoll bi (diski) u mnanar Yue (imnanar ċerimonjali). Barra minn hekk, instabu pendenti tal-ġada ddisinjati b'rappreżentazzjonijiet imnaqqxa ta' għasafar żgħar, fkieren tal-ilma u ħut. Bosta artefatti tal-ġada tal-Kultura ta' Liangzhu kellhom dehra bajda qisha tal-għadam minħabba l-oriġini tat-tremolit tagħhom u l-influwenza ta' fluwidi bbażati fuq l-ilma fis-siti funebri, għalkemm spiss kienu jinstabu wkoll oġġetti tal-ġada magħmula mill-aktinolit u mis-serpentina. Il-biċċa l-kbira tal-kulturi kontemporanji tal-Kultura ta' Liangzhu kellhom xi oġġetti tal-ġada, iżda 90 % tal-oġġetti tal-ġada kollha (cong u bi) li ġew irkuprati, bil-bosta tal-aqwa kwalità, ġew mis-siti tal-Kultura ta' Liangzhu.[19] L-artefatti tal-ġada li nstabu mis-siti tal-Kultura ta' Liangzhu jingħad li kienu influwenti fl-iżvilupp ta' kulturi Neolitiċi oħra fiċ-Ċina: "Il-legat ta' impatt tal-Kultura ta' Liangzhu joħroġ fid-dieher fil-Longshan ta' Shandong, fit-Taosi ta' Shanxi, fil-Qijia ta' Ganqing u f'bosta siti oħra fit-Tramuntana ta' Shaanxi, fejn instabu cong, bi u oġġetti oħra tal-ġada li jixbħu dawk tal-Kultura ta' Liangzhu".[20] Ix-xogħol bil-ġada tal-Kultura ta' Liangzhu jingħad ukoll li kellha influwenza fit-tul fuq l-oġġetti ritwali tal-perjodi ta' wara tal-kultura Ċiniża.
Il-belt antika ta' Liangzhu kienet tikkontrolla l-aqwa prodotti tal-ġada, iżda ċentri inqas importanti kienu jipproduċu wkoll oġġetti tal-arti tal-elit, u dan wassal biex ir-riċerkaturi jemmnu li l-Kultura ta' Liangzhu ma kinitx soċjetà bi struttura piramidali sempliċi f'termini tas-saffi tal-istatus. Bosta ċentri minuri kellhom aċċess għall-ġada (nefrit) tagħhom stess. Madankollu, l-elit tal-Kultura ta' Liangzhu fil-belt tal-qedem kienu jikkomunikaw u jiskambjaw l-oġġetti mal-elit minn partijiet oħra kkontrollati mill-Kultura ta' Liangzhu (kif ukoll minn reġjuni oħra taċ-Ċina tal-perjodu tal-Longshan), u stabbilew il-kriterji ta' kif kellha tkun id-dehra tal-ġada. Il-Kultura ta' Liangzhu milli jidher ma kinitx magħmula minn importaturi tal-ġada, anke jekk kienet tesporta l-ġada b'mod estensiv.
Artal Neolitiku tal-Kultura ta' Liangzhu, li ġie skavat f'Yaoshan f'Zhejiang kien tassew elaborat, u kien magħmul minn għadd ta' ġebel u blat ippożizzjonati bir-reqqa fuq xulxin: dan jimplika li r-reliġjon kellha importanza konsiderevoli. L-artal fih tliet livelli, u l-ogħla wieħed fih pjattaforma tal-ħamrija kkumpattjata. Tliet pjattaformi addizzjonali kienu pavimentati biċ-ċagħaq. Barra minn hekk, kien hemm fdalijiet ta' ħajt tal-ġebel. Fuq l-artal instabu tnax-il qabar f'żewġ ringieli.[21] Xi studjużi jsostnu li r-ritwali b'sagrifiċċji tal-iskjavi kienu parti mit-tradizzjoni tal-Kultura ta' Liangzhu.[22]
Studji ġenetiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2007 saret analiżi tad-DNA rkuprata mill-fdalijiet umani fis-siti arkeoloġiċi tal-popli preistoriċi tul ix-xmara Yangtze u ħarġu frekwenzi għoljin tal-Aplogrupp O1-M119 (Y-DNA) fis-siti tal-Kultura ta' Liangzhu ta' Maqiao u ta' Xindili, li jikkollegawhom mal-popli Awstroneżjani u Kra–Dai. Il-Kultura ta' Liangzhu kienet teżisti fiż-żoni kostali madwar il-bokka tax-xmara Yangtze. L-Aplogrupp O1-M119 kien assenti f'siti oħra iktar 'il ġewwa tal-Kultura ta' Liangzhu. L-awturi tal-istudju jissuġġerixxu li din jaf hija evidenza ta' żewġ rotot differenti ta' migrazzjoni umana matul l-insedjament tal-Lvant tal-Asja, waħda kostali u l-oħra iktar 'il ġewwa, bi ftit li xejn fluss ġenetiku bejniethom.[23][24]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Underhill, Anne (2013). A Companion To Chinese Archaeology. p. 574.
- ^ "The height of China's history - People's Daily Online". web.archive.org. 2016-03-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-03-04. Miġbur 2024-10-03.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "The mysterious ancient figure challenging China's history". www.bbc.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-03.
- ^ "Liangzhu: 5,000-year-old Chinese civilisation that time forgot". South China Morning Post (bl-Ingliż). 2020-04-18. Miġbur 2024-10-03.
- ^ a b ċ "Liangzhu". whc.unesco.org.
- ^ "Qingpu Museum". web.archive.org. 2016-03-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-04. Miġbur 2024-10-03.
- ^ Wu, Li (2014). "Holocene environmental change and its impacts on human settlement in the Shanghai Area, East China". Catena. 114: 78–89. doi:10.1016/j.catena.2013.10.012.
- ^ "China: Steinzeit-Venedig ging im Starkregen unter". www.spektrum.de (bil-Ġermaniż). Miġbur 2024-10-03.
- ^ Zhang, Haiwei; Cheng, Hai; Sinha, Ashish; Spötl, Christoph; Cai, Yanjun; Liu, Bin; Kathayat, Gayatri; Li, Hanying; Tian, Ye; Li, Youwei; Zhao, Jingyao (2021-11-26). "Collapse of the Liangzhu and other Neolithic cultures in the lower Yangtze region in response to climate change". Science Advances. 7 (48): eabi9275. doi:10.1126/sciadv.abi9275. ISSN 2375-2548.
- ^ Dockrill, Peter (2021-11-29). "Mysterious Vanishing of Advanced Chinese Civilization 4,000 Years Ago Finally Solved". ScienceAlert (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-03.
- ^ Underhill, Anne (2013). A Companion To Chinese Archaeology. p. 579.
- ^ Higham, Charles (2009). Encyclopedia of Ancient Asian Civilizations. p. 198.
- ^ Underhill, Anne (2013). A Companion To Chinese Archaeology. p. 560.
- ^ Zhang, Chia; Hsiao-Chun, Hung (2008). "The Neolithic of Southern China–Origin, Development, and Dispersal". Asian Perspectives. 47 (2, Fall 2008): 309–310. hdl:10125/17291.
- ^ Tarling, Nicholas (1999). The Cambridge History of Southeast Asia. pp. 102–103.
- ^ Valenstein, Suzanne (1988). A Handbook of Chinese Ceramics. p. 17.
- ^ Lu, XiaoKe (2013). "Analysis of the potteries from ancient Liangzhu city-site". Science China Technological Sciences. 56 (4): 945. Bibcode:2013ScChE..56..945L. doi:10.1007/s11431-013-5134-4. S2CID 123774388.
- ^ "Harvard Gazette: In China, gems used as tools millennia earlier than thought". web.archive.org. 2016-03-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-04. Miġbur 2024-10-03.
- ^ Maisel, Charles Keith (1999). Early Civilizations of the Old World: The Formative Histories of Egypt, the Levant, Mesopotamia, India and China. Psychology Press. p. 285. ISBN 978-0-4151-0975-8.
- ^ Underhill, Anne (2013). A Companion To Chinese Archaeology. pp. 593–594.
- ^ Xujie, Lui (2002). Chinese Architecture -- The Origins of Chinese Architecture (English ed.). Yale University Press. pp. 16. ISBN 0-300-09559-7.
- ^ Maisel, Charles Keith (1999). Early Civilizations of the Old World: The Formative Histories of Egypt, the Levant, Mesopotamia, India and China. Psychology Press. p. 286. ISBN 978-0-4151-0975-8.
- ^ Li, Hui; Huang, Ying; Mustavich, Laura F.; Zhang, Fan; Tan, Jing-Ze; Wang, ling-E; Qian, Ji; Gao, Meng-He; Jin, Li (2007). "Y chromosomes of prehistoric people along the Yangtze River". Human Genetics. 122 (3–4): 383–388. doi:10.1007/s00439-007-0407-2. PMID 17657509. S2CID 2533393.
- ^ "New paths to old worlds | The Honolulu Advertiser | Hawaii's Newspaper". the.honoluluadvertiser.com. Miġbur 2024-10-03.