Kulleġġ Navali Rjali Antik

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Kappella tinsab fil-Qorti tar-Reġina Marija (xellug) u s-Sala Mpittra tinsab fil-Qorti tar-Re William (lemin). Il-koppli jinsabu fuq id-daħliet.

Il-Kulleġġ Navali Rjali Antik (bl-Ingliż: Old Royal Naval College) huwa l-binja arkitettonika ċentrali tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO msejjaħ Greenwich Marittima[1][2], fi Greenwich, Londra, ir-Renju Unit, u jitqies bħala "l-ifjen kumpless arkitettoniku u pajsaġġistiku drammatiku fir-Renju Unit".[1] Is-sit huwa ġestit mill-Fondazzjoni ta' Greenwich għall-Kulleġġ Navali Rjali Antik, li ġie stabbilit fl-1997 għall-konservazzjoni tal-binjiet u tas-sit inġenerali sabiex jiġu kkonvertiti f'destinazzjoni kulturali.[3] Il-binjiet oriġinarjament inbnew biex jintużaw bħala Sptar Irjali għall-Baħħara f'Greenwich, issa magħruf ġeneralment bħala l-Isptar ta' Greenwich, mikri mir-Re William III u mir-Reġina Marija II fil-25 ta' Ottubru 1694, iddisinjat minn Christopher Wren, u mibni bejn l-1696 u l-1712.[4][5] L-isptar għalaq fl-1869. Bejn l-1873 u l-1998 il-binja ntużat bħala l-Kulleġġ Navali Rjali ta' Greenwich.[6]

Is-Sala Mpittra tal-Isptar ta' Greenwich impittra minn Augustus Pugin u Thomas Rowlandson.

Oriġini tas-sit[immodifika | immodifika s-sors]

Oriġinarjament is-sit kien is-sit tal-Qorti ta' Bella, li nbena minn Humphrey, id-Duka ta' Gloucester, u sussegwentement issemma bħala l-Palazz ta' Placentia minn Margaret ta' Anjou wara li ġie kkonfiskat. Ġie rikostruwit minn Enriku VII, u minn dak iż-żmien 'il quddiem sar magħruf iktar bħala l-Palazz ta' Greenwich. Kien il-post fejn twieldu l-monarki ta' Tudor: Enriku VIII, Marija I u Eliżabetta I, u kien magħruf bħala l-iżjed palazz favorit ta' Enriku VIII. Il-palazz ġie mitluq matul il-Gwerra Ċivili Ingliża. Bl-eċċezzjoni tal-binja mhux kompluta ta' John Webb, il-palazz finalment twaqqa' fl-1694.

Sptar ta' Greenwich[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1692, l-Isptar Irjali għall-Baħħara f'Greenwich inbena fis-sit skont l-istruzzjonijiet ta' Marija II, li kienet ġiet ispirata malli rat il-baħħara midruba li waslu mill-Battalja ta' La Hogue. Fost il-kapulavuri arkitettoniċi hemm il-Kappella u s-Sala Mpittra. Is-Sala Mpittra ġiet impittra bejn l-1707 u l-1726 minn Sir James Thornhill. L-isptar għalaq fl-1869 u l-fdalijiet ta' eluf ta' baħħara u uffiċjali tneħħew mis-sit tal-isptar fl-1875 u ġew midfuna mill-ġdid fil-Park ta' Pleasaunce fil-Lvant ta' Greenwich.[7]

Kulleġġ Navali Rjali ta' Greenwich[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1873, erba' snin wara li għalaq l-isptar, il-binjiet ġew ikkonvertiti fi stabbiliment tat-taħriġ għall-Flotta Navali Rjali. Il-Flotta Navali Rjali finalment telqu mill-Kulleġġ fl-1998 meta s-sit għadda f'idejn il-Fondazzjoni ta' Greenwich għall-Kulleġġ Navali Rjali Antik.

Fondazzjoni ta' Greenwich għall-Kulleġġ Navali Rjali Antik[immodifika | immodifika s-sors]

Ġorġ II (1735) ta' John Michael Rysbrack fil-Pjazza l-Kbira tal-Isptar ta' Greenwich.

Mill-1998, is-sit ingħata ħajja ġdida permezz ta' taħlita ta' użi ġodda u attivitajiet fis-sit storiku antik, taħt il-ġestjoni u l-kontroll tal-Fondazzjoni ta' Greenwich. Il-binjiet ġew elenkati bħala binjiet tal-Grad Nru I. Fl-1999 xi partijiet mill-binjiet tar-Reġina Marija u tar-Re William, u l-binja kollha tar-Reġina Anna u tal-Bastiment Militari ġew mikrija għal 150 sena mill-Università ta' Greenwich. Fis-sena 2000, il-Kulleġġ tat-Trinità għall-Mużika kera l-parti l-kbira tal-binja tar-Re Karlu. B'hekk inħolqot taħlita edukattiva u kulturali ġdida unika.

Fl-2002, il-Fondazzjoni laħqet l-għan tagħha li tiftaħ is-sit kollu għall-viżitaturi. Fetħet is-Sala Mpittra, il-Kappella u Ċentru għall-Viżitaturi, miftuħa kuljum mingħajr ħlas u huma disponibbli żjarat iggwidati fihom. Il-Kulleġġ Navali Rjali Antik infetaħ għall-istudenti u għall-viżitaturi ta' kull età u nazzjonalità u spiss dawn jiġu akkumpanjati mill-mużika li tinstema' mill-Kulleġġ tat-Trinità. Kif kiteb Nathaniel Hawthorne fl-1863, "in-nies illum jew għada se jkunu l-werrieta leġittimi ta' kwalunkwe ġmiel maħluq mir-rejiet u mill-irġejjen".[8]

L-arma tal-Isptar Irjali mad-Daħla tal-Ilma tal-Kulleġġ Navali Rjali.

Fl-2005, is-sala li fiha kien jinżamm it-tebut ta' Nelson qabel il-funeral statali tiegħu nfetħet u ngħatat l-isem ta' Sala ta' Nelson. Is-sala laterali żgħira fiha statwa ta' Nelson li hija replika tal-istatwa li hemm fil-Pjazza ta' Trafalgar, u fiha wkoll oġġetti antiki, pitturi u informazzjoni. Wieħed jista' jżurha f'waħda miż-żjarat iggwidati li jinkludu wkoll żjara fil-kantini, fl-imħażen u fil-kripta ta' taħt l-art. Fil-kappella tiġi ċċelebrata quddiesa kull nhar ta' Ħadd fil-11:00 li jista' jattendi għaliha kulħadd. Hawnhekk jiġu organizzati kunċerti pubbliċi regolarment u jsiru wkoll varjetà wiesgħa ta' avvenimenti kummerċjali u kulturali fis-Sala Mpittra. L-inħawi jintużaw mill-viżitaturi, mill-istudenti, miċ-ċittadini lokali u mill-ekwipaġġi tal-films f'ambjent mingħajr traffiku li jipprovdi varjetà ta' kafetteriji, bars u ristoranti, kollha kemm huma inkorporati fi ħdan il-binjiet antiki, bħala parti minn taħlita ta' "antik u modern" li jsostnu l-ħajja f'Greenwich tas-seklu 21.[9]

Il-Kulleġġ Navali Rjali Antik u s-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO msejjaħ "Greenwich Marittima" qed isiru ċentrali għal firxa wiesgħa ta' negozji u attivitajiet tal-komunità. Il-Kulleġġ tat-Trinità għall-Mużika jipprovdi diversi mużiċisti u kumplessi mużikali fuq bażi kummerċjali ssussidjata biex idoqqu f'avvenimenti fil-Lvant ta' Londra u lil hinn, bħala parti mill-politika kummerċjali u komunitarja tiegħu biex ikun qrib il-pubbliku, parzjalment iffinanzjata u mħeġġa mill-Kunsill ta' Finanzjament għall-Edukazzjoni Għolja.[10]

Is-sit jintuża regolarment biex jinġibdu programmi televiżivi, reklami televiżivi u films. Fost id-diversi produzzjonijiet kien hemm: The Bounty, fejn il-kaptan William Bligh maħdum minn Anthony Hopkins jitwassal minn karru fil-bidu tal-film, u fejn jiġi ġġudikat fix-xeni sussegwenti; Patriot Games, fejn inġibed attakk fuq membru fittizju tal-familja rjali, Lord Holmes; kif ukoll Shanghai Knights; u kampanja ta' reklamar televiżiv tal-2006 għall-kumpanija Brittanika tal-bejgħ tal-ikel u tal-ħwejjeġ Marks & Spencer. Films oħra jinkludu Four Weddings and a Funeral, The Madness of King George, The Mummy Returns, The Avengers (1998) u Lara Croft: Tomb Raider (2001).

Films iktar reċenti jinkludu Spooks tal-BBC u Little Dorrit, il-film ta' David Cronenberg Eastern Promises, l-adattament tar-rumanz ta' Philip Pullman f'film Northern Lights u The Wolf Man (2009). Is-sit tal-Kulleġġ Navali Rjali Antik intuża b'mod estensiv għall-ġbid tal-film tal-2006 Amazing Grace u tal-films tal-2011 Sherlock Holmes: A Game of Shadows, Now You See Me 2 u Pirates of the Caribbean: On Stranger Tides. Barra minn hekk, fis-sit inġibdu xeni għal The King's Speech, taparsi kien il-Palazz ta' Buckingham, u għal The Dark Knight Rises, taparsi kien kafetterija fix-xeni finali tal-film. F'April 2012, is-sit intuża għax-xeni ikoniċi tal-barrikata fl-adattament tal-musical Les Miserables. F'Ottubru 2012, il-Kulleġġ intuża għall-ġbid tal-film Thor: The Dark World u f'Ottubru 2013 intuża għall-ġbid tal-film The Man from U.N.C.L.E.. u għall-ġbid ta' xena tal-film tal-2005 ta' Guy Richie Revolver.

Proġett tas-Sala Mpittra[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-2014, il-Kulleġġ Navali Rjali Antik ħabbar li kien se jgħaddi għall-istadju li jmiss ta' pjanijiet ambizzjużi biex tiġi rrestawrata s-Sala Mpittra. Fi tliet snin, 3,700 m2 tal-kapulavur ta' Thornhill kellhom jiġu kkonservati. Il-proġett ta' konservazzjoni ffoka fuq is-Sala t'Isfel (is-Sala ta' Fuq kienet ġiet ikkonservata diġà fl-2013).[11] Il-proġett kien jinkludi sensiela unika ta' żjarat pubbliċi tas-saqaf, fejn il-membri tal-pubbliku setgħu jmorru qrib is-saqaf impitter u jaraw lill-konservaturi jaħdmu.[12] F'Marzu 2019, is-sala reġgħet infetħet għall-pubbliku,[13] u l-proġett rebaħ għadd ta' premjijiet.[14]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Greenwich Marittima ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995. Is-sit ġie estiż fl-2008 u jinkludi l-Kulleġġ Navali Rjali Antik, l-Isptar ta' Greenwich u l-Kulleġġ Navali Rjali ta' Greenwich.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Gallerija[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Maritime Greenwich". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-07-30.
  2. ^ "Evalwazzjoni tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2007-04-13. Miġbur 2023-07-30.
  3. ^ "Rieżami Kulturali tal-2021" (PDF).
  4. ^ "Royal Hospital". Old Royal Naval College (bl-Ingliż). Miġbur 2023-07-30.
  5. ^ "Greenwich Royal Hospital School 1". www.mariners-l.co.uk. Miġbur 2023-07-30.
  6. ^ Dickinson, Harry W. (2016). Wisdom and war: the Royal Naval College Greenwich 1873-1998. London: Routledge. ISBN 978-1138271753.
  7. ^ "Park Explorer - Parks and Open Spaces". web.archive.org. 2007-09-30. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-09-30. Miġbur 2023-07-30.
  8. ^ Hawthorne, Nathaniel (1883). Our old home: a Series of English Sketches by Nathaniel Hawthorne. Boston: Houghton, Mifflin and Co.
  9. ^ "Photos of the Royal Naval College and Greenwich Food market, London, 2008". www.urban75.org. Miġbur 2023-07-30.
  10. ^ "Music | Trinity College London". www.trinitycollege.com. Miġbur 2023-07-30.
  11. ^ "Old Royal Naval College | News | Painted Hall Conservation Project". web.archive.org. 2016-04-22. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-04-22. Miġbur 2023-07-30.
  12. ^ "Old Royal Naval College | Painted Hall Project | Home". web.archive.org. 2017-04-11. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-04-11. Miġbur 2023-07-30.
  13. ^ "Britain's 'Sistine Chapel' reopens after multimillion pound restoration". Sky News (bl-Ingliż). Miġbur 2023-07-30.
  14. ^ "The Painted Hall". www.architecture.com. Miġbur 2023-07-30.