Kremlin ta' Kazan

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search
Il-Kremlin ta' Kazan min-naħa tat-Torri ta' Spasskaya

Il-Kremlin ta' Kazan (bir-Russu: Казанский Кремль; bit-Tatar: Казан кирмәне) huwa ċittadella storika ewlenija tat-Tatarstan u tar-Russja, li tinsab fil-belt ta' Kazan. Dan il-kremlin inbena taħt it-tmexxija ta' Ivan it-Terribbli fuq il-fdalijiet ta' kastell preċedenti tal-khans ta' Kazan.

Il-Kremlin ta' Kazan tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1]

Storja u monumenti[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kremlin ta' Kazan fl-1630

Il-Kremlin ta' Kazan jinkludi ħafna binjiet antiki, fosthom l-iktar waħda antika, jiġifieri l-Katidral tal-Annunzjata (1554-1562), l-unika knisja Russa tas-seklu 16 li għandha sitt pilastri u ħames apsidi. Bħal ħafna mill-binjiet ta' Kazan ta' dak iż-żmien, il-katidral inbena bil-blat ramli ċar lokali u mhux bil-brikks. L-arkitetti rinomati ta' Pskov Postnik Yakovlev u Ivan Shirjay (magħruf ukoll bħala Barma) ġew mistiedna mill-Kżar biex jerġgħu jibnu l-Kremlin ta' Kazan bil-ġebel. It-torri tal-kampnar tal-katidral inbena b'ħames saffi skont l-ordnijiet pressanti ta' Ivan it-Terribbli sabiex jixbaħ kemm jista' jkun it-Torri tal-Kampnar il-Kbir f'Moska, iżda twaqqa' mis-Sovjetiċi fl-1930.[1]

L-iktar għeliem li jispikka jew binja ikonika tal-Kremlin ta' Kazan huwa t-Torri mxengel ta' Söyembikä, li x'aktarx li jmur lura għar-renju ta' Peter il-Kbir. Leġġenda magħrufa sew f'Kazan tikkollega t-torri mal-aħħar reġina tal-Khanat ta' Kazan. Karatteristika arkitettonika oħra rikonoxxibbli hija t-Torri ta' Spasskaya, fin-naħa tan-Nofsinhar tal-Kremlin, li jservi bħala d-daħla prinċipali għall-Kremlin ta' Kazan.[1]

Isem it-Torri ta' Spasskaya ġej mill-Monasteru ta' Spassky, li kien jinsab fil-qrib. Fost il-binjiet tal-monasteru kien hemm il-Knisja ta' San Nikola b'erba' pilastri, li nbniet fis-snin 60 tas-seklu 16, u l-Katidral tat-Trasfigurazzjoni tas-Salvatur b'sitt pilastri, li nbena fis-snin 90 tas-seklu 16. Madankollu, dawn it-tnejn inqerdu mill-Komunisti taħt it-tmexxija ta' Joseph Stalin.[1]

Il-Palazz Presidenzjali tat-Tatarstan

Il-ħitan u t-torrijiet bojod silġ tal-Kremlin ta' Kazan huma notevoli wkoll. Dawn inbnew fis-seklu 16 u fis-seklu 17 iżda iktar 'il quddiem ġew rinnovati. Fi ħdan il-Kremlin ta' Kazan ukoll hemm il-moskea ta' Qol-Şärif, li dan l-aħħar reġgħet inbniet fiċ-ċittadella, u d-Dar tal-Gvernatur (1843-1853), iddisinjata minn Konstantin Thon, li issa tintuża bħala l-Palazz tal-President tar-Repubblika tat-Tatarstan. Il-palazz jingħad li nbena fis-sit ta' palazz preċedenti tal-khan. Bejn il-Palazz Presidenzjali u t-Torri ta' Söyembikä hemm il-knisja tal-palazz li nbniet fuq is-sisien ta' moskea Medjevali.[1]

Il-ħajt tat-Tramuntana tal-Kremlin ta' Kazan fih torri ieħor b'bieb u jissejjaħ it-Torri Sigriet, peress li kien fih bir sigriet għall-provvista tal-ilma. Dan it-torri jipprovdi l-aċċess għall-Kremlin ta' Kazan lill-viżitaturi bil-mixi, iżda l-aċċess għall-vetturi huwa ristrett għal każijiet ta' emerġenza biss.[1]

Avvenimenti reċenti[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Moskea ta' Qol-şärif
Il-Katridral tal-Annunzjata

Il-ftuħ ta' waħda mill-ikbar moskej fl-Ewropa, il-moskea ta' Qol-şärif, seħħ f'Kazan fl-24 ta' Ġunju 2005. Madwar 17,000 ruħ inġabru għaċ-ċelebrazzjoni tal-ftuħ. Delegazzjonijiet minn xi erbgħin pajjiż attendew għall-avveniment. Il-faċilità ġiet rikostruwita fuq is-sit fejn x'aktarx qabel l-1552 kien hemm il-moskea prinċipali tal-Khanat ta' Kazan. Fid-diskors taċ-ċerimonja tal-ftuħ, il-President tat-Tatarstan Mintimer Shaeymiev stqarr li "l-moskea ta' Qol-şärif hija simbolu ġdid ta' Kazan u tat-Tatarstan... bħal pont li jgħaqqad... l-imgħoddi mal-ġejjieni" ta' Kazan u tat-Tatarstan.[2]

Id-digriet dwar ir-restawr tal-moskea ta' Qol-şärif tal-1995 ordna wkoll ir-restawr tal-Katidral tal-Annunzjata fil-Kremlin ta' Kazan li kienet inħatfet mill-Kristjani Ortodossi wara r-Rivoluzzjoni Russa. Fil-21 ta' Lulju 2005, jum ta' festa tal-ikona mqaddsa tat-Theotokos ta' Kazan, fil-preżenza ta' folla ta' 10,000 pellegrin, il-Patriarka Alexius II u l-President Mintimer Shaeymiev poġġew fil-Katidral tal-Annunzjata li kien għadu kemm ġie rrestawrat l-iktar kopja mqaddsa tal-ikona antika li kienet intilfet, li l-Papa Ġwanni Pawlu II fl-2004 kien irritorna lir-Russja ftit qabel mewtu.[2]

Fl-2005, l-ewwel stadju tat-tramm ta' taħt l-art ta' Kazan kien jinkludi stazzjon imsejjaħ Kremlyovskaya (jew Kreml bit-Tatar), u l-ħruġ tal-istazzjon jinsab proprju ħdejn il-Kremlin ta' Kazan.[3]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-fdalijiet tal-mawżolew tal-khan fil-Kremlin ta' Kazan

Il-Kumpless Storiku u Arkitettoniku tal-Kremlin ta' Kazan ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ", ladarba l-Kremlin ta' Kazan jirrappreżenta xhieda eċċezzjonali ta' kontinwità storika u diversità kulturali tul perjodu twil ta' żmien, li rriżultat interskambju importanti ta' valuri ġġenerati minn kulturi differenti; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet", ladarba ċ-ċittadella storika tirrappreżenta xhieda eċċezzjonali tal-perjodu tal-Khanat u hija l-unika fortizza eżistenti tat-Tartari bi traċċi tal-ippjanar oriġinali tal-belt; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem", ladarba l-Kremlin ta' Kazan u l-monumenti ewlenin tiegħu jirrappreżentaw eżempju straordinarju ta' sinteżi tal-influwenzi tat-Tatar u Russi fl-arkitettura, bl-integrazzjoni ta' kulturi differenti (tal-Bulgar, tal-Khanat tal-Ġemgħa tad-Deheb, tat-Tatar, Taljana, u Russa), kif ukoll bit-turija tal-impatt tal-Iżlam u tal-Kristjaneżmu.[1]

Kazan Kremlin exterior view 08-2016 img3.jpg
Ночной вид Казанского Кремля.jpg

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b c d e f g h "Historic and Architectural Complex of the Kazan Kremlin". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-11.
  2. ^ a b "Russia: Opening Of Country's Biggest Mosque Highlights Kazan's Millennium". RadioFreeEurope/RadioLiberty (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-11.
  3. ^ "Kazan Metro, Republic of Tatarstan - Railway Technology". www.railway-technology.com. Miġbur 2021-04-11.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]