Kanali ta' Amsterdam
Il-Kanali ta' Amsterdam jammontaw għal iktar minn 100 kilometru (62 mil) ta' grachten (kanali), madwar 90 gżira u 1,500 pont f'Amsterdam il-belt kapitali tan-Netherlands. It-tliet kanali prinċipali (Herengracht, Prinsengracht u Keizersgracht), imħaffra fis-seklu 17 matul l-Era tad-Deheb Olandiża, jiffurmaw ċintorini konċentriċi madwar il-belt, magħrufa bħala Grachtengordel. Tul il-kanali prinċipali hemm saħansitra 1,550 binja monumentali.[1] Iż-żona tan-network ta' kanali tas-seklu 17, li tinkludi l-Prinsengracht, Keizersgracht, Herengracht u Jordaan, tniżżlet bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2010[2], u kkontribwiet għall-fama ta' Amsterdam bħala l-"Venezja tat-Tramuntana".[3][4]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Il-biċċa l-kbira tas-sistema ta' kanali ta' Amsterdam huma frott l-eżitu ta' suċċess tal-ippjanar tal-belt. Lejn il-bidu tas-seklu 17, biż-żieda fl-immigrazzjoni, tfassal pjan komprensiv, għall-kostruzzjoni ta' erba' nofs ċrieki konċentriċi prinċipali ta' kanali li jispiċċaw fil-Bajja ta' IJ. Magħrufa bħala l-"grachtengordel", tlieta mill-kanali jintużaw l-iktar għall-iżvilupp residenzjali (Herengracht jew "Kanal tal-Patrizji"; Keizersgracht jew "Kanal tal-Imperatur"; u Prinsengracht jew "Kanal tal-Prinċep"), u r-raba' wieħed, kanal fuq barra, is-Singelgracht, jintużaw għal skopijiet ta' difiża u ta' ġestjoni tal-ilma.[5] Il-pjan kien jipprevedi wkoll kanali interkonnessi tul ir-raġġi; sett ta' kanali paralleli fil-kwartier ta' Jordaan (primarjament għat-trasport tal-merkanzija, pereżempju l-birra); il-konverżjoni ta' kanal eżistenti fuq ġewwa tul il-perimetru (Singel) minn skop difensiv għall-iżvilupp residenzjali u kummerċjali; u iktar minn mitt pont. L-iskop difensiv tan-Nassau/Stadhouderskade ssaħħaħ permezz ta' ħandaq u digi tal-art, b'xatbiet f'punti ta' tranżitu, iżda mill-bqija l-ebda sovrastruttura mibnija.[6]
Il-kostruzzjoni seħħet mill-Punent għal-Lvant, tul il-wisa' tan-network ta' kanali, f'għamla ta' mrewħa ġganteska kif isejħilha l-istoriku Geert Mak – u mhux miċ-ċentru 'l barra skont it-twemmin popolari. Il-kostruzzjoni tas-settur tal-Majjistral inbdiet fl-1613 u ntemmet madwar l-1625. Wara l-1664, bdiet il-kostruzzjoni fis-settur tan-Nofsinhar, għalkemm bilmod minħabba d-depressjoni ekonomika. Il-parti tal-Lvant tal-pjanta konċentrika tal-kanali, bejn ix-xmara Amstel u l-Bajja IJ, ma ġietx implimentata għal żmien twil. Fis-sekli ta' wara, l-art intużat l-iktar għall-parks, għall-ġnien botaniku, għad-djar tal-anzjani, għat-teatri u għal faċilitajiet pubbliċi oħra – u għal mogħdijiet tal-ilma mingħajr wisq ippjanar.[7]
Diversi partijiet tal-belt u taż-żona urbana huma polders (artijiet irkuprati), rikonoxxibbli mis-suffiss -meer jiġifieri "lag", pereżempju Aalsmeer, Bijlmermeer, Haarlemmermeer u Watergraafsmeer. Il-kanali ta' Amsterdam issa jintużaw għat-turiżmu, għar-rikreazzjoni, għad-dgħajjes domestiċi, u għal ammont relattivament żgħir ta' mezzi tat-trasport privati meta mqabbel mal-modalitajiet prinċipali tal-mixi, tal-ferrovija, tal-metro u tor-roti. B'mod parallel mal-biċċa l-kbira tal-kanali hemm toroq għall-karozzi fuq iż-żewġ naħat.
-
Mappa ta' Amsterdam bil-kanali tagħha mill-1662.
-
Veduta tal-Westerkerk, għall-ħabta tal-1660.
-
Kanal ta' Amsterdam, it-tieni nofs tas-seklu 17.
-
Veduta ta' Oudezijds Voorburgwal, għall-ħabta tal-1670.
-
Veduta tal-Herengracht, għall-ħabta tal-1670.
-
Il-Martelaarsgracht, għall-ħabta tal-1670.
-
Il-Kurva tad-Deheb, 1685.
-
Nieuwezijds Voorburgwal, għall-ħabta tal-1686.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Iż-Żona tan-Network tal-Kanali tas-Seklu 17 ta' Amsterdam fis-Singelgracht ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2010.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]
Kwalità tal-ilma
[immodifika | immodifika s-sors]Lejn nofs is-seklu 19, l-ilma fil-kanali kien staġnat u mhux san, mimli skart, ħut mejjet u feċi.[8] Fl-1879, biex jagħmel tajjeb għal dan, l-istazzjon tal-ippompjar li jaħdem bl-istim, Gemaal Zeeburg, inbena sabiex l-ilma tal-kanali jiġi sostitwit bl-ilma miż-Zuiderzee.[9] Fl-1935 il-kundizzjonijiet komplew jitjiebu meta l-qalba tal-belt ġiet konnessa għall-ewwel darba mas-sistema tad-dranaġġ, għalkemm il-Grachtengordel ma kienx konness għalkollox sal-1987. Sa dak iż-żmien, id-djar kienu jitfgħu l-ilma mormi domestiku fil-kanal.[10] Tentattivi ulterjuri sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ilma f'dawn l-aħħar snin inkludew il-leġiżlazzjoni li tipprojbixxi li d-dgħajjes domestiċi jiskarikaw l-ilma mormi fil-kanali. Mill-2018, id-dgħajjes domestiċi kollha huma meħtieġa jkunu konnessi mas-sistema tad-drenaġġ, għalkemm dan inkiseb għalkollox fl-2021. F'Awwissu 2018, iktar minn 50 dghajjes domestiċi kienu għadhom qed jarmu d-dranaġġ tagħhom fil-kanali.[11]
Sors ieħor ta' tniġġis tal-ilma, partikolari għall-mudelli tat-trasport tan-Netherlands, huma r-roti. Kull sena, bejn 12,000 u 15,000 rota jinġabru mill-qiegħ tal-kanali permezz ta' dak li lokalment jissejjaħ "sajd tar-roti" (fietsen vissen).[12]
Għalkemm l-għawm fil-kanali mhuwiex imħeġġeġ uffiċjalment, kull sena ċ-ċittadini lokali xorta jgħumu f'għadd ta' postijiet tul il-kanali.[13] Barra minn hekk, mill-2012, l-Amsterdam City Swim issir kull sena biex jinġabru flejjes għar-riċerka fl-ALS.[14] F'din l-okkażjoni, il-voluntiera jgħumu minn Nieuwe Herengracht sa Keizersgracht.[15] Madankollu, il-parti tal-għawm tal-avveniment ġiet ikkanċellata fl-2018 minħabba livelli għoljin ta' E. coli li nstabu fl-ilma, wara x-xita qliel li niżlet fil-ġimgħat ta' qabel li wasslet biex tfawwar is-sistema tad-dranaġġ.[16]
Kanali notevoli fin-Network Prinċipali
[immodifika | immodifika s-sors]Minn ġewwa għal barra, il-kanali huma dawn li ġejjin:
Singel
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Singel kien is-sistema ta' kanali madwar il-belt Medjevali ta' Amsterdam. Intuża bħala ħandaq bl-ilma madwar il-belt mill-1480 sal-1585, meta Amsterdam kibret lil hinn mis-Singel. Il-kanal huwa estiż mill-Bajja ta' IJ, qrib l-Istazzjon Ċentrali, sal-Pjazza ta' Muntplein, fejn jiltaqa' max-xmara Amstel. Issa huwa l-iżjed kanal fuq ġewwa fiċ-ċintorin semiċirkolari ta' kanali tal-belt. Il-kanal ma għandux jiġi mfixkel mal-kanal ta' Singelgracht, li sar l-iktar periferija 'l barra tal-belt matul l-Epoka tad-Deheb Olandiża fis-seklu 17.
Herengracht
[immodifika | immodifika s-sors]L-Herengracht (il-Kanal tal-Patrizjani jew tal-Lords) huwa l-ewwel wieħed mit-tliet kanali l-kbar fiċ-ċentru tal-belt ta' Amsterdam. Il-kanal ingħata l-isem tal-heren regeerders li ggvernaw il-belt fis-sekli 16 u 17. L-iżjed parti famuża hija magħrufa bħala l-Kurva tad-Deheb, b'ħafna vilel wesgħin id-doppju tad-djar l-oħra, b'ġonna interni u djar tal-karozzini tul il-Keizersgracht.[17] Samuel Sarphati (1813-1868) għex fid-dar nru 598 u Pietru l-Kbir qagħad fid-dar nru 527 matul it-tieni żjara tiegħu f'Amsterdam.
Keizersgracht
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Keizersgracht (litteralment il-Kanal tal-Imperatur) huwa t-tieni u l-usa' kanal mill-ikbar tliet kanali fiċ-ċentru tal-belt ta' Amsterdam, bejn il-Herengracht u l-Prinsengracht. Issemma għal Massimiljanu I, l-Imperatur Ruman Sagru. John Adams qagħad fid-dar nru 529, Heinrich Schliemann ħadem għal kważi tliet snin fid-dar nru 71, Daniel Fahrenheit fid-djar nri 463-465, u matul l-ewwel żjara tiegħu f'Amsterdam (1693), u Pietru l-Kbir qagħad fid-dar nru 317.[18]
L-Homomonument (il-Monument Omosesswali) jinsab faċċata tal-Keizersgracht.
Prinsengracht
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Prinsengracht (il-Kanal tal-Prinċep) huwa r-raba' u l-itwal fost il-kanali prinċipali f'Amsterdam. Ġie ddedikat lill-Prinċep ta' Orange. Il-biċċa l-kbira tad-djar tul il-kanal inbnew matul l-Epoka tad-Deheb Olandiża tal-Provinċji Magħquda. Il-pontijiet minn naħa għall-oħra tal-kanal ta' Prinsengracht huma konnessi mat-toroq mal-Jordaan fil-Punent u mal-Weteringbuurt fil-Lvant.
Binjiet notevoli tul il-Prinsengracht jinkludu n-Noorderkerk (il-Knisja tat-Tramuntana), in-Noordermarkt (is-Suq tat-Tramuntana)[19], id-Dar ta' Anne Frank[20], u l-Westerkerk (il-Knisja tal-Punent, l-itwal knisja ta' Amsterdam).[21]
Kull sena, il-Prinsengrachtconcert isir fuq puntun fil-kanal quddiem il-Lukanda Pulitzer.[22]
Kanali notevoli oħra
[immodifika | immodifika s-sors]Zwanenburgwal
[immodifika | immodifika s-sors]Iż-Zwanenburgwal huwa kanal u triq fiċ-ċentru ta' Amsterdam. Il-pittur Rembrandt u l-filosfu Spinoza kienu jgħixu hemmhekk. Fl-2006, it-triq ġiet ivvutata bħala waħda mill-isbaħ toroq f'Amsterdam mill-qarrejja tal-ġurnal lokali Het Parool.
Iż-Zwanenburgwal bħala kanal inixxi mix-xatba tad-diga żgħira ta' Sint Antoniessluis (bejn it-toroq ta' Sint Antoniesbreestraat u Jodenbreestraat) sax-xmara Amstel. Il-kanal oriġinarjament kien imsejjaħ Verversgracht ("il-kanal ta' dawk li jagħtu l-kulur lit-tessuti"), minħabba l-industrija tat-tessuti li fl-imgħoddi kienet dominanti f'din il-parti tal-belt. It-tessuti li kienu jingħataw il-kulur kienu jiddendlu u jitħallew jinxfu tul il-kanal.[23]
Brouwersgracht
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Brouwersgracht huwa kanal fiċ-ċentru tal-belt ta' Amsterdam u huwa parti miċ-ċintorin ta' kanali li jikkollegaw is-Singel, il-Herengracht, il-Keizergracht u l-Prinsengracht, u jimmarka l-fruntiera tat-Tramuntana taċ-ċintorin ta' kanali. Il-kanal intuża bħala sit għall-vapuri li kienu jirritornaw mill-Asja bil-ħwawar u bil-ħarir, u għaldaqstant fil-Brouwersgracht kien ikun hemm bosta mħażen u postijiet għall-istivar għall-inventarji tal-vapuri. Għall-istess raġuni xi uffiċjali tal-Kumpanija Olandiża tal-Indja tal-Lvant għexu hemmhekk bħall-kartografu Isaak de Graaf (1708-1743). Il-birreriji kienu prevalenti wkoll fl-inħawi minħabba l-aċċess għall-vjeġġi tal-ilma ħelu. Illum il-ġurnata l-imħażen saru appartamenti, wħud fost l-iktar għaljin f'Amsterdam. Id-dgħajjes domestiċi għadhom jeżistu wkoll fil-kanal. Fl-2007, il-Brouwersgracht ġiet ivvutata bħala l-isbaħ triq f'Amsterdam mill-qarrejja tal-ġurnal lokali Het Parool.[24]
Kloveniersburgwal
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kloveniersburgwal huwa kanal bi fluss lejn in-Nofsinhar min-Nieuwmarkt sax-xmara Amstel fit-tarf tal-belt Medjevali. In-naħa tal-Lvant ġiet popolata fis-seklu 17 u fiha għadd żgħir ta' vilel grandjużi bħat-Trippenhuis, li issa tospita l-Akkademja Rjali tal-Arti u x-Xjenzi tan-Netherlands. Il-Kloveniersburgwal kien popolari fost l-amministraturi tal-Kumpanija Olandiża tal-Indja tal-Lvant, peress li kien qrib il-qalba tal-operazzjonijiet tagħha fl-Oude Hoogstraat u tal-imħażen tagħha.
Brantasgracht, Lamonggracht, Majanggracht u Seranggracht
[immodifika | immodifika s-sors]Dawn l-erba' kanali huma l-iġded f'Amsterdam, u nbnew fuq il-Gżira ta' Java fl-1995, li hija gżira magħmula mill-bniedem fil-Port ta' IJ, fil-Grigal taċ-ċentru tal-belt. Tul il-kanali hemm interpretazzjonijiet moderni tad-djar klassiċi tal-kanali ta' Amsterdam, li ġew iddisinjati minn 19-il arkitett żagħżugħ Olandiż. Kull dar hija wiesgħa 4.5 metri u għolja erba' jew ħames sulari, iżda d-disinni huma totalment uniċi u spiss jitfaċċaw fil-gwidi tal-ivvjaġġar ta' Amsterdam minkejja li huma pjuttost 'il bogħod mill-attrazzjonijiet turistiċi prinċipali. Hemm disa' pontijiet tal-metall għaċ-ċiklisti u għall-mixi, li ġew iddisinjati mill-koppja ta' artisti Guy Rombouts u Monika Droste.[25]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Amsterdam Heritage - Introduction". web.archive.org. 2008-02-08. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-02-08. Miġbur 2022-12-11.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Seventeenth-Century Canal Ring Area of Amsterdam inside the Singelgracht". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-11.
- ^ "Amsterdam Hotspots - the guide to Amsterdam city". web.archive.org. 2007-04-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-04-04. Miġbur 2022-12-11.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Amsterdam, Netherlands Hotels and Amsterdam, Netherlands City Guide - Hotel Reservations, Restaurants, Maps, Weather and Transport Information". www.worldexecutive.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-12-11. Miġbur 2022-12-11.
- ^ "Grachtengordel". web.archive.org. 2014-01-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-01-04. Miġbur 2022-12-11.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Taverne, E. R. M. (1978). In 't land van belofte, in de nieue stadt: ideaal en werkelijkheid van de stadsuitleg in de Republiek, 1580-1680 (In the land of promise, in the new city: ideal and reality of the city lay-out in the [Dutch] Republic, 1580-1680). Maarssen: Schwartz. ISBN 90-6179-024-7.
- ^ Mak, G. (1995). Een kleine geschiedenis van Amsterdam. Amsterdam/Anversa: Uitgeverij Atlas. ISBN 90-450-1232-4.
- ^ "De Amsterdamse grachten: van riool naar zwemwater". www.agv.nl (bl-Olandiż). Miġbur 2022-12-11.
- ^ "Gemaal Zeeburg". www.agv.nl (bl-Olandiż). Miġbur 2022-12-11.
- ^ "Amsterdamse grachten". www.agv.nl (bl-Olandiż). Miġbur 2022-12-11.
- ^ wijkredactie, Van de (2018-10-26). "Nog tientallen woonboten lozen afvalwater in open water" (bl-Olandiż). Miġbur 2022-12-11.
- ^ "Ontdek - Amsterdamse Grachten - WaterNet". web.archive.org. 2018-09-11. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-09-11. Miġbur 2022-12-11.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ CityDesk (2021-06-02). "Swimming in Amsterdam" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-11.
- ^ "Samen maken we verschil!". www.amsterdamcityswim.nl (bl-Olandiż). Miġbur 2022-12-11.
- ^ "VVV Nederland". VVV Nederland (bl-Olandiż). Miġbur 2022-12-11.
- ^ Parool, Het (2018-09-09). "Amsterdam City Swim afgelast, deelnemers alsnog welkom". Het Parool (bl-Olandiż). Miġbur 2022-12-11.
- ^ "Amsterdam Monumenten - Monumenten". web.archive.org. 2007-04-07. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-04-07. Miġbur 2022-12-11.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "The Keizersgracht of Amsterdam". web.archive.org. 2014-01-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-01-04. Miġbur 2022-12-11.
- ^ "Amsterdam Markets". That Dam Guide (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-11.
- ^ "Anne Frank House in Amsterdam | Amsterdam.info". www.amsterdam.info (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-11.
- ^ "Westerkerk in Amsterdam | Amsterdam.info". www.amsterdam.info (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-11.
- ^ "Prinsengracht Concert | I amsterdam". web.archive.org. 2017-06-20. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-06-20. Miġbur 2022-12-11.
- ^ Martin Dunford (2010). The Rough Guide to The Netherlands. Penguin. p. 71. ISBN 978-1-84836-882-8.
- ^ "Het Parool - MOOISTE AMSTERDAMSE STRAAT". web.archive.org. 2007-09-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-09-27. Miġbur 2022-12-11.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "History of the canals in Holland". www.holland.com (bl-Ingliż). 2012-08-16. Miġbur 2022-12-11.