Journal de Malte
Il-Journal de Malte kienet l-ewwel gazzetta ta' Malta, u ġiet ippubblikata bejn Lulju u Settembru tal-1798 matul l-okkupazzjoni Franċiża ta' Malta. Kienet miktuba bil-Franċiż u bit-Taljan. Jaħsbu li ġew ippubblikati għaxar ħarġiet tal-gazzetta b'kollox, għalkemm sebgħa minnhom biss jidher li għadhom jeżistu llum u mhux ċar jekk it-tlieta l-oħra ntilfux jew qatt ma ġew ippubblikati.
Storja tal-pubblikazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-27 ta' Ġunju 1798, ftit wara l-Invażjoni Franċiża u l-okkupazzjoni ta' Malta, Claude-Henri Belgrand de Vaubois approva talba li teoretikament kienet tippermetti l-libertà tal-istampa fil-gżejjer. Minkejja dan, il-gvern żamm kontroll sħiħ fuq kwalunkwe pubblikazzjoni.[1]
Jaħsbu li l-ewwel ħarġa tal-Journal de Malte ġiet ippubblikata fl-14 ta' Lulju 1798, u din kienet l-ewwel gazzetta li qatt ġiet ippubblikata fil-Gżejjer Maltin. Jeżisti wkoll prospett għal gazzetta oħra intitolata Malta Libera, iżda l-ebda kopja ta' din il-pubblikazzjoni qatt ma nstabet sa issa u hemm spekulazzjoni li Malta Libera seta' kien l-isem oriġinali ppjanat għall-Journal de Malte, iżda l-isem inbidel qabel ma ġiet ippubblikata l-ewwel ħarġa. Fit-28 ta' Lulju, Jean de Boisredon de Ransijat kiteb lil Napuljun li l-għan tal-ġurnal kien "li jissodisfa l-iskop doppju ta' tifħir b'dinjità l-intrapriżi l-ġodda u glorjużi ta' Napuljun, u li jinforma l-Maltin dwar il-vantaġġi tal-unjoni tagħhom ma' Franza."[1] L-editur tal-gazzetta kien Michel-Louis-Étienne Regnaud de Saint-Jean d'Angély.[2]
Il-gazzetta kellha ħajja qasira u l-pubblikazzjoni waqfet f’Settembru wara li r-ribelljoni kontra l-okkupazzjoni Franċiża faqqgħet fost il-poplu Malti.[1]
Format u kontenut
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Journal de Malte kien bilingwi, u kull paġna kienet maqsuma f'żewġ kolonni bit-test Franċiż fuq ix-xellug u t-Taljan fuq il-lemin. Fuq quddiem kien ikollu l-mottu Liberté, Égalité, u t-titlu sħiħ tiegħu kien Journal de Malte. Feuille Nationale, Politique, Morale, Commerciale et Litteraire. (Ġurnal ta' Malta. Fuljett Nazzjonali, Politiku, Morali, Kummerċjali u Letterarju). [1]
Il-gazzetta kienet forma ta' propaganda,[1] u kellha l-iskop li tqawwi l-moral tal-gwarniġjun Franċiż kif ukoll tiddottrina l-parti żgħira tal-popolazzjoni Maltija li kienet litterata. L-ewwel paġna tal-Journal kien fiha l-aħbarijiet, u din kienet segwita minn struzzjonijiet u testi minn Vaubois u Saint-Jean d'Angély.[2] Kien jinkludi diskorsi u editorjali jappoġġjaw l-okkupazzjoni Franċiża u ħarġa waħda inkludiet ittra pastorali mill-isqof Vincenzo Labini.[1]
Distribuzzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]In-numru ta' kopji stampati kien stabbilit għal 500 f'Awwissu 1798, u saru sforzi biex il-gażżetta titqassam kemm fiż-żona urbana madwar il-Port il-Kbir (li tikkonsisti fil-kapitali l-Belt Valletta , il-Furjana u t-Tliet Ibliet) kif ukoll fil-bliet u fl-irħula rurali. L-abbonamenti għall-gazzetta kienu jitħallsu lil Matteo Rizzo, il-librar tal-Bibliotheca Publica.[1]
Ħarġiet u kopji li għadhom jeżistu
[immodifika | immodifika s-sors]Jaħsbu li ġew ippubblikati 10 ħarġiet tal-Journal bejn Lulju u Settembru tal-1798. Id-dati tal-ħruġ skont sors tas-seklu 19 huma kif ġej:[1]
- Ħarġa 1 - 14 ta' Lulju 1798
- Ħarġa 2 - 24 ta' Lulju 1798
- Ħarġa 3 - 9 ta' Awwissu 1798
- Ħarġa 4 - 12 ta' Awissu 1798
- Ħarġa 5 - 15 ta' Awwissu 1798
- Ħarġa 6 - 18 ta' Awwissu 1798
- Ħarġa 7 - 20 ta' Awwissu 1798
- Ħarġa 8 - 27 ta’ Awwissu 1798
- Ħarġa 9 - 28 ta' Awwissu 1798
- Ħarġa 10 - 26 ta' Settembru 1798
Hemm sors mill-1916 li qal li fil-fatt kien hemm 12-il ħarġa imma dan ma jistax jiġi vverifikat.[1]
Hemm seba' ħarġiet miżmumin fil-Bibljoteka Nazzjonali ta' Malta,[3] imma l-ħarġiet 2, 5 u 9 huma neqsin. Tnejn mill-kopji ta' ħarġa 10 miżmuma fil-Bibljoteka huma neqsin ukoll. Fis-seba' ħarġiet li baqgħu jeżistu, in-numri tal-paġni jkomplu minn waħda għall-oħra, allura jista' jkun li l-ħarġiet 2, 5 u 9 infatti qatt ma ġew ppubblikati.[1]
Hemm erba' ħarġiet tal-Journal (1, 3, 4 u 10) miżmumin ukoll fil-Bibliothèque nationale de France, f'Pariġi.[2]
Minkejja li ma damx joħroġ il-Journal de Malte kellu impatt sinjifikanti bħala l-ewwel gazzetta li qatt ġiet ippubblikata f'Malta. u kkonsidrat bħala il-preċessur tal-Malta Government Gazette, li ġiet ippubblikata għall-ewwel darba mill-awtoritajiet kolonjali Brittaniċi fl-1813 u għadha s'issa tiġi ppubblikata mill-Gvern ta' Malta sal-lum.[1][4]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d e f ġ g għ h ħ Joseph F. Grima It happened this month: The publication of Malta’s first newspaper [1] Times of Malta 14 ta' Lulju 2019 [2]
- ^ a b ċ Hanley, Wayne: The Genesis of Napoleonic Propaganda, 1796–1799, 2005, Columbia University Press, ISBN:9780231124560, pp.144–147. [3]
- ^ [4], [5]
- ^ [6], [7]