Aqbeż għall-kontentut

L-Innu Malti

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Innu Malti)

 U l-Kotra qamet f'daqqa – u għajtet: “Jien Maltija!
Miskin min ikażbarni, – miskin min jidħak bija!” 

Rużar Briffa mill-poeżija Jum ir-Rebħ
Riproduzzjoni ta' fujlett antik bil-mużika tal-Innu u l-versi bil-Malti u l-Ingliż
Lapida li tikkomemora il-ħamsin sena anniversarju mill-ewwel eżekuzzjoni tal-Innu Malti mill-King's Own Band.

L-Innu Malti huwa l-innu nazzjonali ta' Malta. Inkiteb bħala forma ta' talba lil Alla. Dan l-innu ġie kompost mill-Mro. Robert Samut bil-lirika toħroġ mill-pinna tal-Poeta Nazzjonali Malti Dun Karm Psaila.

Minn nofs is-seklu dsatax sas-snin tletin, Malta kienet għaddejja minn bidla fuq il-lat patrijottiku, b'ħafna ħassieba jħossu li Malta għandha jkollha l-innu nazzjonali tagħha. Fl-1850, Ġan Anton Vassallo kkompona Innu Lil Malta, li kien jintuża f'diversi manifestazzjonijiet u laqgħat politiċi Maltin. Fl-1922, il-Professur Mro. Robert Samut ikkompona melodija qasira. Sena wara, Dr. A.V. Laferla, kap tal-iskejjel primarji f'Malta, ġietu f'idejh din il-kompożizzjoni hekk kif hu xtaq li jkollu innu li jista' jiġi kantat mill-istudenti fl-iskejjel Maltin. Laferla staqsa lil Dun Karm Psaila biex jikteb il-kliem li jkun jista' jaqbel mal-melodija ta' Samut. Dun Karm Psaila kien magħruf għall-ħsibijiet reliġjużi u patrijottiċi li kien jikteb fil-poeżiji tiegħu, u fil-versi li kiteb ma naqasx li jdaħħal dawn l-elementi. L-innu kien diġà beda jindaq f'Diċembru tal-1922, ħafna drabi fl-iskejjel tal-istat. L-ewwel darba li nstama' fil-pubbliku kien fis-27 ta' Diċembru 1922 u darb'oħra fis-6 ta' Jannar 1923, waqt żewġ kunċerti fit-Teatru Manoel. Madanakollu, matul dawn iż-żewġ dehriet, tbiddlu xi versi mill-ewwel stanza. Din irrabjat lil Dun Karm, li pprotesta għal din permezz ta' artiklu f'gazzetta lokali. Minn dakinhar 'il quddiem l-ebda kelma ma nbidlet. Fit-8 ta' Frar 1929, żewġ kunċerti oħra saru fit-Teatru Manoel bil-parteċipazzjoni ta' tfal minn Tas-Sliema li kantaw il-versi oriġinali ta' Dun Karm. L-innu ndaqq mid-Duke of Edinburgh's Band tal-Birgu.

Fit-22 ta' Frar 1941, il-gvern Malti ddikjara l-innu bħala l-innu uffiċjali ta' Malta. Il-Kostituzzjoni tal-Indipendenza tal-1964 ikkonfermatu bħala l-Innu Nazzjonali ta' Malta, li llum jirrappreżenta wieħed mis-simboli tal-identità Maltija. Ġrajja interessanti seħħet fil-25 ta' Marzu 1945, waqt logħba futbol bejn Malta XI u t-tim Jugoslav ta' Hajduks li ntlagħbet fil-grawnd tal-Gżira. F'dak iż-żmiem, Malta kienet għadha taħt l-Ingliżi, u l-Gvernatur Brittaniku kien preżenti. Qabel il-logħba, il-banda daqqet l-innu tal-Jugoslavja, u wara l-innu tal-Gran Brittanja, minħabba li Malta kienet għadha stat kolonjali. Hekk kif il-gvernatur kien se jpoġġi, in-nies kollha qamu u bdew ikantaw l-Innu Malti. Il-Gvernatur, minkejja li kien imbarazzat, baqa' bilwieqfa sal-aħħar tal-innu. L-Innu jindaqq kuljum fuq il-mezzi tax-xandir, u anki waqt il-qadi uffiċjali tal-President ta' Malta, tal-Prim Ministru ta' Malta, u dawk tal-personaġġi statali oħra. Fl-iskejjel u waqt attivitajiet nazzjonali importanti, l-Innu Malti jindaqq ukoll.

Lil din l-art ħelwa, l-Omm li tatna isimha,
Ħares, Mulej, kif dejjem Int ħarist:
Ftakar li lilha bl-oħla dawl libbist.
Agħti, kbir Alla, id-dehen lil min jaħkimha,
Rodd il-ħniena lis-sid, saħħa 'l-ħaddiem:
Seddaq il-għaqda fil-Maltin u s-sliem.

Verżjoni Ingliża

[immodifika | immodifika s-sors]
Guard her, O Lord, as ever Thou hast guarded!
This Motherland so dear whose name we bear!
Keep her in mind, whom Thou hast made so fair!
May he who rules, for wisdom be regarded!
In master mercy, strength in man increase!
Confirm us all, in unity and peace!

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]