Hospicio Cabañas

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Kappella tal-Hospicio Cabañas

Il-Hospicio Cabañas jew Mużew ta' Cabañas f'Guadalajara, Jalisco, il-Messiku, kien wieħed mill-eqdem u mill-ikbar istituti għall-iltiema u kumplessi ta' sptar fl-Amerka ta' Fuq u fl-Amerka t'Isfel. Issa li ġie kkonvertit f'mużew, is-sala prinċipali tospita l-affreski kapulavur tal-pittur José Clemente Orozco. Il-Hospicio Cabañas tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[1]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kumpless ġie stabbilit fl-1791 mill-Isqof ta' Guadalajara sabiex jikkombina l-funzjonijiet ta' post tax-xogħol, sptar, orfanotrofju u abitazzjoni għall-foqra. Ingħatat kunjom Juan Ruiz de Cabañas li nħatar bħala l-Isqof ta' Guadalajara fl-1796 u qabbad lil Manuel Tolsá, arkitett rinomat mill-Belt tal-Messiku, biex jiddisinja l-istruttura.

Id-disinn ta' Tolsá kien ibbażat fuq eżempji klassiċi bħal dawk ta' Les Invalides f'Pariġi, Franza, u El Escorial qrib Madrid, Spanja. Il-binjiet tal-kumpless jiffurmaw rettanglu ta' 164 metru b'145 metru (538 pied b'476 pied). Dawn huma strutturi ta' sular b'għoli ta' 7.5 metri (25 pied). Il-kappella hija għolja d-doppju u għandha koppla għolja 32.5 metru (107 piedi). Il-kumpless inġenerali huwa għoli sular, "sabiex jiffaċilita ċ-ċaqliq tal-morda, tal-anzjani u tat-tfal".[2]

Filmat tal-pjazza faċċata tal-Hospicio Cabañas.

Wara l-mewt ta' Cabañas fl-1823, il-kostruzzjoni tkompliet sal-1829. Għalkemm il-kumpless intuża għal xi żmien bħala barrakki f'nofs is-seklu 19, l-isptar dam sew sas-seklu 20 u kompla jiffunzjona sal-1980, meta mbagħad beda jintuża mill-Istitut Kulturali ta' Cabañas, bi skejjel affiljati għall-arti u għall-artiġjanat. L-attrazzjoni prinċipali tat-tiżjin ta' ġewwa l-kumpless hija sensiela ta' affreski monumentali ta' José Clemente Orozco, inkluż wieħed mill-affreski l-iżjed famużi tiegħu, l-allegorija ta' Ir-Raġel tan-Nar (1936-1939).

Filmat tal-affreski fuq ġewwa tal-kumpless.

Hospicio Cabaña sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[1] Iffinanzjat permezz ta' kollaborazzjoni bejn l-Istitut ta' Cabañas, il-Ministeru għall-Kultura ta' Jalisco u l-Gallerija ta' Hilario Galguera fl-2014, l-artist kunċettwali Franċiż Daniel Buren ħoloq sensiela ta' xogħlijiet speċifiċi għas-sit fi tmintax mit-tlieta u għorin bitħa tal-kumpless, bil-kolonni tal-kjostru mgeżwrin f'disinni ġeometriċi, bil-volti miżbugħa b'kuluri jgħajtu u bi strutturi riflessi li nbnewv biex joħolqu viżjonijiet distorti ta' nħawi familjarji.[3]

L-iskulturi La sala de los magos u Los magos universales ta' Alejandro Colunga jinsabu fuq barra tal-binja.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

L-affresk Ir-Raġel tan-Nar ta' Orozco.

Il-Hospicio Cabañas ta' Guadalajara ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b c d Centre, UNESCO World Heritage. "Hospicio Cabañas, Guadalajara". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-20.
  2. ^ "Id-Dokument Nru 815 tal-UNESCO".
  3. ^ "Daniel Buren transforms former hospice in Mexico into a maze of colour - The Art Newspaper". web.archive.org. 2014-04-03. Miġbur 2022-08-20.