Holašovice
Holašovice | |
---|---|
Repubblika Ċeka | |
Amministrazzjoni | |
Pajjiż | Repubblika Ċeka |
Regions of the Czech Republic | Reġjun tan-Nofsinhar tal-Boemja |
District of the Czech Republic | Distrett ta' České Budějovice |
Municipality of the Czech Republic | Jankov |
Isem uffiċjali | Holašovice |
Kodiċi postali |
373 83 |
Ġeografija | |
Koordinati | 48°58′N 14°16′E / 48.97°N 14.27°EKoordinati: 48°58′N 14°16′E / 48.97°N 14.27°E |
Superfiċjenti | 4.291 kilometru kwadru |
Għoli | 505 m |
Demografija | |
Popolazzjoni | 204 abitanti (26 Marzu 2021) |
holasovice.eu |
Holašovice ([ˈɦolaʃovɪtsɛ], bil-Ġermaniż: Hollschowitz jew Holschowitz) huwa villaġġ storiku żgħir li jinsab fin-Nofsinhar tar-Repubblika Ċeka, 16-il kilometru fil-Punent ta’ České Budějovice u 24 km fit-Tramuntana ta’ Český Krumlov. Il-villaġġ jagħmel parti mill-muniċipalità ta’ Jankov u mir-reġjun tal-Boemja tan-Nofsinhar tar-Repubblika Ċeka. Fin-Nofsinhar ta’ Holašovice hemm żona ta’ pajsaġġ protett tal-Foresta ta’ Blanský. Il-villaġġ ġie abbandunat wara t-Tieni Gwerra Dinjija, u b’hekk il-pjanta Medjevali u l-binjiet vernakolari tiegħu bl-istil tal-Barokk Rurali jew bl-istil folkloristiku Barokk tal-Boemja tan-Nofsinhar waslu sa żminijietna qawwijin u sħaħ. Il-villaġġ ġie rrestawrat u ripopolat mill-1990, u tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[1]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Holašovice jissemma għall-ewwel darba fl-1263. Fl-1292, ir-Re Wenceslaus II ta dan il-villaġġ flimkien ma’ diversi oħrajn lill-monasteru Ċisterċens (fergħa reliġjuża iktar stretta mill-Ordni Benedettina) ta’ Vyšší Brod, u l-villaġġ baqa’ proprjetà tal-monasteru sal-1848.[2]
Bejn l-1520 u l-1525, il-popolazzjoni ta’ Holašovice kważi nqerdet għalkollox bil-pesta s-sewda. Tnejn biss mill-abitanti tal-villaġġ baqgħu ħajjin. Fin-naħa tat-Tramuntana tal-villaġġ hemm monument ta’ kolonna fuq qabar bħala mafkar tal-pesta s-sewda. Il-monasteru bil-mod il-mod reġa’ ġie popolat b’nies mill-Bavarja u mill-Awstrija. Sal-1530, il-popolazzjoni kienet telgħet għal 17-il ruħ, skont ir-reġistri tal-monasteru, u prattikament il-villaġġ kien sar post fejn il-maġġoranza kienet titkellem bil-Ġermaniż, minkejja li l-villaġġ kien jinsab f’żona fejn il-maġġoranza kienu jitkellmu biċ-Ċek. Sas-sena 1900, il-popolazzjoni telgħet għal 164 abitant: 163 abitant ta’ oriġini etnika Ġermaniża u abitant wieħed ta’ oriġini etnika Ċeka.[2]
Wara l-ispostament tar-residenti Ġermaniżi lejn l-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija, ħafna rziezet fil-villaġġ ġew abbandunati u bdew jaqgħu biċċiet. Il-villaġġ ta’ Holašovice spiċċa mitluq u abbandunat iktar taħt ir-reġim Komunista Ċek ta’ wara l-gwerra.
Fl-1990, il-villaġġ ġie rrestawrat u reġa’ ngħata l-ħajja u ġie abitat mill-ġdid. Il-popolazzjoni attwali tiegħu hija ta’ 140 ruħ.[2]
Buildings
[immodifika | immodifika s-sors]Holašovice huwa villaġġ tipiku tal-Boemja fiż-żona ta’ Hlubocká Blatská qrib České Budějovice. Jikkonsisti minn 23 razzett jew azjenda agrikola familjari b’120 binja tal-brikks. Kull waħda mill-binjiet għandha fruntun iddekorat, b’saqaf imżerżaq u b’faċċata tipika ddekorata li tħares lejn l-unika pjazza ċentrali tal-villaġġ bil-ħaxix u s-siġar. Fil-pjazza hemm ukoll għadira bil-ħut u kappella.[1]
Il-binjiet imorru lura għas-sekli 18, 19 u 20, għalkemm il-maġġoranza tagħhom inbnew fit-tieni nofs tas-seklu 19 bl-istil Barokk rurali. Il-kappella fil-pjazza hija ddedikata lil San Ġwann ta’ Nepomuk u nbniet fl-1755.[2]
Il-biċċa l-kbira tal-irziezet inbnew bl-istess stil. Is-soltu, ikollhom għamla tal-ittra U (li kieku wieħed kellu jħares lejhom mill-ajru) b’għalqa żgħira fin-nofs. Il-faċċati kienu jiġu ddekorati bl-istukko b’dettalji differenti b’kuluri differenti, u bis-sena tal-kostruzzjoni tagħhom miżbugħa fuqhom. Id-dekorazzjonijiet magħmula mill-arkitetti u l-bennejja ta’ Holašovice, x’aktarx ġew ispirati bil-binjiet tas-sinjuri fil-Boemja u fl-Awstrija.[1][2]
Sit ta’ Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-villaġġ storiku ta’ Holašovice ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.
Il-valur universali straordinarju tal-villaġġ ġie rrikonoxxut abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”, ladarba Holašovice jirrappreżenta l-fużjoni ta’ żewġ tradizzjonijiet vernakolari fi stil ta’ bini eċċezzjonali u dejjiemi magħruf bħala l-Barokk Rurali jew il-“Barokk Folkloristiku” tal-Boemja tan-Nofsinhar; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”, ladarba l-kompletezza u l-preservazzjoni eċċezzjonali tal-villaġġ ta’ Holašovice u tal-binjiet tiegħu
jagħmluh eżempju straordinarju ta’ insedjament rurali tradizzjonali fl-Ewropa Ċentrali.[1]