Hermannus Contractus

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Hermannus Contractus
patri

1048 - 1054
Berno of Reichenau (en) Translate
Ħajja
Twelid Altshausen, 18 Lulju 1013
Nazzjonalità Imperu Ruman Qaddis
Mewt Abbazija ta' Reichenau, 24 Settembru 1054
Familja
Missier Wolfrad II Graf von Aleshausen
Omm Hiltrude von Trauchburg und Saulgau
Aħwa
Edukazzjoni
Lingwi Ġermaniż
Latin
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni kompożitur
teoriku tal-mużika
mużikologu
matematiku
astronomu
astrologu
storiku
kittieb
poeta
kronista
Moviment mużika Medjevali
Festa
24 ta' Settembru

Hermannus Contractus jew Hermann ta' Reichenau (twieled fit-18 ta' Lulju 1013 – miet fl-24 ta' Settembru 1054), magħruf ukoll b'ismijiet oħra, kien patri Benedittin u studjuż tas-seklu 11. Huwa fassal xogħlijiet dwar l-istorja, it-teorija mużikali, il-matematika, u l-astronomija, kif ukoll bosta innijiet. Tradizzjonalment huwa ġie akkreditat li kkompona Salve Regina, Veni Sancte Spiritus, u Alma Redemptoris Mater, għalkemm dawn l-attribuzzjonijiet xi kultant jiġu ddubitati. Il-fidi u l-beatifikazzjoni tiegħu ġew ikkonfermati mill-Knisa Kattolika Rumana fl-1863.[1][2][3]

Ismijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Isem Hermann xi drabi jiġi Angliċizzat bħala Herman jew Latinizzat bħala Hermannus; xi kultant jidher ukoll bil-forma antika ta' Heriman. Huwa jiġi distint ukoll bħala Hermann ta' Vöhringen (bil-Latin: Hermannus de Voringen; bil-Ġermaniż: Hermann von Vöhringen) abbażi ta' raħal twelidu. Madankollu, huwa magħruf l-iktar bħala Hermannus Contractus (bil-Franċiż: Hermann Contract jew Hermann le Contrefait; bl-Ingliż: Hermann the Lame (iz-Zopp) jew Hermann the Cripple (il-Magħtub); bil-Ġermaniż: Hermann der Lahme) jew bħala Hermann ta' Reichenau (bil-Latin: Hermannus Augiensis; bil-Ġermaniż: Hermann von Reichenau) abbażi tal-post fejn kien jinsab il-monasteru tiegħu, jiġifieri l-gżira ta' Reichenau (bil-Latin: Augia) fil-Lag ta' Kostanza (bil-Ġermaniż: Bodensee).

Bijografija[immodifika | immodifika s-sors]

Hermann kien iben il-Konti ta' Altshausen. Huwa kien diżabbli minħabba marda paralitika mit-tfulija bikrija. Huwa twieled fit-18 ta' Lulju 1013, b'palatoskisi u b'paraliżi ċerebrali, u jingħad ukoll li kellu l-ispina bifida.[4] Madankollu, abbażi tal-evidenza, studji iktar reċenti jindikaw li Hermann possibbilment kellu sklerożi laterali amijotrofika jew atrofija muskolari fis-sinsla tad-dahar.[5][6] B'riżultat ta' dan, kellu diffikultà kbira biex jiċċaqlaq u bilkemm seta' jitkellem. Meta kellu seba' snin, huwa tqiegħed b'monasteru Benedittin mill-ġenituri tiegħu li ma setgħux jieħdu ħsiebu iktar.

Ir-relikwi ta' Hermannus Contractus f'Altshausen, il-Ġermanja

Huwa trabba fl-Abbazija ta' Reichenau, gżira fuq il-Lag ta' Kostanza fil-Ġermanja. Huwa tgħallem mingħand il-patrijiet u żvilupp interess kbir kemm fit-teoloġija kif ukoll fid-dinja ta' madwaru. Meta kellu għoxrin sena, Hermann daħal fl-ordni Benedittina bħala patri Benedittin, u sar midħla ta' diversi lingwi (fosthom l-Għarbi, il-Grieg u l-Latin) u kkontribwixxa għall-erba' arti kollha tal-quadrivium.[7]

Huwa kiteb dwar l-istorja, il-matematika, l-astronomija u l-Kristjaneżmu.[8] Huwa fassal kitbiet dwar ix-xjenza tal-mużika, diversi xogħlijiet dwar il-ġeometrija u l-aritmetika, u kitbiet astronomiċi li jinkludu struzzjonijiet għall-kostruzzjoni ta' astrolabbju li xi kultant wasslet biex jiġi akkreditat bħala l-inventur tiegħu. Bħala storiku, huwa kiteb kronaka dettaljata mit-twelid ta' Kristu sa żmienu, u għamel il-ġrajjiet kollha f'ordni skont l-era Kristjana. Dan ix-xogħol ġie estiż iktar 'il quddiem mill-istudent tiegħu Berthold ta' Reichenau.

Salve Regina ta' Hermannus Contractus kantata minn Le Petits Chanteurs de Passy

Huwa kien rinomat bħala poeta reliġjuż u kompożitur mużikali. Fost ix-xogħlijiet li waslu sa żminijietna hemm officia għal Santa Afra u San Wolfgang. Meta għama iktar tard f'ħajtu, huwa beda jikteb l-innijiet. Huwa kien famuż biżżejjed li saħansitra ġie akkreditat b'kompożizzjonijiet li saru minn kompożituri li ġew warajh; fost ix-xogħlijiet li tradizzjonalment jiġu attribwiti lilu hemm is-Salve Regina, Veni Sancte Spiritus, u Alma Redemptoris Mater.

Hermannus Contractus miet f'Reichenau fl-24 ta' Settembru 1054, meta kellu 41 sena. Il-Knisja Kattolika Rumana bbeatifikatu fl-1863.

Legat u influwenza[immodifika | immodifika s-sors]

Tliet minn ħames sinfoniji li ġew miktuba mill-kompożitur Russu Galina Ustvolskaya huma bbażati fuq it-testi ta' Hermannus Contractus.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Hermann (2.). XI. Miġbur 2021-09-24.
  2. ^ The Tradition of Catholic Prayer by Christian Raab, Harry Hagan, p. 234, 2007, ISBN 0-8146-3184-3.
  3. ^ Handbook of Prayers by James Socías, 2006, ISBN 0-87973-579-1 p. 472.
  4. ^ "Saint of the Day: Blessed Herman the Cripple, Monk (1013 - 1054)". Miġbur 2021-09-24.
  5. ^ "Hermann of Reichenau - Biography". Maths History (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-24.
  6. ^ C Brunhölzl, "Thoughts on the illness of Hermann von Reichenau (1019–1054)", Sudhoffs Arch. 83 (2) (1999), 239-243.
  7. ^ Online, Catholic. "Bl. Herman the Cripple - Saints & Angels". Catholic Online (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-24.
  8. ^ "CATHOLIC ENCYCLOPEDIA: Hermann Contractus". www.newadvent.org. Miġbur 2021-09-24.

Iktar qari[immodifika | immodifika s-sors]

  • McCarthy, T. J. H. Music, scholasticism and reform: Salian Germany, 1024–1125 (Manchester, 2009), pp. 23–30, 62–71. ISBN 978-0719078897.
  • The Musica of Hermannus Contractus. Edited and translated by Leonard Ellinwood. Revised with a new introduction by John L. Snyder (Rochester, NY: University of Rochester Press, 2015), xviii + 221 pp.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]