Aqbeż għall-kontentut

Hattusha

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Id-Daħla tal-Iljuni, Hattusha

Hattusha (magħrufa wkoll bħala Ḫattuša, Hattusa jew Hattusas /ˌhɑːttʊˈsɑːs/; bl-Ittit: URUḪa-at-tu-ša, bl-Attiku: Hattush) kienet il-belt kapitali tal-Imperu tal-Ittiti fl-aħħar ta' Żmien il-Bronż. Il-fdalijiet tal-belt jinsabu fil-qrib ta' Boğazkale, it-Turkija, fi ħdan il-lilwa l-kbira tax-xmara Kızılırmak (bl-Ittit: Marashantiya; bil-Grieg: Halys).

Hattusha żdiedet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.[1]

Madwar is-sit

[immodifika | immodifika s-sors]
It-Tempju l-Kbir fi ħdan il-ħitan ta' Hattusha

Il-pajsaġġ madwar il-belt kien jinkludi raba' agrikolu għammiel, artijiet bl-għoljiet għall-mergħa kif ukoll boskijiet. Boskijiet iżgħar għadhom jinsabu fi ħdan il-fdalijiet tal-belt, iżda fi żmien il-qedem, kien ferm iktar mifruxa. Dan kien ifisser li l-abitanti kellhom provvista eċċellenti tal-injam biex jibnu d-djar tagħhom u strutturi oħra. Ir-raba' kien jipprovdi lill-poplu tal-Ittiti bl-għelejjel tas-sussistenza tal-qamħ, tax-xgħir u tal-għads. Kien jiġi maħsud ukoll il-kittien, iżda s-sors primarju għall-ilbies kien is-suf tan-nagħaġ. Kien jikkaċċjaw ukoll għaċ-ċriev fil-foresta, iżda dan x'aktarx li kien lussu rriżervat għan-nobbiltà. L-annimali domestiċi kienu jipprovdu l-laħam.

Kien hemm diversi insedjamenti oħra fil-qrib, bħas-santwarju fil-blat ta' Yazılıkaya u r-raħal ta' Alacahöyük. Peress li x-xmajjar fiż-żona mhumiex adattati għal vapuri kbar, it-trasport kollu lejn Hattusha u minnha kellu jsir fuq l-art.

Storja bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa tal-Imperu Ittit fis-seklu 14 Q.K.

Qabel l-2000 Q.K, il-poplu Attiku apparentement indiġenu stabbilixxa insedjament fuq siti li kienu ġew okkupati saħansitra qabel u rreferew għas-sit bħala Hattusha. L-Attiċi bnew l-insedjament inizjali tagħhom fuq l-għolja ta' Büyükkale. L-iżjed traċċi bikrin ta' insedjament fuq is-sit imorru lura għas-sitt millenju Q.K., meta merkanti minn Assur fl-Assirja stabbilew ċentru kummerċjali hemmhekk, u stabbilew ruħhom fil-kwartier separat tagħhom stess fil-belt. Iċ-ċentru tan-network kummerċjali tagħhom kien jinsab f'Kanesh (Neša; illum il-ġurnata Kültepe). Il-ftehimiet kummerċjali kienu jirrikjedu ż-żamma ta' reġistri kummerċjali: in-network kummerċjali minn Assur introduċa l-kitba kunejformi f'Hattusha.

Saff karbonizzat apparenti fl-iskavi huwa xhieda li l-belt ta' Hattusha ngħatat in-nar għall-ħabta tal-1700 Q.K. u tħalliet fi stat ta' fdalijiet. Milli jidher kien taha n-nar ir-Re Anitta minn Kussara, li ried iħalli l-marka ta' dan l-att li wettaq u ħalla wkoll kitba ta' saħta:

Isir min isir re warajja u jerġa' jinsedja lil Hattusha, j'alla l-alla tas-sema jolqtu b'sajjetta!

Belt imperjali tal-Ittiti

[immodifika | immodifika s-sors]
12-il alla Ittit tad-dinja tal-mejtin f'Yazılıkaya, santwarju ta' Hattusha

Ġenerazzjoni biss wara, re Ittit għażel is-sit bħala r-residenza u l-belt kapitali tiegħu. Il-lingwa Ittita kienet ilha tikseb il-kelliema għas-spejjeż tal-Attiku. L-isem bl-Attiku Hattush sar Hattusha bl-Ittit, u r-re ħa l-isem ta' Hattusili, jiġifieri "dak li jiġi minn Hattusha". Hattusili mmarka l-bidu ta' stat "Ittit" li ma jitkellimx bl-Attiku kif ukoll nisel irjali ta' Rejiet Ittiti Kbar, li 27 minnhom issa huma magħrufa b'isimhom.

Wara li l-Kaskjani waslu fit-Tramuntana tar-renju, attakkaw il-belt darbtejn tant li saħansitra r-rejiet kellhom iċaqilqu s-sede rjali lejn belt oħra. Taħt Tudhaliya I, l-Ittiti ċċaqilqu lejn it-Tramuntana f'Sapinuwa, u iktar 'il quddiem reġgħu lura. Taħt Muwatalli II, huma ċċaqilqu lejn in-Nofsinhar f'Tarhuntassa iżda assenjaw lil Hattusili III bħala l-gvernatur ta' Hattusha. Mursili III rritorna s-sede lejn Hattusha, fejn ir-rejiet baqgħu jgħixu sal-aħħar tar-renju Ittit fis-seklu 12 Q.K.

Il-ħitan rikostruwiti ta' Hattusha

Fl-eqqel tagħha, il-belt kienet tkopri 1.8 km² u kellha parti fuq ġewwa u oħra fuq barra. Iż-żewġ partijiet kienu mdawra b'ħitan enormi li f'xi nħawi għadhom viżibbli. Dawn inbnew matul ir-renju ta' Suppiluliuma I (għall-ħabta tal-1344-1322 Q.K). Il-parti fuq ġewwa tal-belt kienet tkopri erja ta' xi 0.8 km² u kienet okkupata minn ċittadella b'binjiet amministrattivi u tempji kbar. Ir-residenza rjali, jew l-akropoli, inbniet fuq għolja issa magħrufa bħala Büyükkale (Fortizza Kbira). Il-belt kellha iżjed minn sitt kilometri ta' ħitan, interni u esterni, bi ħxuna ta' madwar tliet metri u bi spazju ta' żewġ metri bejniethom, bi ħxuna ta' tmien metri addizzjonali.

Ir-riljievi u l-kitba ġeroglifika ta' Suppiluliuma II, l-aħħar re tal-Ittiti.

Lejn in-Nofsinhar hemm insedjament 'il barra mill-ħitan ta' madwar 1 km2, b'daħliet elaborati mżejna b'riljievi ta' ġellieda, iljun u sfinġijiet. F'din iż-żona kien hemm erba' tempji, kollha kemm huma madwar bitħa bil-portiċi, flimkien ma' binjiet lajċi u strutturi residenzjali. Lil hinn mill-ħitan hemm ukoll ċimiterji, li l-biċċa l-kbira minnhom fihom difniet tal-fdalijiet tal-kremazzjoni. Skont stimi moderni, il-popolazzjoni tal-belt kienet ta' bejn 40,000 u 50,000 ruħ fl-eqqel tagħha; fil-perjodu bikri, il-belt fi ħdan il-ħitan kienet tospita terz tal-popolazzjoni. Il-binjiet residenzjali li kienu mibnija bl-injam u bil-brikks tat-tajn għebu mis-sit, u fadal biss il-ħitan tal-ġebel tat-tempji u tal-palazzi.

Il-belt inqerdet, flimkien mal-istat Ittit stess, madwar l-1200 Q.K., bħala parti mill-kollass ta' Żmien il-Bronż. L-iskavi jissuġġerixxu li Hattusha gradwalment ġiet abbandunata matul perjodu ta' diversi deċennji u l-imperu Ittit sfaxxa. Sussegwentement is-sit ġie abbandunat sat-800 Q.K., meta tfaċċa insedjament mudest tal-Friġej fiż-żona.

Bombli tal-fuħħar fejn kien jinħażen il-qamħ

Fl-1833, l-arkeologu Franċiż Charles Texier (1802-1871) intbagħat fuq missjoni ta' esplorazzjoni lejn it-Turkija, fejn fl-1834 skopra l-fdalijiet tal-belt kapitali antika tal-Ittiti ta' Hattusha. Ernest Chantre fetaħ xi trunċieri ta' prova fil-villaġġ li dak iż-żmien kien imsejjaħ Boğazköy, fl-1893-1894. Mill-1906 'l hawn, is-Soċjetà Orjentali Ġermaniża ilha tiskava f'Hattusha (b'pawżi matul iż-żewġ Gwerer Dinjin u d-Depressjoni, fl-1913-1931 u fl-1940-1951). Ix-xogħol arkeologu għadu jsir mill-Istitut Arkeoloġiku Ġermaniż (Deutsches Archäologisches Institut). Hugo Winckler u Theodore Makridi Bey wettqu l-ewwel skavi fl-1906, fl-1907, u fl-1911-1913, li tkomplew fl-1931 taħt Kurt Bittel, u mbagħad taħt Peter Neve (id-direttur tas-sit fl-1963, id-direttur ġenerali fl-1978-1994).

Arkivji rjali kunejformi

[immodifika | immodifika s-sors]
Tavli bil-kitba kunejformi

Waħda mill-iżjed skoperti importanti fis-sit kienet l-arkivji rjali kunejformi fuq tavli tat-tafal, magħrufa bħala l-Arkivju ta' Bogazköy, li jikkonsisti minn korrispondenza u kuntratti uffiċjali, kif ukoll kodiċijiet legali, proċeduri għal ċerimonji ta' xi twemmin, profeziji orakulari u letteratura tal-Lvant Qarib tal-qedem. Tavla partikolarment importanti, attwalment għall-wiri fil-Mużew tal-Arkeoloġija ta' Istanbul, jiddeskrivi fid-dettall it-termini ta' trattat ta' paċi li ntlaħaq snin wara l-Battalja ta' Kadesh bejn l-Ittiti u l-Eġizzjani taħt Ramesses II, fl-1259 jew fl-1258 Q.K. Hemm kopja għall-wiri fil-binja tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Belt ta' New York bħala eżempju tal-iżjed trattat ta' paċi internazzjonali bikri magħruf.

Għalkemm il-madwar 30,000 tavla tat-tafal li nstabu f'Hattusha jiffurmaw il-korp prinċipali tal-letteratura tal-Ittiti, tul is-snin instabu wkoll arkivji oħra f'ċentri oħra fl-Anatolja, bħal f'Tabigga (Maşat Höyük) u f'Sapinuwa (Ortaköy). Attwalment huma maqsumin bejn il-mużewijiet arkeoloġiċi ta' Ankara u ta' Istanbul.

Id-Daħla tal-Isfinġijiet

Par sfinġijiet li nstabu fid-daħla tan-Nofsinhar f'Hattusha ttieħdu l-Ġermanja għar-restawr fl-1917. L-iżjed wieħed ippreservat tajjeb ġie rritornat lit-Turkija fl-1924 u tqiegħed għall-wiri fil-Mużew tal-Arkeoloġija ta' Istanbul, iżda l-ieħor baqa' l-Ġermanja għall-wiri fil-Mużew ta' Pergamon f'Berlin mill-1934, minkejja diversi talbiet biex jintradd lura.

Fl-2011, theddidiet mill-Ministeru Tork għall-Kultura li jiġu imposti restrizzjonijiet fuq l-arkeologi Ġermaniżi li jaħdmu fit-Turkija finalment ipperswadew lill-Ġermanja tirritorna l-isfinġi, u dan ittieħed fil-Mużew ta' Boğazköy qrib il-fdalijiet ta' Hattusha, flimkien mal-ifinġi li kien hemm f'Istanbul – b'hekk l-isfinġijiet reġgħu flimkien qrib il-post oriġinali tagħhom.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
It-tabella tal-UNESCO f'Hattusha

Il-belt kapitali tal-Ittiti, Hattusha, ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Neve, Peter (1992). Hattuša-- Stadt der Götter und Tempel : neue Ausgrabungen in der Hauptstadt der Hethiter (2., erw. Aufl. ed.). Mainz am Rhein: P. von Zabern. ISBN 3-8053-1478-7.
  • W. Dörfler et al.: Untersuchungen zur Kulturgeschichte und Agrarökonomie im Einzugsbereich hethitischer Städte. (MDOG Berlin 132), 2000, 367-381. ISSN 0342-118X
  • Bryce, Trevor. Life and Society in the Hittite World. Oxford: Oxford University Press, 2002.
  • Letters of the Great Kings of the Ancient Near East: The Royal Correspondence of the Late Bronze Age. London: Routledge, 2003.
  • The Kingdom of the Hittites. Rev. ed. Oxford: Oxford University Press, 2005.
  • Collins, Billie Jean. The Hittites and Their World. Atlanta: Society of Biblical Literature, 2007.
  • Neve, Peter. “The Great Temple in Boğazköy-H ̮attuša.” In Across the Anatolian Plateau: Readings in the Archaeology of Ancient Turkey. Edited by David C. Hopkins, 77–97. Boston: American Schools of Oriental Research, 2002.
  • Kuhrt, Amelie. “The Hittites.” In The Ancient Near East, c. 3000–330 BC. 2 vols. By Amelie Kuhrt, 225–282. London: Routledge, 1994.
  • Singer, Itamar. “A City of Many Temples: H ̮attuša, Capital of the Hittites.” In Sacred Space: Shrine, City, Land: Proceedings of the International Conference in Memory of Joshua Prawer, Held in Jerusalem, 8–13 June 1992. Edited by Benjamin Z. Kedar and R. J. Z. Werblowsky, 32–44. Basingstoke, UK: Palgrave Macmillan, 1998.
  • Yazıcı, Çağlan. The Hittite Capital Hattusa, Alacahöyük and Shapinuwa: A Journey to the Hittite World In Hattusa, Alacahöyük, Shapinuwa, Eskiapar, Hüseyindede, Pazarlı and the Museums of Boğazköy, Alacahöyük and Çorum. 1st edition. Istanbul: Uranus Photography Agency and Publishing Co., 2013.
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Hattusha: the Hittite Capital". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-27.