Għerien ta' Elephanta
L-Għerien ta' Elephanta huma ġabra ta' għerien-tempji li b'mod ġenerali huma ddedikati lill-alla Xiva tal-Induiżmu, li ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Dawn jinsabu fil-Gżira ta' Elephanta jew Gharapuri (li litteralment tfisser "il-belt tal-għerien"), fil-Port ta' Mumbai, 10 kilometri (6.2 mili) fil-Lvant ta' Mumbai fl-istat Indjan ta' Mahārāshtra. Il-gżira, li tinsab madwar żewġ kilometri (1.2 mil) fil-Punent tal-Port ta' Jawaharlal Nehru, tikkonsisti minn ħames għerien tal-Induiżmu, ftit fdalijiet ta' stupi Buddisti li jmorru lura għas-seklu 2 Q.K., u żewġ għerien Buddisti bil-ġibjuni tal-ilma.
L-Għerien ta' Elephanta fihom skulturi tal-ġebel imnaqqxin fil-blat, l-iktar f'riljiev għoli, li juru s-sinkretiżmu tal-ideat u tal-ikonografija Induista u Buddista. L-għerien tħaffru fil-blat mastizz tal-bażalt. Għajr għal xi ftit eċċezzjonijiet, il-biċċa l-kbira tal-opri tal-arti ġarrbu ħsarat u ġew vandalizzati. L-orjentazzjoni tat-tempju prinċipali kif ukoll il-post relattiv tat-tempji l-oħra nbnew f'mudell ta' mandala. It-tinqix jirrakkontaw il-mitoloġiji tal-Induiżmu, permezz tat-Trimurti Sadaxiva (Xiva bi tliet uċuħ) monolitiku kbir 5.45 metri (17.9-il pied), tan-Nataraġa (id-Divinità taż-Żfin) u tal-Jogixvara (id-Divinità tal-Joga) li huma l-iktar famużi.
Dawn imorru lura għal bejn is-sekli 5 u 9, u l-istudjużi jattribwuhom lil diversi dinastiji Induisti. Normalment jiġu kkollokati l-iktar bejn is-sekli 5 u 7. Bosta studjużi jqisu li kienu tlestew sal-ħabta tal-550 W.K.
Kienu ngħataw l-isem ta' Elefante – li sar Elephanta – mill-Portugiżi kolonjali li sabu statwi ta' iljunfanti fl-għerien. Huma stabbilew bażi fuq il-gżira. L-għar prinċipali (l-Għar 1 jew l-Għar il-Kbir) kien post ta' qima tal-Induiżmu sal-wasla tal-Portugiżi, meta mbagħad il-gżira ma baqgħetx tintuża bħala post ta' qima attiva. L-iżjed tentattivi bikrin li jiġi evitat li tkompli ssir iktar ħsara lill-għerien inbdew mill-uffiċjali Brittaniċi fl-Indja fl-1909. Il-monumenti ġew irrestawrati fis-snin 70 tas-seklu 20 u attwalment jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja (ASI).
Ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]A sketch of the Elephanta Caves in 19th and early 20th century. The broken pillars seen in the right image were restored in the 1970s.Il-Gżira ta' Elephanta jew Gharapuri, tinsab madwar 11-il kilometru (6.8 mili) fil-Lvant tal-Portal tal-Indja fil-Port ta' Mumbai u inqas minn żewġ kilometri (1.2 mil) fil-Punent tal-Port ta' Jawaharlal Nehru. Il-gżira tkopri erja ta' madwar 10 km2 (3.9 mili kwadri) meta l-marea tkun għolja u erja ta' madwar 16 km2 (6.2 mili kwadri) meta l-marea tkun baxxa. Gharapuri huwa villaġġ żgħir fin-naħa tan-Nofsinhar tal-gżira. L-Għerien ta' Elephanta huma kkollegati mal-art kontinentali permezz tas-servizzi tal-laneċ mill-Portal tal-Indja, f'Mumbai li jaħdmu bejn id-disgħa ta' filgħodu u s-sagħtejn ta' waranofsinhar kuljum, għajr nhar ta' Tnejn meta l-għerien ikunu magħluqa. Mumbai għandha ajruport domestiku u internazzjonali ewlieni, u hija kkollegata mas-Servizz Ferrovjarju Indjan.
Il-gżira hija twila 2.4 kilometri (1.5 mil) u għandha żewġ għoljiet b'għoli ta' madwar 150 metru (490 pied). Fondoq fond u dejjaq jissepara ż-żewġ għoljiet mit-Tramuntana għan-Nofsinhar. Fuq il-Punent, l-għolja titla' kemxejn mill-baħar u hija estiża lejn il-Lvant tul il-fondoq u gradwalment titla' lejn il-Lvant estrem sa għoli ta' 173 metru (568 pied). L-għoljiet huma miksija bil-foresti, b'raggruppamenti ta' siġar tal-mango, tat-tamar u tal-karanġ, kif ukoll bi ftit siġar tal-palm 'l hemm u 'l hawn. Ix-xatt ta' quddiem huwa magħmul mir-ramel u mit-tajn u fih arbuxxelli tal-mangrovji fit-tarf. Qrib tliet villaġġi żgħar, magħrufa bħala Set Bunder fil-Majjistral, Mora Bunder fil-Grigal, u Gharapuri jew Raj Bunder fin-Nofsinhar hemm mollijiet għall-iżbark.
B'kollox hemm ħames għerien imħaffrin fil-blat fl-għolja tal-Punent u stupa tal-brikks fl-għolja tal-Lvant. L-għolja tal-Lvant għandha żewġ tumbati Buddisti tat-tajn u hija magħrufa bħala l-Għolja tal-Istupi. Qrib il-ħames għerien tal-għolja tal-Punent, hemm l-Għerien 6 u 7 fuq l-għolja tal-Lvant. L-iżjed għar sinifikanti u li jżuruh nies jinsab fl-għolja tal-Punent u huwa magħruf bħala Għar 1 jew l-Għar il-Kbir, madwar kilometru bil-mixi għat-telgħa. Il-Gżira ta' Elephanta hija żona monumentali protetta skont ir-rekwiżiti tal-UNESCO. Fl-1985 inħareġ avviż mill-Gvern tal-Indja li ddikjara żona ta' lqugħ li tistabbilixxi "żona pprojbita" estiża għal kilometru (0.62 mili) mix-xatt tal-gżira.
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-gżira fiha żewġ gruppi ta' għerien imħaffrin fil-blat mastizz tal-bażalt. L-ikbar grupp ta' għerien, li jikkonsisti minn ħames għerien fl-għolja tal-Punent tal-gżira, huwa magħruf ferm għall-iskulturi Induisti tiegħu. L-għar prinċipali, magħruf bħala l-Għar 1, jinsab madwar kilometru (0.62 mili) 'il fuq mill-ġenb tal-għolja, u jħares lejn il-port ta' Mumbai. L-Għerien 2 sa 5 jinsabu qrib l-Għar 1 iżda iktar lejn ix-Xlokk, irranġati f'ringiela. L-Għerien 6 u 7 jinsabu madwar 200 metru (660 pied) fil-Grigal tal-Għerien 1 u 2, iżda ġeoloġikament jinsabu fit-tarf tal-għolja tal-Lvant.
Iż-żewġ għoljiet huma kkollegati permezz ta' mogħdija bil-mixi. L-għolja tal-Lvant tissejjaħ ukoll l-Għolja tal-Istupi, filwaqt li l-Għolja tal-Punent tissejjaħ l-Għolja tal-Kanuni. Dawn l-ismijiet ifakkru ż-żmien kolonjali storiku, meta kien hemm l-istupa antika u l-kanuni Portugiżi fuqhom rispettivament.
L-għerien kollha huma tempji mnaqqxin fil-blat li flimkien ikopru erja ta' 5,600 m2 (60,000 pied kwadru). L-iżjed għerien elaborati għandhom kompartiment prinċipali, żewġ kompartimenti laterali, btieħi u santwarji sussidjarji, iżda mhux kollha huma daqshekk żviluppati. L-Għar 1 huwa l-ikbar wieħed u huwa fond 39 metru (128 pied) mid-daħla ta' quddiem sa wara nett. Il-kumpless ta' tempji huwa ddedikat primarjament lil Xiva, li jidher f'diversi tinqix li jirrakkontaw il-leġġendi u t-teoloġiji tax-Xiviżmu. Madankollu, l-opri tal-arti juru wkoll temi mix-Xaktiżmu u mill-Vajxnaviżmu tal-Induiżmu.
Għar 1: l-Għar Kbir Prinċipali
[immodifika | immodifika s-sors]L-għar prinċipali, imsejjaħ ukoll l-Għar 1, l-Għar il-Kbir jew l-Għar Grandjuż, għandu pjanta kwadra ta' 39.63 metru (130 pied) b'sala (b'għamla ta' mandapa). Il-pjanta bażika tal-għar tmur lura għall-pjanta tal-viħara Buddisti tal-qedem, li jikkonsistu minn bitħa kwadra mdawra biċ-ċelel, li kienu jinbnew madwar 500 sa 600 sena qabel fl-Indja. L-għar fih diversi daħliet. Id-daħla prinċipali hija tassew żgħira u tostor is-sala l-kbira li hemm fuq ġewwa. Id-daħla prinċipali tħares lejn it-Tramuntana, filwaqt li ż-żewġ daħliet laterali jħarsu lejn il-Lvant u lejn il-Punent. Id-daħla prinċipali tal-għar hija allinjata mal-assi mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, xi ħaġa mhux tas-soltu għal santwarju ddedikat lil Xiva (li normalment ikun mil-Lvant għall-Punent). Madankollu, fuq ġewwa għandu santwarju bil-Linga (garbha-griya) bi pjanta kwadra integrata li huwa allinjat mil-Lvant għall-Punent, b'fetħa lejn iż-żerniq.
Konfigurazzjoni:
1. Ravananugraħa
2. Xiva-Parvati, il-Muntanja ta' Kailash
3. Ardanarixvara
4. Trimurti ta' Sadaxiva
5. Gangadara
6. Żwieġ ta' Xiva
7. Xiva joqtol lil Andaka
8. Nataraġa
9. Jogixvara
16. Linga
Santwarji tas-Sezzjoni tal-Lvant
10. Kartikeja
11. Matrikas
12. Ganexa
13. Dvarapala
Santwarji tas-Sezzjoni tal-Punent
14. Jogixvara
15. Nataraġa
Sabiex jasal sal-għar prinċipali, viżitatur jew pellegrin irid jimxi u jitla' l-120 tarġa wieqfa mill-bajja jew jirkeb il-ferrovija turistika. Fid-daħla prinċipali hemm erba' pilastri, bi tliet portiċi miftuħa u korsija fuq wara. Il-pilastri, sitta f'kull ringiela, jaqsmu s-sala f'sensiela ta' kompartimenti iżgħar. Is-saqaf tas-sala għandu xorok moħbija mirfuda minn kolonni tal-ġebel magħqudin flimkien bil-kapitelli.
It-tempju huwa integrat fi ħdan l-għar, u għandu ħitan interni iżda l-ebda ħajt estern. Il-pilastri joħolqu l-ispazju u ritmu simetriku, filwaqt li jirfdu l-piż tal-għolja fuqhom. Iktar lura, il-mandapa prinċipali tevolvi f'vestibolu bil-pilastri (ardha-mandapa) fuq in-naħa tan-Nofsinhar, filwaqt li portiku bil-pilastri (mukha-mandapa) jikkollegaha mad-daħla prinċipali. Fi ħdan l-Għar il-Kbir hemm diversi santwarji integrati. L-ikbar wieħed huwa s-santwarju bil-Linga li għandu pjanta kwadra (ara n-Nru 16 fil-mappa ta' hawn fuq). Għandu għamla kwadra bl-istil garbha-griya (binja tal-ġuf) b'erba' daħliet, u jinsab fis-sezzjoni tal-lemin tas-sala prinċipali. Mill-erba' daħliet hemm turġien li jagħtu għas-sanctum, fejn hemm linga bl-istil mulavigraha. Kull daħla hija mgħassa minn dvarapala fuq kull naħa, b'total ta' tmien dvarapala kbar mill-art sas-saqaf. Dawn ġarrbu ħsarat konsiderevoli meta l-Portugiżi ċedew il-kontroll ta' dan ir-reġjun lill-Brittaniċi. Is-santwarju bil-linga huwa mdawwar minn mandapa u minn mogħdija għaċ-ċirkumambulazzjoni (pradakshina-patha) bħal f'tempji Induisti oħra. Il-pilastri huma allinjati b'mod simili mil-Lvant għall-Punent f'dan is-santwarju u hemm daħla fil-Lvant. Fil-qrib, kważi qisu b'fużjoni fuq l-arkitettura ta' dan it-tempju, hemm tempju miftuħ ieħor allinjat mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, li fih tliet Sadaxiva bħala ċentru fokali tiegħu. Wieħed minnhom fih is-simbolu astratt ta' Xiva mhux manifestat, filwaqt li l-oħrajn fihom is-simbolu antropomorfiku ikoniku u manifestat ta' Xiva. Il-pilastri tal-mandapa taż-żewġ tempji huma allinjati ma' xulxin.
Mal-ġenb tad-daħla tat-Tramuntana tal-għar hemm żewġ panewijiet ta' Xiva li jmorru lura għall-perjodu Gupta, u t-tnejn li huma ġarrbu xi ħsarat. Il-panew tax-xellug fih lil Jogixvara (Xiva bħala d-Divinità tal-Joga) filwaqt li l-panew tal-lemin fih lil Nataraġa (Xiva bħala d-Divinità taż-Żfin). Maġenb Sadaxiva hemm żewġ freġji kbar, wieħed ta' Ardanarixvara u l-ieħor ta' Gangadara. Il-ħitan tal-mandapa juru leġġendi oħra tax-Xiviżmu. Il-freġji kollha, skont Stella Kramrisch, juru l-kunċett ta' vyaktavyakta ta' Samkhya, fejn l-istat tal-eżistenza spiritwali donnu jkun fi tranżizzjoni bejn dak li ma jkunx manifestat u dak li jkun manifestat. L-iskulturi donnhom jaqbżu 'l barra mill-ħitan tal-għar lejn l-ispettatur qishom iridu jwasslu l-messaġġ tal-ġrajja. Anke is-Sadaxiva manifestat jidher qisu ħiereġ mill-blat.
Kull ħajt għandu panewijiet b'tinqix kbir ta' leġġendi marbuta ma' Xiva, kull wieħed għoli iktar minn ħames metri (16-il pied). Ir-riljiev ċentrali ta' Xiva, Trimurti, jinsab mal-ħajt tan-Nofsinhar faċċata tad-daħla prinċipali. Imsejjaħ ukoll Sadaxiva, għandu l-għamla ikonika ta' pancamukha linga f'mudell ta' mandala b'għamla ta' linga astratta ta' Xiva. Is-Sadaxiva hija tinqixa kolossali, għolja ftit iktar minn 6.27 metri (20.6 pied), fejn jidhru Tatpuruxa (Maħadeva), Agora (Bajrava), Vamadeva (Uma) u Sadjoġata (Nandin). It-tinqixa mhix tas-soltu minħabba t-testi antiki standard tal-Induiżmu għad-disinn tal-murti normalment jgħidu li t-Tatpurxa għandu jkun iħares lejn il-Lvant, iżda f'Elephanta jħares lejn it-Tramuntana (lejn id-daħla prinċipali).
Fit-truf tal-Lvant u tal-Punent tal-għerien hemm santwarji iżgħar. Is-santwarju tal-Lvant iservi bħala daħla ċerimonjali u fih ikonografija tat-tradizzjoni tax-Xaktiżmu.
Sadaxiva: Trimurti
[immodifika | immodifika s-sors]It-Trimurti jitqies bħala kapulavur u huwa l-iżjed skultura importanti fl-għerien. Huwa mnaqqax f'riljiev mal-ħajt tan-Nofsinhar tal-għar u jħares lejn id-daħla tat-Tramuntana, tul assi mit-Tramuntana għan-Nofsinhar. Huwa magħruf ukoll bħala Sadaxiva u Maħexmurti. L-iskultura, għolja 5.45 metri (17.9-il pied), turi Xiva bi tliet irjus, bħala rappreżentazzjoni ta' Panċamuka Xiva.
It-tliet irjus jirrappreżentaw tliet aspetti essenzjali ta' Xiva: il-ħolqien, il-protezzjoni u l-qerda. Skont verżjoni oħra, it-tliet irjus jissimbolizzaw il-kompassjoni u l-għerf. Fin-nofs wiċċ tal-lemin (il-wiċċ tal-Punent) jidher qed iżomm blanzun tal-lotus, bħala rappreżentazzjoni tal-wegħda tal-ħajja u l-kreattività. Dan il-wiċċ jissimbolizza lil Braħma, il-ħallieq jew Uma jew Vamadeva, in-naħa femminili ta' Xiva. In-nofs wiċċ tax-xellug (il-wiċċ tal-Lvant) huwa ta' żagħżugħ bil-mustaċċi. Dan jirrappreżenta lil Xiva bħala l-Agora jew il-Bajrava kiefer, il-ħallieq tal-kaos u l-qerried. Dan huwa magħruf ukoll bħala Rudra-Xiva, il-Qerried. Il-wiċċ ċentrali, b'ħarsa twajba u timmedita ta' Tatpuruxa, tixbah lil Vixnu l-preservatur. Dan jirrappreżenta lil Xiva bħala "dak li jħaddan il-prinċipji pożittivi u negattivi tal-eżistenza u l-preservatur tal-armonija". Xiva bi tliet irjus jirrappreżenta l-aspetti ta' ħallieq, ta' preservatur u ta' qerried tax-Xiviżmu. Bl-istess mod jissimbolizzaw lil Xiva, lil Vixnu, u lil Braħma, bħala ekwivalenti tat-tliet aspetti tax-Xiviżmu.
Gangadara
[immodifika | immodifika s-sors]Maġenb it-Trimurti Xiva, fuq ix-xellug hemm Ardanarisvara (nofs Xiva, nofs Parvati) u l-leġġenda ta' Gangadara fuq il-lemin. Ix-xbieha ta' Gangadara fuq il-lemin tat-Trimurti turi lil Xiva u lil Parvati bilwieqfa. Xiva jwassal ix-xmara Ganges mis-smewwiet għall-benefiċċju tal-bniedem, u s-setgħa immensa tagħha tinżamm bla sforz ta' xejn f'xagħar Xiva. L-artisti naqqxu divinità femminili żgħira bi tliet iġsma fl-għoli, b'simboliżmu għall-Ganges, għall-Yamuna u għas-Saraswati. Id-divinità omm, Parvati, tinsab qrib Xiva, u tidher titbissem. It-tinqixa hija wiesgħa erba' metri (13-il pied) u għolja 5.207 metri (17.08-il pied).
Ix-xbieha ta' Gangadara ġarrbet ħsarat estensivi, b'mod partikolari fil-parti ta' isfel ta' Xiva bilqiegħda ma' Parvati, li suppost għandha erba' driegħ iżda tnejn minnhom huma miksurin. Mill-kuruna, jidher kalċi b'figura femminili bi tliet irjus (anke din bi driegħ miksurin) li tirrappreżenta t-tliet xmajjar ewlenin fit-test Induisti. Interpretazzjoni oħra ta' din id-divinità fil-panew ta' Gangadaramurti f'Elephanta u inġenerali hi li tirrappreżenta s-setgħat riġenerattivi tax-xmajjar fil-forom ta' Mandakini, Suradani u Bagavati. F'din ix-xena fl-għar, Xiva ġie skolpit miżgħud bit-tiżjin, filwaqt li d-divinitajiet l-oħra jinġabru flimkien biex jaraw is-sors kożmiku tal-abbundanza fuq din l-art. Id-divinitajiet maskili u femminili huma identifikabbli mill-vahana u mill-ikoni, u jinkludu lil Braħma (xellug), Indra (xellug), Vixnu (lemin), Saraswati, Indrani, Lakxmi, u oħrajn.
Imgeżwer f'wieħed mid-driegħ ta' Xiva hemm is-serp ikoniku b'rasu li titfaċċa qrib l-ispalla x-xellugija ta' Xiva. Id oħra (parzjalment miksura) donnha turi li Xiva qisu qed jgħannaq lil Parvati. Fil-parti ta' isfel ta' qaddu jidher liebes ilbies imżejjen (għalkemm l-iskultura ġarrbet ħsarat hawn ukoll). Parvati hija mnaqqxa lejn ix-xellug ta' Xiva b'xedd ir-ras ornamentali, miżgħuda tiżjin u ġojjellerija. Bejniethom hemm gana (nanu) bilwieqfa li jidher donnu mħasseb jekk Xiva huwiex se jirnexxielu jiflaħ għas-setgħa qawwija tad-divinità femminili tax-xmara. Fil-parti ta' isfel tax-xellug tal-panew hemm figura devota għarkopptejha bil-poża ta' namaste li tirrappreżenta lir-re mitiku u erojku Bagirata, li ħadem qatigħ biex ix-xmara tal-prosperità tasal fir-renju terrestri tiegħu, għalkemm ma kienx konxju tal-qawwiet potenzjalment qerrieda li jiġu magħha.
Ardanarixvara
[immodifika | immodifika s-sors]Mal-ħajt lejn in-naħa tal-Lvant tat-Trimurti hemm tinqixa ta' Ardanarixvara b'erba' driegħ li ġarrbet ħsara wkoll. Din ix-xbieha għolja 5.11 metri (16.8-il pied) u tirrappreżenta l-kunċett Induista antik tal-interdipendenza essenzjali tal-aspetti femminili u maskili fl-univers, għall-ħolqien, għas-sussistenza u għall-qerda. Dan huwa rrappreżentat bħala nofs mara, jiġifieri nofs Parvati fuq in-naħa tal-lemin, b'sider, qadd u xagħar femminili, kif ukoll b'oġġetti bħal mera fl-id ta' fuq nett; u nofs raġel, jiġifieri nofs Xiva b'fattizzi maskili u bl-oġġetti ikonografiċi tiegħu. Fix-Xiviżmu, dan il-kunċett huwa simbolu tat-traxxendenza ta' kull duwaliżmu possibbli, inkluż il-ġeneru, bl-aspett spiritwali li ma jkollu l-ebda distinzjoni, fejn l-enerġija u s-setgħa (Xakti, Parvati) huma ħaġa waħda u inseparabbli mir-ruħ u mill-kuxjenza (Braħman, Xiva).
F'dan il-panew, ir-riljiev juri xedd ir-ras doppju ornamentali fuq ir-ras femminili (Parvati) u xagħar innokklat u qamar felli fuq il-lemin (Xiva). Il-figura femminili għandha l-aċċessorji kollha (ċappetti wesgħin, brazzuletti twal, imsielet b'għamla ta' ċrieki kbar, ċrieket bil-ġojjelli) iżda l-figura maskili fuq il-lemin għandu xagħru mniżżel, ċappetti u brazzuletti mal-polz. Waħda minn idejh tinsab isserraħ fuq il-qarn tax-xellug tal-barri Nandi ta' Xiva, li jinsab ippreservat sew. Il-par idejn fuq wara jidhru mnaqqxin bil-ġojjelli wkoll; l-id tal-lemin tal-figura maskili tidher qed iżżomm serp, filwaqt li l-id tax-xellug tal-figura femminili qed iżżomm mera. L-id tax-xellug fuq quddiem miksura, filwaqt li parti kbira mill-parti ta' isfel tal-panew ġarrbet xi ħsarat maż-żmien. Madwar l-Ardanarixvara hemm tliet saffi ta' karattri simboliċi. L-iżjed wieħed fil-baxx jew fl-istess livell bħal min ikun qed jarah fih figuri umani orjentati b'reverenza lejn ix-xbieha androġena. Fuqhom hemm id-divinitajiet maskili u femminili bħal Braħma, Vixnu, Indra u oħrajn li jinsabu bilqiegħda fuq il-vahana tagħhom. Fuqhom imbagħad hemm diversi apsara jtiru u donnhom qed joqorbu lejn id-divinità fuża bil-girlandi, bil-mużika u b'offerti ta' ċelebrazzjoni.
Xiva joqtol lil Andħaka
[immodifika | immodifika s-sors]Il-panew fin-naħa tal-Majjistral tal-għar, mal-ħajt ta' ħdejn id-daħla tal-Punent u s-santwarju bil-Linga (ara n-nru 7 fil-mappa), huwa skultura mhux tas-soltu dwar il-leġġenda ta' Andakasura-vada. Fih jidhru Bajrava, jew Virabadra, għamla feroċi ta' Xiva, joqtol lid-dimonju Andaka (litteralment, "għama, dlam"). Ir-riljiev tħassar għalkollox taħt qadd il-figura u huwa għoli 3.5 metri (11-il pied) b'poża attiva. Għalkemm huwa riljiev, huwa minqux b'tali mod li għandu dehra tridimensjonali, bħallikieku l-figura feroċi ta' Xiva qed toħroġ mill-blat biex tinfilza lil Andaka bi trident.
Bhairava's headgear has a ruff on the back, a skull, and a cobra over the forehead, and the crescent high on the right. His facial expression is of anger, the conviction of something he must do, and one in the middle of the action. The legs and five of the eight arms are broken, attributed to Portuguese vandalism. The smaller broken image Andhaka is seen below Bhairava's image. Also depicted in his right hand is the symbolic weapon that Shaiva mythology states Xiva used to kill the destructive elephant demon. A hand holds a bowl to collect the blood dripping from the slain Andhaka, which Shaiva legend states was necessary because the dripping blood had the power to become new demons if they got nourished by the ground. Furthermore, the artwork shows ruined parts of a male and two female forms, figures of two ascetics, a small figure in front, a female figure, and two dwarfs. The uppermost part shows flying apsaras bringing garlands.
Żwieġ ta' Xiva
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-xbieha f'niċċa mnaqqxa mal-ħajt tal-Lbiċ, qrib is-santwarju bil-Linga (ara n-nru 6 fuq il-mappa ta' hawn fuq) turi ż-żwieġ ta' Xiva u ta' Parvati. Din il-leġġenda tissejjaħ il-Kaljanasundara fit-testi Induisti. Parvati tidher bilwieqfa fuq il-lemin ta' Xiva, il-post tas-soltu li toqgħod fih għarusa Induista fiż-żwieġ. It-tinqix ġarrab ħsarat sostanzjali, iżda l-fdalijiet irvinati tal-iskultura kienu sinifikanti għall-istudjużi tal-letteratura Induista. F'bosta verżjonijiet eżistenti tal-Puranas, iż-żwieġ iseħħ fil-palazz tar-Re Parvata. Madankollu, f'dan il-panew tal-Għerien ta' Elephanta, ir-Re Parvata jidher bilwieqfa wara Parvati u jagħti l-għarusa lil Xiva għaż-żwieġ, filwaqt li Braħma huwa l-patri fir-riljiev tal-grotta. Id-divinitajiet maskili u femminili, kif ukoll l-apsara ċelestjali huma x-xhud taż-żwieġ, u jidhru bilwieqfa wara Braħma li jinsab bilqiegħda fuq in-naħa tal-lemin tal-panew. Ftit 'il fuq mill-figuri ewlenin hemm rishi (għorrief) u xi karattri oħrajn qrib is-saqaf ibierku ż-żwieġ.
L-għarus Xiva jidher żagħżugħ kalm, filwaqt li Parvati tidher emozzjonali u mistħija. Rasha mdawra lejh u għajnejha jitbissmu u jħarsu kemxejn 'l isfel, filwaqt li idu (issa miksura) qed iżżomm idha. Jidhru libsin skont id-drawwiet Induisti. Xiva liebes l-ilbies sagru ma' sidru, filwaqt li Parvati liebsa l-ġojjellerija tradizzjonali. Il-karattri l-oħra jidhru qed iġorru xi oġġetti jew affarijiet li tipikament jingħataw għal żwieġ Induista. Ċandra (id-divinità tal-qamar), pereżempju, tidher qed iżżomm reċipjent tal-ilma (kalash) imżejjen b'mod tradizzjonali. Braħma, il-patri, jidher baxxut mal-art lejn il-lemin u qed jieħu ħsieb in-nar (yajna tal-agni mandapa).
Jogixvara: id-Divinità tal-Joga
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-panew fin-naħa tal-Lvant tal-portiku qrib id-daħla tat-Tramuntana (ara n-nru 9 fil-mappa ta' hawn fuq) jidher Xiva fil-poża tal-joga. Din l-għamla ta' Xiva hija magħrufa bħala Jogixvara, Maħajogi jew Lakulisa.
Xiva, skont Stella Kramrisch, huwa il-"jogi primordjali" f'dan il-panew. Huwa l-mastru tad-dixxiplina u l-għalliem tal-arti tal-joga, li juri kif il-joga u l-meditazzjoni jwasslu għat-twettiq tar-realtà aħħarija.
Ir-riljiev jinsab f'kundizzjoni dilapidata u l-biċċa l-kbira tad-driegħ u tar-riġlejn huma miksurin. Xiva jidher bilqiegħda fil-poża ta' padmasana mitluf fil-meditazzjoni tiegħu. Il-poża tiegħu hija ffurmata sew u tissuġġerixxi li l-artist tas-seklu 6 kien midħla ta' din l-asana. Xiva jidher bilqiegħda fuq lotus b'zokk li qisu ħiereġ mill-art, b'riġlejh f'xulxin b'mod simetriku. Żewġ nagas jidhru maġenb il-lotus u jesprimu r-reverenza tagħhom b'poża tan-namaste. Il-jogi l-kbir joqorbu lejh diversi divinitajiet maskili u femminili Vediċi u Puraniċi, kif ukoll patrijiet u sadu, għalkemm hemm raġġiera madwaru li trażżanhom, donnhom qed jammirawh iżda fl-istess ħin ma jridux itellfuh mill-meditazzjoni tiegħu.
B'diversi modi, l-opra tal-arti tal-jogi ta' dan l-għar Induista hija simili għal oħrajn li jinsabu fl-għerien Buddisti, għalkemm hemm xi differenzi. Jogi Xiva jew Lakulisa, jidher liebes kuruna hawnhekk, u sidru jidher mifuħ 'il quddiem donnu qed jipprattika l-eżerċizzji tat-teħid tan-nifs skont it-testi Induisti dwar il-joga, filwaqt li wiċċu u ġismu jesprimu enerġija differenti. Jogi Xiva jidher bħall-"mulej tal-għerien" jew Guhesvara fil-poeżija Indjana Medjevali, skont Kramrisch. Skont Charles Collins, ix-xbieha ta' Jogi Xiva fl-Għar 1 ta' Elephanta għandu armonija simili għax-xbihat li nstabu fil-Puranas li jmorru lura għall-bidu sa nofs l-ewwel millenju W.K.
Nataraġa: id-Divinità taż-Żfin
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-panew faċċata tal-Jogixvara, fuq in-naħa tal-Punent tal-portiku qrib id-daħla tat-Tramuntana (ara n-nru 8 fuq il-mappa ta' hawn fuq) Xiva jidher bħala n-Nataraġa, "żeffien kożmiku" u l-"mulej taż-żeffiena". L-iskultura tissejjaħ ukoll Nrittamurti.
Ir-riljiev ġarrab ħsarat kbar u huwa wiesa' 4 metri (13-il pied), huwa għoli 3.4 metri (11-il pied) u jinsab fil-baxx mal-ħajt. Il-ġisem u d-driegħ ta' Xiva jidhru fil-mudra ta' lalita, bħala simbolu li jokkupa l-ispazju kollu, u jqanqal l-enerġija u n-nuqqas totali ta' piż. Wiċċu qisu tat-Tatpuruxa, jew l-għamla manifestata ta' Xiva li jippreserva u jsostni l-ħolqien kollu. Ix-xbieha turi lin-Nataraġa bi tmien driegħ. Il-partijiet tal-panew li għadhom jeżistu jissuġġerixxu li kien qed iżomm mannara, b'serp imgeżwer fuq nett. F'id oħra jidher qed iżomm biċċa drapp mitwija, x'aktarx velu simboliku ta' maya.
F'dan il-panew jidhru inqas divinitajiet maskili u femminili u osservaturi milli hemm f'panewijiet oħra fl-istess għar. Braħma, Vixnu, Lakxmi, Saraswati u Parvati huma viżibbli u għandhom espressjoni f'wiċċhom qishom mistagħġbin. Barra minn hekk, hemm ukoll uliedu subien, Ganexa u Kartikeja, iżommu s-satar ta' Xiva, kif ukoll axxetiku u rishi (għaref), biex b'hekk il-ħajja tal-familja tidher minsuġa mal-ħajja monastika axxetika, u l-aspetti lajċi marbuta ma' dawk spiritwali permezz ta' simboliżmu metaforiku taż-żfin fl-istess panew. L-aspetti ta' żeffien ta' qerried ta' Xiva huma raggruppati fil-parti tal-Majjistral tal-għar, f'kuntrast mal-aspetti tal-joga u ta' ħallieq li jinsabu fil-partijiet tal-Grigal. Dan in-Nataraġa tas-seklu 6 għandu elementi arkitettoniċi simili għal dawk li jinsabu f'tempji fil-Punent tan-Nofsinhar tal-Asja bħal f'Gujarat, u fil-parti ta' fuq tar-reġjun ta' Dekka.
Il-Muntanji ta' Kailash u ta' Ravananugraha
[immodifika | immodifika s-sors]It-tinqix fid-daħla tal-Lvant jinsabu f'kundizzjoni ħażina u ma tantx huma ċari. Tinqixa fir-rokna tax-Xlokk tal-mandapa (ara n-nru 2 fuq il-mappa ta' hawn fuq) turi lil Xiva u lil Parvati fil-Muntanja ta' Kailash fil-Himalayas, u tirrakkonta l-ġrajja ta' Umamaħexvara. Ix-xena tinkludi art imħarbta tal-blat u sħab orizzontali. Fuq dan il-blat jidhru Xiva b'erba' driegħ u Parvati maġenbu. Nandi jidher bilwieqda taħtha, filwaqt li hemm apsara ċelestjali fuq is-sħab ta' fuqhom. Għad fadal traċċi ta' kuruna u ta' raġġiera wara Xiva, iżda ġarrbu ħsarat estensivi. Ix-xena hija miżgħuda b'figuri sekondarji, x'aktarx għaliex kien maħsub li d-daħla tal-Lvant kellu jkollha enfasi devozzjonali.
Il-panew faċċata tal-panew tal-Muntanja ta' Kailash lejn ir-rokna tal-Grigal (ara n-nru 1 fuq il-mappa ta' hawn fuq) juri lir-re dimonju Ravana qed jipprova jerfa' lil Kailash u jdejjaq lil Xiva, li hija leġġenda msejħa Ravananugraħa. Fix-xena ta' fuq tidher il-Muntanja ta' Kailash, fejn Xiva u Parvati jidhru bilqiegħda. Xiva jintgħaraf mill-kuruna, filwaqt li karattri oħra ġarrbu ħsara kbira. Għad hemm parti mir-riljiev tad-devot axxetiku Bringi u jidher bilqiegħda ħdejn saqajn Xiva. Maġenb Xiva jidher il-kontorn x'aktarx ta' Ganexa u ta' Kartikeja. Taħt il-muntanja jidher ir-re dimonju Ravana bi ftit driegħ, li qed jipprova jheżżeż lil Xiva u lil Parvati fil-Muntanja ta' Kailash mingħajr ma jirnexxilu. Il-kumplament tad-dettalji mhumiex ċari u huma spekulattivi. Skont Charles Collins, l-elementi li għadhom jintgħarfu f'dan il-panew ġeneralment huma konsistenti ma' dawk tal-Puranas Medjevali, għalkemm hemm nuqqas ta' korrispondenza litterali ma' xi test uniku.
Santwarju tal-Linga
[immodifika | immodifika s-sors]Is-santwarju ċentrali tat-tempju tal-Għar il-Kbir huwa ċella kwadra tal-ġebel b'daħliet fuq kull naħa tiegħu. Maġenb kull daħla hemm żewġ dvarapala (gwardjani tad-daħla), jiġifieri b'kollox hemm tmienja mas-santwarju kollu. L-għoli tat-tmien dvarapala huwa ta' madwar 4.6 metri (15-il pied). Kollha ġarrbu xi ħsarat għajr dawk fid-daħla tan-Nofsinhar tas-santwarju. Il-gwardjani ta' Xiva jidhru armati maġenb id-daħliet.
Sitt tarġiet jagħtu fuq ġewwa taċ-ċella mill-pjan terran. Fiċ-ċentru hemm il-mulavigraha Linga, li hija stabbilita fuq pjattaforma olzata mill-art tas-santwarju b'1.8 metru (5 piedi u 11-il pulzier). Din hija simbolu astratt mhux manifestat ta' Xiva f'unjoni mal-Joni, flimkien mas-simbolu ta' Parvati bħala simbolu tas-sors tal-ħolqien u n-natura riġenerattiva tal-eżistenza. It-tempju u l-pilastri kollha huma orjentati b'tali mod li l-pellegrini awtomatikament iħarsu lejn il-Linga. Iċ-ċella hija viżibbli minn kwalunkwe punt fl-għar.
Sezzjoni tal-Lvant: Xaktiżmu
[immodifika | immodifika s-sors]Fuq in-naħa tal-Lvant tas-sala prinċipali hemm santwarju separat. Fih hemm spazju miftuħ wiesa' 17-il metru (56 pied) b'pedestall tond. Fl-imgħoddi kien hemm Nandi bilqiegħda faċċata tas-santwarju bil-Linga, iżda l-fdalijiet li baqa' ma ġewx restawrati. Fuq in-naħa tan-Nofsinhar ta' dan l-ispazju miftuħ hemm santwarju tax-Xaktiżmu, b'żewġ iljuni bilqiegħda b'sieq olzata bħala għassiesa. Fuq ġewwa, fuq in-naħa tal-Punent ta' dan is-santwarju żgħir (ara n-nri 10-12 fil-mappa ta' hawn fuq) jidhru s-Sapta Matrikas, jew is-"seba' ommijiet" flimkien ma' Parvati, Kartikeja (Skanda) u Ganexa. Is-sanctum tas-santwarju ż-żgħir fih linga u mogħdija madwarha għaċ-ċirkumnavigazzjoni. Maġenb id-daħla tas-sanctum hemm id-dvarapala.
Il-panew tax-Xaktiviżmu fis-santwarju tal-Lvant mhuwiex tas-soltu għaliex flimkien ma' Parvati, fih tmien ommijiet (Asta matrikas) f'era fejn kienu iktar komuni s-Sapta matrikas bħal fl-għerien ta' Samalaji u ta' Jogeshwari. Barra minn hekk, maġenb l-ommijiet hemm Ganexa fuq naħa u Skanda (Kartikeja) fuq l-oħra, mentri l-opri tal-arti tipiċi minn nofs l-ewwel millenju kienu juru l-ommijiet tax-Xaktiżmu b'Ganexa u b'Xiva maġenbhom. Skont Sara L. Schastok, ir-riljiev ta' Skanda fis-santwarju tal-Lvant tal-Għar 1 ta' Elephanta huwa sinifikanti, bl-istess mod bħal dak li nstab fis-sit tat-tempju Induista ta' Deogarh, peress li jidher b'tiżjin, b'armi u b'ikoni simili għal dawk ta' Xiva u peress li huwa mdawwar bid-divinitajiet maskili u femminili. Permezz tar-rappreżentazzjoni ta' Skanda mal-Matrikas, huwa jitqabbel mal-leġġenda ta' Krittikas u għaldaqstant ma' Kartikeja, u billi jidher daqshekk iċċentrat, l-artisti x'aktarx riedu jikkomunikaw l-għaqda ta' Skanda-Xiva, u li dawk id-divinitajiet kollha fil-qofol jirrappreżentaw l-istess kunċett spiritwali: "kollha kemm huma bħala emanazzjonijiet tal-lingam fil-qalba ta' Elephanta", skont Schastok.
Sezzjoni tal-Punent: Tradizzjonijiet oħra
[immodifika | immodifika s-sors]Fuq in-naħa tal-Punent tas-sala prinċipali hemm santwarju ieħor, għalkemm jinsab f'kundizzjoni ta' fdalijiet. L-għar il-kbir fuq in-naħa tan-Nofsinhar tas-santwarju tal-Punent fih fdalijiet iżda huwa magħluq. Bħala daqs huwa ikbar mis-santwarju fuq in-naħa tal-Lvant. Uħud mill-opri tal-arti minn hawnhekk tressqu fil-mużewijiet u spiċċaw għand kollezzjonijiet privati sa nofs is-seklu 19, inkluż dawk marbuta ma' Braħma, Vixnu u oħrajn. Fuq in-naħa tal-Punent hemm żewġ panewijiet, wieħed juri verżjoni oħra ta' Jogi Xiva (ara n-nru 14 fil-mappa ta' hawn fuq) u ieħor juri n-Nataraġa (ara n-nru 15 fil-mappa ta' hawn fuq). Bejniethom hemm sanctum b'Xiva Linga.
Dan il-panew ta' Jogi Xiva huwa rvinat, iżda għad-differenza tax-xbieha l-oħra ta' Jogi Xiva, hawnhekk il-pożizzjoni ta' riġlejh fil-poża ta' Yoga asana ġiet ippreservata. Il-Jogixvara jinsab bilqiegħda fuq lotus, u maġenbu hemm żewġ karattri rvinati sew, x'aktarx ta' Parvati u ta' axxetiku. Fuqu hemm il-fdalijiet irvinati ta' divinitajiet ċelestjali maskili u femminili jew apsara. Il-Jogi Xiva jidher liebes kuruna, u għal darb'oħra hemm spazju ta' iżolament madwar il-jogi li qed jimmedita fejn ma jidħol l-ebda karattru ieħor. Taħtu, taħt il-lotus, hemm Nagas u diversi figuri rvinati sew. Tnejn minnhom jidhru fil-poża ta' reverenza ta' namaste. In-Nataraġa li hemm fis-santwarju tal-Punent għandu stil simili għal dak fil-mandapa prinċipali. Madankollu, skont Collins, id-dettall tat-tinqix tiegħu jidher inferjuri u huwa iktar mikul mill-elementi peress li huwa affettwat iktar mix-xita u mill-ilma.
Għerien 2-5: l-Għolja tal-Kanuni
[immodifika | immodifika s-sors]Lejn ix-Xlokk tal-Għar il-Kbir hemm l-Għar 2. Dan l-għar ma kienx tlesta. In-naħa ta' quddiem ta' dan l-għar inqered għalkollox u ġie rrestawrat fis-snin 70 tas-seklu 20 b'erba' pilastri kwadri. Fih żewġ ċelel fuq in-naħa ta' wara tiegħu.
L-Għar 3 jinsab qrib l-Għar 2, iktar ma wieħed jitbiegħed mis-santwarju prinċipali. Huwa portiku b'sitt pilastri, u b'mandapa bil-pilastri. Il-portiku huwa twil 26 metru (85 pied) u fond 11-il metru (36 pied) u huwa mirfud minn erba' pilastri rikostruwiti. Fuq in-naħa ta' wara tal-portiku hemm tliet kompartimenti. Id-daħla ċentrali fuq in-naħa ta' wara tal-portiku tagħti għal santwarju rvinat, is-sanctum jidher li kien maħsub għal Linga, iżda dan intilef. Is-santwarju huwa kamra sempliċi fonda 6 metri (20 pied) u wiesgħa 5.7 metri (19-il pied) b'artal baxx. Id-daħla tas-santwarju fiha xi traċċi ta' skulturi. Id-dvarapala fuq kull naħa tad-daħla, iserrħu fuq nani b'figuri jtiru fuq rashom, fadal biss frammenti tagħhom. Hemm żewġ kompartimenti oħra wkoll, waħda fuq kull naħa tas-santwarju.
L-Għar 4 ġarrab ħsarat sostanzjali, u l-ispazju miftuħ kbir tiegħu ma fadallu l-ebda kolonna wieqfa. Il-fdalijiet tar-riljiev jissuġġerixxu li l-għar fl-imgħoddi kien tempju tax-Xiviżmu wkoll. Fuq in-naħa ta' wara tas-santwarju hemm lingam. Hemm ukoll tliet ċelel għall-patrijiet u kappella fuq kull naħa tal-ispazju miftuħ.
L-Għar 5 ma tlestiex lanqas u jinsab f'kundizzjoni ħażina ħafna u ma fadallux fdalijiet artistiċi.
Għolja tal-istupi: l-għerien 6-7, l-istupi 1-2
[immodifika | immodifika s-sors]Fuq in-naħa l-oħra tal-fondoq mill-Għar 1 fuq l-għolja hemm żewġ għerien Buddisti, flimkien mal-fdalijiet ta' stupa u ta' ġibjuni. Milli jidher il-Buddisti kienu l-ewwel okkupanti tal-gżira.
Wieħed huwa sala kbira magħrufa bħala l-Għar 6, jew l-għar-tempju ta' Sitabai (18.963835°N 72.934125°E). Il-portiku fih erba' kolonni u żewġ pilastri. Is-sala fiha tliet kompartimenti fuq wara; dak ċentrali huwa santwarju u l-kumplament kienu għall-patrijiet. Is-sala ma fihiex tiżjin, għajr għad-daħla tas-santwarju ċentrali, li fiha pilastri u freġju, imżejna bl-iljuni. Is-sanctum ma fihx xbihat. L-Għar 6 huwa sinifikanti storikament minħabba li ġie kkonvertit u ntuża bħala knisja Kristjana mill-Portugiżi meta l-gżira kienet parti mill-kolonja tagħhom (għall-ħabta tal-1534-1682).
Tul wiċċ l-għolja tal-Lvant lejn it-Tramuntana tal-għart ta' Sitabai hemm l-Għar 7 (18.965100°N 72.934766°E), spazju żgħir ieħor b'veranda, li x'aktarx kellu tliet ċelel, iżda ġie abbandunat wara l-iskoperta ta' difett fil-blat.
Iktar 'il quddiem, lejn il-Lvant, hemm għadira niexfa, b'ħaġar artifiċjali kbir u diversi ġibjuni Buddisti tul ix-xtut tagħha. Qrib il-ġibjuni, lejn l-aħħar tat-tarf tat-Tramuntana tal-għolja, hemm tumbata li ġiet identifikata bħala l-fdalijiet ta' stupa Buddista (18.966026°N 72.936753°E). Din l-istupa, skont Michell u Dhavalikar, oriġinarjament kienet ferm itwal u tmur lura għall-ħabta tas-seklu 2 Q.K.
Monumenti mitlufa
[immodifika | immodifika s-sors]Bosta opri tal-arti mill-Għerien ta' Elephanta issa jinsabu esposti fil-mużewijiet ewlenin madwar l-Indja. Dawn jinkludu statwa kważi meqruda għalkollox ta' Durga bid-dimonju b'għamla ta' buflu u riġlejn u parti minn qadd Durga li għadhom sħaħ. Imbagħad hemm parti minn ras ta' Braħma, diversi fdalijiet ta' Vixnu minn statwi differenti, firxa ta' panewijiet u tinqix fil-ġebel. Skont Schastok, uħud minnhom "żgur li mhumiex parti mill-Għar il-Kbir", iżda mhuwiex ċar minn fejn ġew imċaqilqa u meta, jew meta tressqu biex jinbeda l-proċess tar-restawr.
L-istatwi sinifikanti ta' Vixnu diffiċli li jiġu spjegati u li jiġu ppożizzjonati fl-għerien li għadhom jeżistu. Teorija partikolari ssostni li wħud mill-għerien x'aktarx kienu jirrappreżentaw it-tradizzjoni tal-Vixnuviżmu. Teorija oħra ta' xi studjużi bħal Moti Chandra jissuġġerixxu li l-gżira fl-imgħoddi kellha tempji Induisti strutturali fil-beraħ apparti l-għerien, iżda dawn kienu l-ewwel vittmi tal-qerda tal-arti.
L-iskulturi ta' Vixnu li nstabu fost il-fdalijiet ta' Elephanta jesprimu stili differenti. Wieħed liebes dhoti u panċiera, u jżomm bronja b'mod angolat qrib qaddu. Il-fdalijiet ta' ġenbu jissuġġerixxu li x'aktarx kellu erba' driegħ. Statwa oħra fiha elementi ta' Xiva u ta' Vixnu. Ġiet identifikata bħala Xiva minn Pramod Chandra, bħala Kartikeja minn Moti Chandra, u bħala Vixnu minn oħrajn. Għandha ħoloq ta' katina qrib il-qadd, gada mal-ġenb, u fdalijiet ta' xi ħadd bilwieqda fil-qrib b'qadd żgħir u b'sider kbir, x'aktarx ta' Devi. Din l-istatwa liebsa dhoti wkoll.
Fuq il-gżira kien hemm ukoll żiemel tal-ġebel skont dokumentazzjoni tas-seklu 18, eżatt bħall-iljunfant tal-ġebel li wassal biex il-Portugiżi kolonjali jsejħulha "Ilha Elefante". Madankollu, dan iż-żiemel tneħħa qabel l-1764 f'post mhux magħruf.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]L-istorja tal-qedem tal-gżira mhix magħrufa sew kemm fid-dokumentazzjoni Induista kif ukoll f'dik Buddista. L-istudji arkeoloġiċi żvelaw bosta fdalijiet li jissuġġerixxu li l-gżira żgħira kellha passat kulturali rikk, b'evidenza ta' insedjament uman x'aktarx mis-seklu 2 Q.K. Is-sit ta' Elephanta ġie okkupat l-ewwel mill-Buddisti Ħinajana, qabel il-wasla tal-Braħmini fuq il-gżira, li bnew stupa kbira ddedikata lill-Buddha flimkien ma' seba' stupi iżgħar madwarha, x'aktarx għall-ħabta tas-seklu 2 Q.K. Fil-gżira nstabu muniti tal-Kxatrapa (Satrapi tal-Punent) li jmorru lura għas-seklu 4 W.K. L-istorja reġjonali ġiet irreġistrata l-ewwel darba fl-era tal-Imperu Gupta, iżda l-għerien ma jissemmewx b'mod espliċitu. B'hekk l-oriġini u s-seklu li fih inbnew l-Għerien ta' Elephanta nbnew wasslu għal diżgwid storiku. Ġew datati b'diversi modi, l-iktar bejn l-aħħar tas-seklu 5 sal-aħħar tas-seklu 8 W.K., fil-biċċa l-kbira abbażi tad-datazzjoni ta' għerien-tempji oħra fir-reġjun ta' Dekka. Storiċi tal-era kolonjali ssuġġerew li l-għerien nbnew mir-Raxtrakuta fis-seklu 7 jew wara, li kienet ipoteżi bbażata primarjament fuq xi xebħ mal-Għerien ta' Ellora, iżda din it-teorija ġiet skreditata minn sejbiet ulterjuri li nstabu wara.
Skont l-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja u l-UNESCO, is-sit ġie insedjat fi żmien il-qedem u l-għerien-tempji nbnew bejn is-sekli 5 u 6. Ġeneralment l-istudjużi kontemporanji jikkollokaw it-tlestija tat-tempji fit-tieni kwart tas-seklu 6 u bħala kontinwazzjoni tal-perjodu ta' arrikkiment artistiku fl-era tal-Imperu Gupta. Dawn l-istudjużi jattribwixxu dawn l-għerien-tempji lir-Re Krixnaraġa tad-dinastija Kalaċuri. Id-datazzjoni tat-tlestija f'nofs is-seklu 6 u l-fatt li l-monument huwa ddedikat l-iktar lil Xiva li nbena mir-Re Induist Kalaċuri huma bbażati fuq evidenza numismatika, kitbiet imnaqqxa fil-blat, l-istil tal-kostruzzjoni u datazzjoni aħjar ta' għerien-tempji oħra tar-reġjun ta' Dekka, inkluż l-Għerien ta' Ajanta, u d-datazzjoni iktar ċerta ta' Dasakumaracarita f'Dandin.
Skont Charles Collins, l-importanza tal-Għerien ta' Elephanta tintftiehem aħjar bl-istudju tagħhom fil-kuntest tal-letteratura Induista Medjevali bikrija u tal-qedem, kif ukoll fil-kuntest ta' għerien-tempji Buddisti, Induisti u Ġainisti oħra tas-subkontinent. L-opri tal-arti storiċi ta' Elephanta ġew ispirati mill-mitoloġija, mill-kunċetti u mill-ideat spiritwali li jinstabu fit-testi Vediċi dwar Rudra u iktar 'il quddiem dwar Xiva, il-ġrajjiet epiċi, il-Purana u l-letteratura Paxupata tax-Xiviżmu u tal-Induiżmu tas-seklu 5. Il-panewijiet jirriflettu l-ideat u l-ġrajjiet aċċettati b'mod mifrux u magħrufa sew mal-artisti u mal-arkitetti tal-Indja sa madwar il-525 W.K. Il-mitoloġija tvarja b'mod sinifikanti f'dawn it-testi u ġie distort ferm minn interpolazzjonijiet li ġew wara, iżda l-panewijiet tal-Għerien ta' Elephanta jirrappreżentaw l-iżjed verżjoni narrativa sinifikanti fis-seklu 6. Il-panewijiet u l-opri tal-arti jesprimu permezz tal-eklettiċiżmu, tal-fluss u tal-influwenza reliġjuża Vedika u post-Vedika fuq il-kultura Induista ta' nofs il-millenju W.K.
Wara t-tlestija tal-għerien fis-seklu 6, Elephanta saret popolari reġjonalment bħala Garapuri (il-villaġġ tal-għerien). L-isem għadu jintuża bil-lingwa Marati lokali. Saret parti mis-Sultanat ta' Gujarat, li ċedewha lill-merkanti Portugiżi fl-1534. Il-Portugiżi tawha l-isem ta' "Gżira ta' Elephanta" minħabba l-istatwa kbira tal-ġebel ta' iljunfant, fejn kienu jirmiġġaw id-dgħajjes tagħhom u permezz tagħha kienu jiddistingwuha minn gżejjer oħra qrib Mumbai. L-istatwa tal-iljunfant ġarrbet ħsarat minħabba tentattivi li saru biex tiġi rilokata lejn l-Ingilterra, u issa tinsab f'Jijamata Udyaan f'Mumbai.
L-iljunfant tal-ġebel fl-imgħoddi kien fix-xatt tan-Nofsinhar tal-gżira, u l-Brittaniċi ppruvaw iċaqilquha lejn l-Ingilterra fl-1864, inkiser, u l-biċċiet ġew assemblati mill-ġdid f'Jijamata Udyaan.
L-istudjużi ma jaqblux bejniethom dwar min ikkawża l-ikbar ħsarat fl-Għerien ta' Elephanta. Skont Macneil, il-monumenti u l-għerien diġà kienu ġew skonsagrati matul it-tmexxija tas-Sultanat, u bbaża t-teorija tiegħu fuq il-kitba mnaqqxa bil-Persjan fuq daħla li tagħti għall-Għar il-Kbir. Min-naħa l-oħra, oħrajn bħal Ovington u Pyke, isostnu li l-ikbar ħsara ġiet ikkawżata mis-suldati Portugiżi Kristjani u fit-testi tagħhom isostnu li użaw l-għerien u l-istatwi bħala bersall tal-isparar.
Macneil jaqbel li l-Għerien ta' Elephanta ġarrbu l-ikbar ħsarat matul il-perjodu kolonjali, iżda jsostni li dan kien minħabba l-awtoritajiet Portugiżi mhux is-suldati. Il-pubblikazzjonijiet Brittaniċi tal-era kolonjali jiddikjaraw li l-għerien "ġarrbu ħsarat mir-rgħiba tal-Mahommedani u tal-Portugiżi".
Il-Portugiżi ċedew il-gżira lill-Brittaniċi kolonjali fl-1661, iżda sa dak iż-żmien l-għerien diġà kienu ġarrbu ħsarat konsiderevoli. Il-Portugiżi kienu neħħew ukoll u mbagħad tilfu ġebla b'kitba mnaqqxa mill-għerien. Matul it-tmexxija Brittanika, bosta Ewropej żaru l-għerien matul iż-żjara tagħhom f'Bombay, u mbagħad ippubblikaw l-impressjonijiet u t-tifkiriet tagħhom. Uħud ikkritikaw li "ma kellhom l-ebda arti jew sbuħija fihom", filwaqt li oħrajn sostnew li kienu "opri tal-arti enormi, ta' ħila straordinarja".
Il-Brittaniċi kienu jiddependu fuq il-belt portwali ta' Bombay (issa Mumbai), u dan wassal biex issir ċentru urban ewlieni u post ta' migrazzjoni tal-Induisti li kienu qed ifittxu xi opportunitajiet ekonomiċi. L-Għerien ta' Elephanta reġgħu feġġew bħala ċentru ta' qima Induista, u skont ir-rekords amministrattivi tal-Brittaniċi, il-gvern kien jimponi taxxa għall-użu tat-tempju lill-pellegrini mill-inqas mill-1872.
Fl-1903, l-Induisti għamlu petizzjoni lill-gvern biex ineħħi din it-taxxa, u l-Brittaniċi qablu li titneħħa fit-tlett ijiem ta' festa ta' Xiva, bil-qbil tal-Induisti. L-Għerien ta' Elephanta madankollu tħallew f'kundizzjoni tassew ħażina.
Lejn l-aħħar tas-snin 70 tas-seklu 20, il-Gvern tal-Indja rrestawra l-għar prinċipali f'tentattiv li jsir sit turistiku u ta' wirt kulturali. L-għerien ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]L-Għerien ta' Elephanta ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]
Preservazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-pożizzjoni konvenjenti ta' dawn l-għerien qrib Mumbai (meta mqabbla ma' siti oħra li huma moqdija inqas tajjeb mill-infrastruttura Indjana tat-trasport) u l-kurżità tal-Punent fir-rigward tal-kultura storika Indjana wasslu biex tħejjew diversi kotba ta' gwida għall-Għerien ta' Elephanta u nibet interess sinifikanti fihom fost l-istudjużi tas-seklu 20. L-ispekulazzjonijiet bikrin u l-ideat żbaljati dwar dawn l-għerien wasslu għal bosta interpretazzjonijiet u nuqqas ta' qbil fost l-istudjużi, iżda fl-istess ħin żiedu l-appoġġ għall-preservazzjoni tagħhom. Il-pubblikazzjoni dwar il-kundizzjoni tagħhom, flimkien ma' tpinġijiet u l-interpretazzjonijiet ta' James Burgess fl-1871 attiraw iktar attenzjoni. L-iżjed sforzi bikrin ta' preservazzjoni tal-Għerien ta' Elephanta saru mill-uffiċjali Brittaniċi fl-Indja fl-1909 meta s-sit tqiegħed taħt ir-responsabbiltà tad-Dipartiment Arkeoloġiku Indjan u meta ġie inkluż fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Att dwar il-Preservazzjoni tal-Monumenti Antiki. Dan għen biex il-gżira tiġi iżolata u biex il-fdalijiet jiġu ppreservati.
Barra minn hekk, ġew promulgati bosta leġiżlazzjonijiet oħra li għenu l-preservazzjoni tas-sit: l-Att dwar is-Siti, il-Monumenti u l-Fdalijiet Arkeoloġiċi Antiki tal-1958 u r-Regoli (1959); ir-Regoli dwar l-Għerien ta' Elephanta (Monument Protett) tal-1957, li jipprojbixxu l-estrazzjoni, it-tħaffir, l-isplużjoni, l-iskavi u operazzjonijiet oħra qrib il-monument; l-Att dwar l-Antikitajiet u t-Teżori tal-Arti tal-1972 u r-Regoli tal-1973; Notifika maħruġa fl-1985 li ddikjarat lill-gżira kollha flimkien ma' żona ta' kilometru (0.62 mili) mill-kosta bħala "żona pprojbita"; sensiela ta' atti ambjentali tal-Gvern tal-Istat ta' Maharashtra għall-protezzjoni tas-sit; l-Att tal-Ippjanar Reġjonali u tal-Belt tal-1966; u r-Regolamenti tal-1995 dwar il-Wirt Storiku ta' Greater Bombay. Madankollu, l-isforzi attivi ta' konservazzjoni u ta' restawr saru fis-snin 70 tas-seklu 20. Dawn l-isforzi wasslu biex il-fdalijiet tal-Għar 1 u ta' diversi għerien oħra fil-gżira jsiru Sit ta' Wirt Dinji.
Is-sezzjoni ta' Aurangabad tal-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja (ASI), tieħu ħsieb il-manutenzjoni u l-ġestjoni tal-Għerien ta' Elephanta. Hija responsabbli għall-monitoraġġ u għall-istabilizzazzjoni tal-blat, għall-kostruzzjoni ta' riffieda li jirfdu l-istrutturi tal-għerien fejn il-pilastri ċedew, u għall-konsolidazzjoni tal-artijiet tal-għerien, kif ukoll għall-kostruzzjoni ta' ħajt ta' parapett madwar is-sit. Barra minn hekk, tieħu ħsieb il-faċilitajiet għall-viżitaturi u mużew fil-post. Is-sit jilqa' madwar 1,000 viżitatur kuljum, u ferm iktar nhar ix-Xiva Ratri, meta jkun hemm il-festivals taż-żfin, f'Jum il-Wirt Dinji (it-18 ta' April) u fil-Ġimgħa tal-Wirt Dinji bejn id-19 u l-25 ta' Novembru jew meta jkun hemm avvenimenti speċjali.
Wara li l-għerien tniżżlu bħala Sit ta' Wirt Dinji, l-UNESCO u l-ASI ħadmu flimkien għall-monitoraġġ tas-sit u għall-implimentazzjoni ta' metodi ta' konservazzjoni minn żmien għal żmien.
Letteratura
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-illustrazzjoni poetika tagħha tal-1834, The Caves of Elephanta (L-Għerien ta' Elephanta), għal inċiżjoni ta' pittura ta' W. Purser, Letitia Elizabeth Landon jiddispjaċiha bit-telfa tal-iskop spiritwali oriġinali ta' din l-istruttura vasta, tant li issa: "Is-santwarju setgħan, mhux divinizzat, jesprimi l-qawwa, u qawwa biss, l-iżjed attribut kiefer tal-bniedem".
L-Għerien ta' Elephanta jissemmew iktar minn darba f'Moby Dick ta' Herman Melville kif ukoll fir-rumanz tal-1944 ta' Somerset Maugham, The Razor's Edge.
Ara wkoll
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Elephanta Caves". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-07-27.