Gżejjer tal-Qroll ta' Aldabra
Il-Gżejjer tal-Qroll ta' Aldabra huma t-tieni l-ikbar grupp ta' gżejjer tal-qroll fid-dinja,[1] u jinsabu fix-Xlokk tal-kontinent Afrikan. Jinsabu fl-Oċean Indjan u jagħmlu parti mill-Gżejjer Esterni tas-Seychelles, f'distanza ta' 1,120 km (700 mil) fil-Lbiċ tal-belt kapitali Victoria fil-Gżira ta' Mahé. Inizjalment ingħataw dan l-isem minn xi baħħara Għarab minħabba l-ambjent aħrax tagħhom, u mbagħad il-Gżejjer tal-Qroll ta' Aldabra saru dipendenza kolonjali Franċiża fis-seklu 18, u dan wassal għall-isfruttament tar-riżorsi naturali tal-gżejjer, b'mod partikolari tal-fkieren tal-art ġganteski. Wara li għaddiet f'idejn il-Brittaniċi, Aldabra ffaċċjat użu militari potenzjali fis-snin 60 tas-seklu 20, iżda protesti internazzjonali għenu l-protezzjoni tagħha. Il-gżejjer tal-qroll għandhom ġeografija unika, bl-ikbar skoll tal-qroll olzat fid-dinja u b'laguna baxxa kbira. L-istorja ta' Aldabra tinvolvi l-impatt uman, inkluż tentattivi agrikoli li ma rnexxewx. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-isforzi ta' konservazzjoni żdiedu, u wasslu għall-inklużjoni tal-gżejjer fit-Territorju Brittaniku tal-Oċean Indjan u għall-indipendenza eventwali għas-Seychelles. Wara protesta internazzjoni mix-xjenzati magħrufa bħala l-"Kwistjoni ta' Aldabra", is-Soċjetà Rjali ta' Londra u iktar 'il quddiem il-Fondazzjoni tal-Gżejjer tas-Seychelles wettqu riċerka, li wasslet biex il-gżejjer jitniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1982.[2] Il-flora u l-fawna tal-gżejjer tal-qroll, b'mod partikolari l-fkieren tal-art ġganteski, jirrappreżentaw "sit ekoloġiku tal-għaġeb", u Aldabra sservi bħala sit tat-tnissil kritiku għal diversi speċijiet. Għadd hemm sfidi persistenti fil-konservazzjoni, bħal speċijiet invażivi u tniġġis tal-plastik, iżda l-miżuri protettivi, inkluż id-deżinjazzjoni mill-UNESCO, jenfasizzaw l-importanza ta' Aldabra bħala sit naturali vitali għar-riċerka xjentifika. Il-Gżejjer tal-Qroll ta' Aldabra jilqgħu turiżmu limitat sabiex tiġi ssalvagwardjata l-ekosistema delikata tagħhom u huma aċċessibbli primarjament permezz ta' mawriet iggwidati.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]L-isem Aldabra, oriġinarjament Al-Hadra jew Al-Khadra (b'diversi varjanti), ingħata minn xi baħħara Għarab minħabba "l-ambjent aħdar aħrax u maħkum mill-qilla tax-xemx" tagħha; dan l-isem ġie inkluż fil-mapep Portugiżi tas-seklu 16.[3] Il-gżejjer diġà kienu magħrufa fost il-Persjani u l-Għarab. Dawn lill-Oċean Indjan kienu jsejħulu Bahr-el zanj. Il-gżejjer tal-qroll żaruhom in-navigaturi Portugiżi fl-1511. F'nofs is-seklu 18, il-gżejjer tal-qroll saru dipendenza tal-kolonja Franċiża ta' Réunion, u minn hemm kienu jsiru spedizzjonijiet biex jinqabdu l-fkieren tal-art ġganteski.[4]
Peress li ma hemm l-ebda għejun tal-ilma ħelu fil-wiċċ f'Aldabra, l-interessi tal-esploraturi (ma hemm l-ebda prova li qatt żar xi esploratur Ewropew qabel l-1742) kienu biss li jisfruttaw l-ispeċijiet tal-fkieren tal-art, tal-fkieren tal-baħar u tal-ħut, u mhux li jabitaw il-gżejjer tal-qroll. Fil-1810, flimkien mal-Mauritius, mar-Réunion, mas-Seychelles u ma' gżejjer oħra, Aldabra għaddiet taħt idejn ir-Renju Unit. Iktar 'il quddiem Réunion ġiet irritornata lil Franza, u l-Mauritius kisbet il-kontroll ta' Aldabra kif ukoll tal-kumplament tas-Seychelles. L-abitanti preċedenti kienu emigranti mis-Seychelles.[5]
L-Ammirall W. J. L. Wharton tal-Flotta Navali Brittanika żbarka f'Aldabra fl-1878 sabiex iwettaq stħarriġiet idrografiċi tal-gżejjer. Fl-1888 ġie stabbilit l-ewwel insedjament wara l-Konċessjoni mogħtija mill-awtoritajiet tas-Seychelles. Insedjament żgħir ġie stabbilit fil-Gżira ta' Picard u kien iħares lejn il-Punent qrib il-bajja. Il-ħsieb kien li jiġu sfruttati u esportati r-riżorsi naturali tal-gżejjer. Iċ-ċittadini tal-insedjament bnew kappella qalb is-siġar tal-badamier, bl-użu tal-injam u tal-azzar; il-kappella kienet meqjusa bħala żieda essenzjali mad-djar tal-pjantaġġuni u l-binjiet bl-uffiċini. Peress li Aldabra ma kellha l-ebda riżorsa tal-ilma ħelu, inbnew strutturi rettangolari kbar għall-ħżin tal-ilma biswit kull binja. Fil-villaġġ inbena wkoll ħabs b'żewġ kmamar, u għadhom jeżistu xi fdalijiet tiegħu.
L-isfruttament tal-fkieren tal-art għal skopijiet kummerċjali dak iż-żmien joħroġ fid-dieher mill-fdalijiet ta' impjant tat-tkissir fil-Gżira ta' Picard, li kien jintuża għat-tkissir tal-għadam u tal-qxur tal-fkieren tal-art, li kienu jiġu ttrasportati wkoll minn diversi gżejjer tal-qroll ta' Aldabra. Saru sforzi biex jitkabbru pjantaġġuni tal-ġewż tal-Indì, tal-qoton u tas-sisal, iżda dawn ma rnexxewx minħabba n-nuqqas ta' sorsi tal-ilma adegwati; f'uħud mill-gżejjer għad hemm fdalijiet ta' dawn il-pjantaġġuni. Fl-aħħar tas-seklu 19, ġew introdotti l-mogħoż bħala sors tal-ikel għaċ-ċittadini tal-villaġġ (madwar 200 ruħ) li kienu jgħixu hemm. Bi żball iddaħħlu wkoll firien mill-vapuri u ġew irreġistrati qabel l-1870, flimkien ma' wiżgħat domestiċi li ġew innutati mis-snin 70 tas-seklu 20. Il-baħħar żbarkaw fuq il-gżejjer tal-qroll fis-seklu 19 u ħatfu l-fkieren tal-art bħala sors tal-ikel; ġie rrapportat li żewġ vapuri ħadu saħansitra 1,200 fekruna tal-art magħhom. Sal-1900, il-fkieren tal-art kienu kważi ġew estinti, u membru tal-ekwipaġġ spiss kien ikollu jikkaċċja għal tlett ijiem biex isib waħda.[6]
Fil-bidu tas-snin 19, il-konċessjonijiet mogħtija lill-individwi kważi qerdu l-foresti u l-ħabitats tal-fkieren tal-art f'bosta gżejjer fis-Seychelles; fil-Gżejjer tal-Qroll ta' Aldabra, fid-dawl tat-topografija mħarbta u remota, ġew ikklerjati rqajja' żgħar biss ta' foresti għal operazzjonijiet agrikoli (l-iktar pjantaġġuni tal-ġewż tal-Indì), iżda l-fkieren tal-art inqabdu b'intensità għal-laħam u għall-kummerċ. Madankollu, James Spurs, li kellu l-konċessjoni tal-gżejjer tal-qroll, kien responsabbli inizjalment biex jiġu salvati l-fkieren tal-art fil-gżejjer tal-qroll meta pprojbixxa l-qtil tagħhom fl-1891.[7]
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-isfruttament ta' Aldabra għall-użu kummerċjali ntemm u ġew imposti saħansitra restrizzjonijiet fuq għadd ta' persuna li kienu jgħix fil-gżejjer; dan l-għadd ġie ffissat għal 200 ruħ. L-introduzzjoni ta' speċijiet invażivi ġiet ipprojbita, l-ispeċijiet tal-fawna ġew protetti mil-liġi, u twettqet riċerka attiva dwar l-ekoloġija u l-bijodiversità tal-gżejjer tal-qroll mis-Soċjetà Rjali ta' Londra minn nofs is-snin 70 tas-seklu 20.
Il-Gżejjer tal-Qroll ta' Aldabra, flimkien ma' Desroches u Farquhar, kienu parti mit-Territorju Brittaniku tal-Oċean Indjan mill-1965 sal-indipendenza tas-Seychelles fl-1976. Fis-snin 60 tas-seklu 20, bħala parti mill-"Politika dwar l-Oċean Indjan" tiegħu, u bħala appoġġ għall-impenji fil-Lvant tal-Kanal ta' Suez, il-gvern Brittaniku kkunsidra li jistabbilixxi bażi tal-Forzi tal-Ajru Brittaniċi fuq il-gżira ta' Aldabra u stieden lill-Istati Uniti biex jgħinu fil-finanzjament tal-proġett bil-patt u l-kundizzjoni li l-użu tal-faċilità jkun kondiviż u bi ħlas ta' 11-il miljun dollaru. Fl-istess żmien (f'nofs is-snin 60 tas-seklu 20), il-Korporazzjoni Brittanika tax-Xandir saret interessata f'Aldabra bħala sit possibbli għal trażmettitur, għax-xandir tas-Servizz Barrani tal-BBC fl-art kontinentali Afrikana. Il-BBC organizzat spedizzjoni ta' sejba tal-fatti (l-Ispedizzjoni tal-Fkieren tal-Baħar) sabiex tivvaluta l-gżira kinitx adattata għal dan l-iskop. Il-BBC kienet tiddependi fuq il-Forza tal-Ajru Rjali għall-iżvilupp tal-gżejjer tal-qroll għaliex mingħajrha l-proġett ma kienx ikun fattibbli.
Madankollu, wara protesta internazzjonali mix-xjenzati (magħrufa bħala l-"Kwistjoni ta' Aldabra"), il-pjanijiet militari ġew abbandunati u l-gżejjer tal-qroll minflok ingħataw protezzjoni sħiħa. Id-"dimostranti ambjentali" taħt it-tmexxija ta' Julian Huxley, bl-appoġġ tal-Membri Parlamentari Tam Dalyell u Robin Cook, irnexxielhom iħassru l-pjanijiet Brittaniċi inizjali. Fl-1966, il-Ministru tad-Difiża Brittaniku Denis Healey osserva: "Milli nista' nifhem, il-gżira ta' Aldabra hija abitata, bħall-Front tal-Oppożizzjoni tal-Maestà Tagħha, minn fkieren tal-art ġganteski, tjur Fregatidae u Sulidae".
Wara l-isfaxxar tal-pjanijiet li jiġi stabbilit stazzjonament militari f'Aldabra (li minflok sar fuq Diego Garcia fil-Gżejjer Chagos), is-Soċjetà Rjali ta' Londra kompliet bl-istudju xjentifiku fuq il-flora u l-fawna tal-gżejjer tal-qroll mal-Professur David Stoddart bħala l-mexxej. Is-Soċjetà Rjali ħallset għat-twellija tal-gżejjer tal-qroll fl-1970 u l-bażi tar-riċerka tagħha saret operattiva mill-1970. Wara t-tlestija tax-xogħol assenjat, is-Soċjetà Rjali telqet u l-Fondazzjoni tal-Gżejjer tas-Seychelles (SIF), trust pubblika tas-Seychelles, ħadet f'idejha l-ġestjoni u l-protezzjoni tal-gżejjer tal-qroll fl-1979. L-SIF tiffunzjona taħt il-patroċinju tal-President tas-Seychelles u Aldabra ġiet iddikjarata Riżerva Naturali Speċjali fl-1981; saret Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fid-19 ta' Novembru 1982 u tpoġġiet plakka tar-ram isfar bil-kitba "Aldabra, sit naturali tal-għaġeb mogħti lill-umanità mill-poplu tar-Repubblika tas-Seychelles". Din il-kitba hija tassew f'waqtha għaliex il-gżejjer tal-qroll huma wħud mill-uniċi gżejjer tal-qroll olzati u mhux mittiefsa fid-dinja.
Ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Gżejjer tal-Qroll ta' Aldabra jinsab fl-iżjed parti fil-Lbiċ tas-Seychelles, u huma eqreb il-kosta tal-Afrika b'630 kilometru (390 mil) milli lejn Mahé. Jinsabu 407 kilometri (253 mil) fil-Majjistral tal-Madagascar u 440 kilometru (270 mil) minn Moroni fil-GżejjerComoros. Il-gżejjer tal-qroll huma l-ikbar skoll tal-qroll olzat fid-dinja b'elevazzjoni ta' 8 metri (26 pied); u t-tieni l-ikbar skoll tal-qroll fid-dinja wara dak ta' Kiritimati. Jinsabu fil-koordinati 9°24′S 46°22′E u jagħmlu parti mill-Gżejjer Esterni tas-Seychelles, li jinkludu l-gżira ta' Assumption u l-gżejjer tal-qroll ta' Astove u Cosmoledo. Il-Gżejjer tal-Qroll ta' Aldabra għandhom tul ta' 34 kilometru (21 mil) b'orjentazzjoni mil-Lvant għall-Punent u wisgħa ta' 13-il kilometru (8.1 mili). Fihom hemm laguna baxxa kbira, b'erja ta' 196 kilometru kwadru (76 mil kwadru), u żewġ terzi minnha tkun niexfa meta l-marea tkun baxxa. Il-laguna hija mdawra b'skoll tal-qroll marġinali.[8]
Madwar ix-xifer tal-laguna hemm l-ikbar gżejjer. L-erja totali tal-art tal-gżejjer tal-qroll hi ta' 155.4 kilometru kwadru (60.0 mil kwadru). Id-daqs, inkluż il-laguna, hu ta' 380 kilometru kwadru (150 mil kwadru). Ix-xifer ta' barra tal-gżejjer tal-qroll fih tliet passaġġi kkollegati mal-laguna, b'wisgħa ta' 6-10 kilometri (3.7-6.2 mili) fejn tagħti għall-baħar. Il-fond tal-laguna fih medja ta' madwar 5 metri (16-il pied); madankollu, il-passaġġi li jagħtu għall-baħar jilħqu fond ta' 20 metru (66 pied) u huma affettwati sew mill-kurrenti tal-mareat.
Lista tal-gżejjer
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Gżejjer tal-Qroll ta' Aldabra huma magħmula minn erba' gżejjer kbar u xi 40 gżejra u blat ieħor, kollha fi ħdan il-laguna, kif ukoll ftit gżejriet żgħar ħafna fil-Fliegi tal-Punent bejn il-Gżira ta' Grand Terre u l-Gżejjer Picard, u l-ikbar waħda minnhom hi Îlot Magnan.[9]
- Îlot Magnan għandha erja ta' 0.032 kilometru kwadru (0.012 mili kwadri).
Nru | Gżira | Sobriquet | Tip | Koordinati | Erja
(ettari) |
Kosta (km) | Tul (km) | Wisgħa (km) | Elevazzjoni (m) |
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
1 | Picard | West | gżira | 09°22′55″S 46°13′10″E | 928.70 | 25.80 | 3.20 | 3.90 | 0.00 |
2 | Polymnie | gżira | 09°22′28″S 46°15′35″E | 193.60 | 10.40 | 1.01 | 3.42 | 0.00 | |
3 | Niçois tat-Tramuntana | Îlot Niçois Nord | gżira | 09°22′47″S 46°15′27″E | 2.80 | 0.94 | 0.38 | 0.09 | 0.00 |
4 | Niçois tan-Nofsinhar | Îlot Niçois Sud | gżira | 09°22′48″S 46°15′20″E | 0.73 | 0.35 | 0.13 | 0.06 | 0.00 |
5 | Gros | Gros ÎIot Gionnet | gżira | 09°22′56″S 46°16′28″E | 4.00 | 1.08 | 0.40 | 0.12 | 0.00 |
6 | Petite | Petite ÎIot Gionnet | gżira | 09°22′53″S 46°16′26″E | 0.48 | 0.29 | 0.10 | 0.05 | 0.00 |
7 | Malabar | Middle | gżira | 09°22′50″S 46°20′00″E | 2650.50 | 52.5 | 2.00 | 17.70 | 0.00 |
8 | Verte | Île Verte | gżira | 09°22′59″S 46°26′04″E | 4.15 | 1.50 | 0.43 | 0.12 | 0.00 |
9 | Marquoix | Îlot Marquoix | gżira | 09°23′05″S 46°25′56″E | 1.62 | 0.88 | 0.25 | 0.11 | 0.00 |
10 | Coconut tat-Tramuntana | gżira | 09°23′38″S 46°27′30″E | 52.30 | 4.40 | 0.9 | 0.7 | 0.00 | |
11 | Coconut tan-Nofsinhar | gżira | 09°24′12″S 46°27′40″E | 58.10 | 4.26 | 1.1 | 0.6 | 0.00 | |
12 | Michael | Île Michel | gżira | 09°24′28″S 46°26′55″E | 37.00 | 5.57 | 1.45 | 0.44 | 0.00 |
13 | Petit Mentor | Petit Mentor Endans | gżira | 09°26′13″S 46°22′10″E | 0.10 | 0.10 | 0.03 | 0.03 | 0.00 |
14 | Gros | Gros ÎIot Sésame | gżira | 09°27′25″S 46°15′53″E | 2.35 | 0.93 | 0.36 | 0.07 | 0.00 |
15 | Petit | Petit ÎIot Sésame | gżira | 09°27′34″S 46°15′58″E | 0.20 | 0.20 | 0.06 | 0.04 | 0.00 |
16 | Grand Terre | South | gżira | 09°28′00″S 46°19′00″E | 11400 | 106.65 | 34.10 | 8.50 | 0.00 |
17 | Moustiques | Île Moustiques | gżira | 09°26′15″S 46°14′11″E | 29.30 | 3.10 | 0.9 | 0.4 | 0.00 |
18 | Euphrates | Île Esprit | gżira | 09°25′40″S 46°15′00″E | 36.10 | 2.77 | 1.05 | 0.5 | 0.00 |
19 | Sylvestre tal-Punent | gżira | 09°25′37″S 46°15′22″E | 0.40 | 0.30 | 0.05 | 0.1 | 0.00 | |
20 | Sylvestre tal-Lvant | gżira | 09°25′36″S 46°15′26″E | 0.20 | 0.20 | 0.05 | 0.04 | 0.00 | |
21 | Chalen | gżira | 09°25′07″S 46°13′36″E | 0.35 | 0.50 | 0.18 | 0.1 | 0.00 | |
22 | Grabeau | gżira | 09°25′00″S 46°12′42″E | 1.24 | 0.00 | 0.00 | 0.00 | 0.00 | |
22 | Grande Magnan | Îlot Grande Magnan | gżira | 09°25′00″S 46°12′42″E | 5.15 | 0.00 | 0.00 | 0.00 | 0.00 |
22 | Petite Magnan | Îlot Petite Magnan | gżira | 09°25′00″S 46°21′00″E | 2.36 | 0.00 | 0.00 | 0.00 | 0.00 |
22 | Lanier | gżira | 09°25′00″S 46°21′00″E | 1.03 | 0.00 | 0.00 | 0.00 | 0.00 | |
22 | Dubois | gżira | 09°25′00″S 46°21′00″E | 2.73 | 0.00 | 0.00 | 0.00 | 0.00 | |
22 | Yangue | gżira | 09°25′00″S 46°21′00″E | 1.65 | 0.00 | 0.00 | 0.00 | 0.00 | |
22 | Emile | gżira | 09°25′00″S 46°21′00″E | 5.05 | 0.00 | 0.00 | 0.00 | 0.00 | |
Gżejjer tal-Qroll ta' Aldabra | gżejjer tal-qroll | 09°25′00″S 46°21′00″E | 15520.00 | 16 |
Iktar gżejjer (pożizzjoni mhux speċifikata):
- Île aux Cendres
- Îlot Parc
- Champignon des Os
- Grand Mentor
- Grand ÎIot
- Heron Rock
- Hide Island
- Île aux Aigrettes
- Île aux Cèdres
- Îles Chalands
- Île Fangame
- Île Héron
- Île Suacco
- Îlot Déder
- Îlot du Sud
- Îlot du Milieu
- Îlot du Nord
- Îlot Macoa
- Îlot Salade
- Gżira Nofsanija ta' Row
- Blata ta' Nobby
- Gżira ta' Row tat-Tramuntana
- Petit Mentor
- Petits ÎIots
- Blata Roża
- Gżira ta' Row tan-Nofsinhar
- Table Ronde
Ġeoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-gżejjer tal-qroll fihom karatteristiċi fossili u ġeomorfoloġiċi, li minnhom nibtet il-bijodiversità li naraw illum. Il-gżejjer tal-qroll jikkonsistu minn skolli tal-qroll tal-ġebla tal-ġir tal-perjodu Plejstoċen (b'formazzjonijiet irregolari tal-qroll imsejħa "champignon" (litteralment "faqqiegħ"), magħmula minn żewġ saffi ta' stadji differenti ta' kristallizzazzjoni) u dawn huma estiżi fuq wisgħa medja ta' żewġ kilometri (1.2 mil) u huma olzati sa għoli ta' 8 metri (26 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar, u jiffurmaw il-linja tax-xifer (irdumijiet baxxi "bi xquq fondi, ippreċeduti minn pinnakli jniggżu") tal-laguna ċentrali. Ġeoloġikament is-saffi tal-ġebla tal-ġir ġew soġġetti għal tumbati, ħofor u fosos b'saff prominenti u kontinwu tal-ġebla tal-ġir fuq in-naħa tal-Lvant fuq id-depożiti tas-sedimenti.
Il-linja tal-kosta fiha rdumijiet tal-ġebla tal-ġir fuq bajja elevata; tinsab f'żewġ terrazzi ċari ta' għoli ta' 8 metri (26 pied) u ta' 6 metri (20 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Filwaqt li t-topografija terrestri (mifruxa fuq medda ta' elevazzjoni ta' 0-8 metri (0-26 pied)) hija mħarbta u dettata minn kundizzjonijiet ġeomorfiċi, il-wiċċ tal-art hija magħmula minn ġebla tal-ġir li għandha madwar 125,000 sena, li ġiet olzata kemm-il darba 'l fuq mil-livell tal-baħar. Il-kundizzjonijiet tal-wiċċ huma mimlija ħofor u fosos. Fiż-żona tal-Lvant tal-laguna, għalkemm il-wiċċ huwa kontinwu, hemm ukoll saffi tas-sedimenti. Il-kosta tan-Nofsinhar fid-direzzjoni tar-riħ hija magħmula minn għaram tar-ramel.
Klima u mareat
[immodifika | immodifika s-sors]Aldabra tinsab fiż-żona tan-nixfa tal-Lbiċ tal-Oċean Indjan. L-istaġun tal-monsuni tal-Majjistral ikun minn Novembru sa Marzu u fih tinżel l-iktar xita qliel. Fil-bqija tax-xhur, l-irjieħ prevalenti tax-Xlokk huma dominanti. Aldabra jkollha preċipitazzjoni annwali medja ta' 960 millimetru (38 pulzier). Iċ-ċikluni fis-Seychelles huma rari minħabba li l-gżejjer huma qrib l-Ekwatur. It-temperatura massima medja tal-arja rreġistrata f'Diċembru tkun ta' 31 °C (88 °F). It-temperatura minima medja rreġistrata f'Awwissu tkun ta' 22 °C (72 °F).
L-idrodinamika tal-laguna tal-Gżejjer tal-Qroll ta' Aldabra hija ddominata mill-mareat. Il-firxa mareali massima f'Aldabra hi ta' madwar 2.7 metri, li hija tassew għolja għal gżejjer tal-qroll. Il-fluss bejn il-laguna u l-oċean miftuħ huwa possibbli biss minn għadd żgħir ta' fliegi dojoq, li jiġġeneraw kurrenti mareali ta' iktar minn 3 m/s f'Passe Gionnet, u ta' iktar minn 1 m/s fil-biċċa l-kbira tal-fliegi l-oħra. Minħabba r-restrizzjoni tal-iskambju tal-ilma minn dawn il-fliegi, il-mareat fi ħdan il-laguna huma mrażżna u mdewma meta mqabbel mal-oċean miftuħ, u l-firxa mareali tvarja fi ħdan il-laguna kollha.
Il-Gżejjer tal-Qroll ta' Aldabra tinsab qalb il-Kurrent Ekwatorjali bi fluss lejn il-Punent tal-Oċean Indjan. Jiġu ġġenerati belligħat żgħar (magħrufa teknikament bħala eddies) qrib Aldabra kif jgħaddi minnha l-Kurrent Ekwatorjali tan-Nofsinhar, u b'hekk l-ilmijiet fondi jiġu ddireġuti 'l fuq u jġibu magħhom in-nutrijenti lejn il-wiċċ, u b'hekk joktor il-phytoplankton.
Organiżmi selvaġġi
[immodifika | immodifika s-sors]L-iżjed studju bikri tal-flora u tal-fawna, kif ukoll tal-istruttura ġeomorfoloġika, sar fl-1910. Hemm 307 speċijiet ta' annimali u ta' pjanti fil-Gżejjer tal-Qroll ta' Aldabra. Ir-rettili huma l-fawna terrestri prominenti. Sir David Attenborough sejjaħ lil Aldabra bħala "Waħda mill-għeġubijiet tad-dinja", u hija magħrufa bħala waħda "mill-ġojjelli tal-kuruna" tal-Oċean Indjan.
Flora
[immodifika | immodifika s-sors]Iż-żoni l-iktar għoljin ta' Aldabra huma miksija bil-pemphis, arbuxxell kostali oħxon, filwaqt li ż-żoni iktar baxxi, li jospitaw il-fkieren tal-art ġganteski, huma taħlita ta' siġar, arbuxxelli, ħxejjex aromatiċi u ħaxix. Ġew irreġistrati 273 speċi ta' pjanti li jarmu l-fjuri, arbuxxelli u felċi fil-gżejjer tal-qroll. Hemm ukoll irqajja' densi ta' Pemphis acidula, u taħlita ta' ħaxix u ta' ħxejjex aromatiċi msejħa "ħaxix tal-fkieren tal-art" f'bosta żoni. Din il-flora tinkludi 19-il speċi endemika u 22 speċi li huma komuni għal dawk tal-gżejjer ġirien, u diversi minn dawn l-ispeċijiet huma mniżżla fil-Lista l-Ħamra tal-IUCN. L-orkidea tal-Phaethon (Angraecum seychellarum) hija l-fjura nazzjonali tas-Seychelles u tinsab fil-"faqqiegħ" iniggeż u niexef tal-ġebla tal-ġir ta' Aldabra. Pjanti endemiċi oħra jinkludu l-Pandanus aldabrensis, il-ġilju ta' Aldabra (Aloe aldabrensis) u sottospeċi ta' orkidea tal-Phaethon, Angraecum eburneum.
Mal-konfini tal-laguna hemm il-foresti tal-mangrovji, u hemm mergħat interni kbar tal-ħaxix tal-baħar, kif ukoll żoni tal-iskolli tal-qroll u artijiet ċatti bir-ramel. Il-mangrovji, li joktru fiż-żoni ċatti bit-tajn tal-marea u f'kundizzjonijiet salmastri, jidhru fix-xtut tal-laguna u huma parti integrali mill-ekosistema kostali. Hemm seba' tipi ta' mangrovji f'Aldabra, tlieta minnhom huma speċijiet li jokkorru rarament. Dawn jinkludu l-mangrovja bajda (Avicennia marina) li tikber sa 12-il metru (39 pied), il-mangrovja sewda (Bruguiera gymnorhiza) li tikber sa 18-il metru (59 pied) b'għamla konika, il-Mangliye zonn (Ceriops tagal) li tikber sa 7 metri (23 pied) b'zokk ewlieni mirfud, u l-mangrovja ħamra (Rhizophora mucronata) li hija l-itwal speċi li tikber sa 20 metru (66 pied).
Fawna
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Gżejjer tal-Qroll ta' Aldabra għandha fawna distintiva li tinkludi l-ikbar popolazzjoni ta' fkieren tal-art ġganteski (Aldabrachelys gigantea) fid-dinja (100,000 annimal). Id-daqs tal-fkieren tal-art ivarja b'mod sostanzjali fil-gżejjer tal-qroll, iżda tipikament il-fkieren tal-art adulti jkollhom qoxra twila 105 ċentimetri (41 pulzier) u jistgħu jiżnu sa 350 kilogramma (770 libbra). Huma erbivori u jieklu l-pjanti, is-siġar u l-algi li jikbru fl-għadajjar tal-ilma ħelu. Il-fkieren tal-art jitgħammru bejn Frar u Mejju, imbagħad il-fkieren tal-art femminili jbidu l-bajd tagħhom minn Ġunju sa Settemnru f'żoni b'saffi adattati tal-ħamrija. Huma jbidu bajd bid-daqs ta' blalen tal-golf; bejn tlieta sa ħames bajdiet kull ftit snin f'żoni b'densità għolja u bejn 14 u 16-il bajda f'żoni b'densità baxxa. Il-fkieren tal-art femminili jistgħu jbidu diversi bajdiet f'sena u l-perjodu ta' inkubazzjoni jdum bejn 73 u 160 jum. Il-fkieren tal-art żgħar vulnerabbli jiġu mhedda bħala priża mill-granċijiet tal-ġewż tal-Indì, mill-granċijiet tal-art, mill-firien u mill-għasafar. Fl-imgħoddi, il-fkieren tal-art ġganteski ġew rilokati fuq gżejjer oħra fis-Seychelles u anke fil-Ġonna Botaniċi ta' Victoria fil-gżira ta' Mahé. Wieħed mill-iżjed fkieren tal-art ġganteski ta' Aldabra bl-itwal għomor kien Adwaita, fekruna tal-art maskili li miet meta kellu madwar 250 sena fil-Ġonna Żooloġiċi ta' Alipore f'Kolkata fl-24 ta' Marzu 2006.
Aldabra hija sit tat-tnissil tal-fkieren tal-baħar Eretmochelys imbricata u Chelonia mydas. Aldabra għandha waħda mill-ikbar popolazzjonijiet ta' fkieren tal-baħar ħodor li jbidu fil-Punent tal-Oċean Indjan. Aldabra għandha popolazzjoni kbira tal-ikbar artropodu terrestri fid-dinja, il-granċ tal-ġewż tal-Indì (Birgus latro); u tospita wkoll il-gallozz ta' sidru abjad, l-unika speċi ta' gallozz li ma jtirx li għadu jeżisti fl-Oċean Indjan. Il-klieb il-baħar, ir-rajja manta, u l-barrakuda jippopolaw l-ibħra madwar il-gżejjer tal-qroll. Matul il-Plejstoċen, il-predatur terrestri dominanti kien l-antenat tal-kukkudrill Aldabrachampsus li issa huwa estint. Hemm tliet speċijiet ta' gremxul eżistenti, ix-xaħmet l-art Cryptoblepharus boutonii u l-wiżgħat Phelsuma abbotti u Hemidactylus mercatorius. Fossili tal-Plejstoċen jindikaw ukoll il-preżenza preċedenti ta' igwana Oplurus u ta' speċijiet oħra ta' xaħmet l-art u ta' wiżgħat. Hemm tliet speċijiet endemiċi ta' friefet il-lejl f'Aldabra: Paratriaenops pauliani, Chaerephon pusilla u l-pippistrell ta' Aldabra (Pteropus aldabrensis), kif ukoll il-farfett il-lejl iktar mifrux tal-Mauritius (Taphozous mauritianus). Hemm 1,000 speċi ta' insetti, u ħafna minnhom huma endemiċi. Bosta speċijiet ta' friefet jgħix fil-Gżejjer tal-Qroll ta' Aldabra.
Fost l-għasafar endemiċi hemm id-drongo ta' Aldabra (Dicrurus aldabranus), is-sottospeċi ta' Aldabra tal-gallozz ta' sidru abjad (Dryolimnas cuvieri aldabranus), l-aħħar għasfur li ma jtirx tar-reġjun tal-Oċean Indjan, u l-fody ta' Aldabra (Foudia aldabrana). Il-gżejjer huma siti tat-tnissil importanti għal eluf ta' għasafar tal-baħar, inkluż diversi speċijiet ta' ċirlewwi, Phaethontidae ta' denbhom aħmar, Phaethontidae ta' denbhom abjad, suli ta' saqajhom ħomor, u t-tieni l-ikbar popolazzjoni nissiela fid-dinja ta' Fregatidae kbar u żgħar fid-dinja. L-avifawna hija simili ħafna għal dik tal-Madagascar jew il-Gżejjer Comoros, u għasafar oħra huma l-fjamingi l-kbar, ir-russett tal-għadajjar tal-Madagascar, il-ħamiema blu tal-Gżejjer Comoros, l-ispanjulett tal-Madagascar, il-coucal tal-Madagascar, il-buqrajq tal-Madagascar, il-belbul tal-Madagascar u n-nettarin ta' Souimanga.
Mill-inqas 13-il speċi ta' ċetaċji, inkluż dniefel, orki, u speċjalment balieni tal-ġwienaħ kbar, ġew identifikati fl-ibħra tal-gżejjer tal-qroll. Id-dugongi jew il-baqar tal-baħar, li kienu maħsuba li kienu estinti reġjonalment fis-seklu 18, ġew ikkonfermati diversi drabi f'dawn l-aħħar snin.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Gżejjer tal-Qroll ta' Aldabra ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1982.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[2]
Demografija
[immodifika | immodifika s-sors]Bażi żgħira tar-riċerka xjentifika tal-SIF hija stabbilita fil-villlaġġ ta' La Gigi fil-Gżira ta' Picard. Il-persunal permanenti (attwalment 12) iwettaq riċerka biex tiġi studjata l-bijodiversità ta' Aldabra.
Trasport
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Gżejjer tal-Qroll ta' Aldabra mhumiex aċċessibbli faċilment. Ma hemm l-ebda mitjar, ħelipad jew moll għall-iżbark. L-eqreb ajruport jinsab fil-gżira ta' Assumption, 50 kilometru (31 mil) fix-Xlokk tal-Gżira ta' Picard. Darbtejn fix-xahar joperaw bastimenti tal-provvisti minn Mahé li jipprovdu l-affarijiet essenzjali lill-bażi tar-riċerka.
Turiżmu
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kruċieri jiġu operati minn diversi kumpaniji flimkien ma' dgħajjes tal-għadis li jaf iżuru l-gżejjer tal-qroll fuq spedizzjonijiet. Iż-żjarat minn nies li mhumiex xjenzati u persunal tal-SIF jiġu kkontrollati b'mod strett u jiġu pprovduti mawriet iggwidati biss abbażi ta' permessi minn qabel. Fl-2012, medja annwali ta' 900 turist iżuru l-gżejjer tal-qroll. Fi ħdanhom, jeżistu mogħdijiet pavimentati għall-mixi mill-villaġġ ta' La Gigi, li jwasslu għal promontorju fejn wieħed jista' jitpaxxa b'veduti xeniċi tal-laguna kbira (meta l-marea tkun baxxa) u tal-ispeċijiet ta' mangrovji.
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Matthew Murrie (2010). The First Book of Seconds: 220 of the Most Random, Remarkable, Respectable (and Regrettable) Runners-Up and Their Almost Claim to Fame. Adams Media. p. 180. ISBN 978-1-4405-1068-7.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Aldabra Atoll". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-19.
- ^ Cheke, Anthony. "Timing of arrival of humans and their commercial animals on the western Indian Ocean oceanic islands" (PDF).
- ^ Mair, Lyn; Beckley, Lynnath (2012). Seychelles. Bradt Travel Guides. pp. 126–. ISBN 978-1-84162-406-8. p. 11.
- ^ "Aldabra". web.archive.org. 2009-01-07. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-01-07. Miġbur 2024-01-19.
- ^ Carpin, Sarah,(1998) Seychelles, Odyssey Guides, p.162, The Guidebook Company Ltd.
- ^ Mair, Lyn; Beckley, Lynnath (2012). Seychelles. Bradt Travel Guides. pp. 126–. ISBN 978-1-84162-406-8. p. 35.
- ^ Coe, Malcolm James (1998). A Fragile Eden: Portraits of the Endemic Flowering Plants of the Granitic Seychelles. Princeton University Press. pp. 11–. ISBN 978-0-691-04817-8. p. 3.
- ^ "WIPO Lex". www.wipo.int. Miġbur 2024-01-19.