Foresti tas-Siġar tar-Rand ta' Madeira

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Foresti tas-Siġar tar-Rand ta' Madeira.

Il-Foresti tas-Siġar tar-Rand ta' Madeira (bil-Portugiż: Floresta Laurissilva da Madeira; bl-Ingliż: Laurisilva of Madeira) huma sit naturali li tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1] Jitqiesu bħala sit ta' siwi kbir minħabba d-daqs u l-kwalità tal-foresti tas-siġar tar-rand. Dawn il-foresti fl-imgħoddi kienu abbundanti ħafna, u għajr fil-gżira ta' Madeira, il-Portugall, u fil-Park Nazzjonali ta' Garajonay fil-gżira ta' La Gomera, fil-Gżejjer Kanarji, Spanja, prattikament dawn il-foresti huma estinti. Huwa maħsub li 90 % ta' dawn il-foresti huma foresti primordjali. Mit-tagħrif paleobotaniku tal-gżira ta' Madeira jidher ċar li l-foresti tas-siġar tar-rand ilhom jeżistu fuq din il-gżira mill-inqas minn 1.8 miljun sena ilu.[2]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Foresti tas-Siġar tar-Rand ta' Madeira.

Il-Foresti tas-Siġar tar-Rand ta' Madeira ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

Il-kanali tal-irrigazzjoni jew levada qalb il-Foresti tas-Siġar tar-Rand ta' Madeira.

L-UNESCO ġġustifikat l-inklużjoni ta' dan is-sit fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO proprju għaliex jirrappreżenta l-ikbar foresti tas-siġar tar-rand li għad fadal fid-dinja, li fl-imgħoddi kienu mifruxa mal-Ewropa kollha iżda llum il-ġurnata huma prattikament estinti. Barra minn hekk, dawn il-foresti jitqiesu li huma ċentru ta' bijodiversità tal-pjanti u fihom bosta speċijiet endemiċi, residwi u rari, speċjalment brijofiti, felċi u pjanti li jarmu l-fjuri. Huma rikki wkoll fil-fawna permezz tal-invertebrati, u fost l-ispeċijiet endemiċi tal-gżira ta' Madeira nsibu l-ħamiema tas-siġar tar-rand ta' Madeira (Columba trocaz).[1]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Laurisilva of Madeira". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-07.
  2. ^ Carlos A. Góis-Marques (2017). "Inventory and review of the Mio–Pleistocene São Jorge flora (Madeira Island, Portugal): palaeoecological and biogeographical implications". Journal of Systematic Palaeontology. 16 (2): 159–177.